Skip to content

Saħħa mentali

Is-saħħa mentali hija kruċjali għal ħajja sodisfatta u produttiva. Madankollu, ħafna Ewropej għandhom problemi ta' saħħa mentali. Il-pajjiżi tal-UE qed jaħdmu biex jippromwovu aħjar is-saħħa mentali.

Il-ħidma tal-Kunsill fuq is-saħħa mentali

Saħħa mentali tajba hija stat ta' benesseri li fih in-nies jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, ikampaw mal-istress, jaħdmu u jikkontribwixxu għall-ħajja komunitarja. Madankollu, il-piż tal-problemi tas-saħħa mentali fl-UE huwa tqil ħafna.

It-titjib tas-saħħa mentali huwa ħtieġa soċjali u ekonomika għall-UE u l-istati membri tagħha li saret aktar evidenti mill-pandemija tal-COVID-19 'l hawn.

Skont id-WHO, fl-ewwel sena tal-pandemija l-ansjetà u d-dipressjoni żdiedu b'25% fid-dinja kollha.

Il-Kummissjoni Ewropea rrappurtat ukoll żieda fil-perċezzjoni tas-solitudni fl-UE.

Żagħżugħ imdawwar bil-linji.

Il-Kunsill qed jaħdem fuq erba' settijiet ta' konklużjonijiet biex tingħata prijorità lis-saħħa u l-benesseri mentali, b'attenzjoni partikolari lill-aktar kwistjonijiet urġenti u l-aktar gruppi vulnerabbli:

  • nies li jagħmlu xogħol prekarju
  • żgħażagħ
  • nies li għandhom kemm disturbi marbuta mal-użu tad-droga kif ukoll problemi ta' saħħa mentali

Fit-30 ta' Novembru 2023, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar is-saħħa mentali. Il-konklużjonijiet jenfasizzaw l-importanza li jiġu indirizzati s-saħħa u l-benesseri mentali fil-kuntesti differenti matul il-ħajja, li huwa ta' benefiċċju kemm għall-individwi kif ukoll għas-soċjetajiet. L-istati membri huma mistiedna jelaboraw pjanijiet ta' azzjoni jew strateġiji b'approċċ transsettorjali għas-saħħa mentali.

Il-pajjiżi tal-UE qablu dwar għadd ta' objettivi biex titnaqqas il-pjaga ta' saħħa mentali fqira:

Ikona: kwalità tal-kura

kwalità aħjar tal-kura tas-saħħa mentali, li tagħmilha aktar aċċessibbli għal persuni b'kundizzjonijiet ta' saħħa mentali

Ikona: il-ġlieda kontra l-istigma u d-diskriminazzjoni.

il-ġlieda kontra l-istigma u d-diskriminazzjoni

Ikona: il-promozzjoni tal-prevenzjoni.

prevenzjoni, identifikazzjoni bikrija u kura ta' mġiba suwiċidali

Ikona: l-indirizzar tas-solitudni.

l-indirizzar tas-solitudni fi gruppi vulnerabbli

Ikona: promozzjoni tas-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol u fl-edukazzjoni.

il-promozzjoni tas-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol u fl-edukazzjoni

Ikona: approċċ olistiku.

approċċ olistiku għall-prevenzjoni u t-trattament tad-disturbi

Ikona: ġbir ta' data.

monitoraġġ u ġbir ta' data aħjar dwar is-saħħa mentali fl-UE

Ikona: l-aħjar prattiki.

skambju ta' esperjenza u l-aħjar prattiki

Nies li jagħmlu xogħol prekarju

L-istress u r-riskji psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol jista' jkollhom impatt fuq is-saħħa mentali tal-impjegati. Nies li jagħmlu xogħol prekarju huma partikolarment f'riskju li jiżviluppaw stress negattiv li jista' jwassal għal ansjetà u dipressjoni.

Dan għaliex impjiegi bħal dawn spiss ikunu:

  • imħallsa ħażin
  • inċerti
  • ma joffrux protezzjoni adegwata lill-ħaddiema

Iż-żieda fid-diġitalizzazzjoni, ir-robotizzazzjoni u l-użu ta'intelliġenza artifiċjali fix-xogħol ukoll jista' jkollha impatt negattiv fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol, u għalhekk ikollha impatt fuq is-saħħa mentali tan-nies.

Fid-9 ta' Ottubru 2023, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar is-saħħa mentali u x-xogħol prekarju. Dawn huma l-ewwel konklużjonijiet li qatt saru dwar ir-rabta bejn is-saħħa mentali u x-xogħol.

L-istati membri tal-UE jaqblu li s-saħħa mentali u x-xogħol huma marbutin mill-qrib. Is-saħħa mentali hija kwistjoni importanti għall-ħila li persuna taħdem u l-produttività tagħha, u, min-naħa l-oħra, ir-riskji psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol jistgħu jkunu ta' detriment għas-saħħa mentali. B'mod partikolari, ix-xogħol prekarju, inkluż impjiegi mħallsa ħażin u mhux protetti, jista' jwassal għal disturbi bħall-ansjetà u d-dipressjoni.

Fil-konklużjonijiet, il-Kunsill jistieden lill-istati membri biex itejbu s-saħħa mentali fuq ix-xogħol b'miżuri bħal:

stampa

il-ġlieda kontra x-xogħol prekarju

stampa

it-tisħiħ tas-sistemi pubbliċi li jħarsu s-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol

stampa

l-appoġġ għar-riċerka dwar l-impatt tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fuq is-saħħa mentali

stampa

l-iżgurar li l-ħaddiema jirċievu sorveljanza tas-saħħa mentali

stampa

l-appoġġ għar-reklutaġġ jew l-integrazzjoni mill-ġdid ta' ħaddiema bi problemi ta' saħħa mentali

Żgħażagħ

Skont xi stimi, aktar minn 14-il miljun żagħżugħ u żagħżugħa ta' bejn il-15 u d-29 sena kellhom problema ta' saħħa mentali fl-2019. Bil-pandemija tal-COVID-19 is-saħħa mentali taż-żgħażagħ madwar l-Ewropa marret għall-agħar. Fir-rapport "Health at a glance" li sar mill-OECD, id-data turi li s-sehem ta' żgħażagħ b'sintomi ta' ansjetà u dipressjoni żdied b'aktar mid-doppju f'diversi stati membri meta mqabbel ma' qabel il-pandemija.

F'rapport dan l-aħħar l-UNICEF jiddikjara li s-suwiċidju huwa t-tieni l-aktar kawża komuni ta' mewt fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa, wara inċidenti tat-traffiku.

Madankollu, kważi nofs iż-żgħażagħ fl-UE (49%) iddikjaraw ħtiġijiet mhux moqdija fil-kura tas-saħħa mentali, meta mqabbla ma' 23% tal-popolazzjoni adulta.

Minħabba dawn iċ-ċifri, il-protezzjoni tas-saħħa mentali taż-żgħażagħ hija prijorità għall-UE u l-istati membri tagħha.

L-istati membri tal-UE bħalissa qed jiddiskutu fil-Kunsill kif jistgħu jipprevjenu aħjar kwistjonijiet ta' saħħa mentali fost iż-żgħażagħ, billi jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom.

Fit-23 ta' Novembru 2023, is-27 stat membru tal-UE fil-Kunsill adottaw konklużjonijiet dwar iż-żgħażagħ u s-saħħa mentali. Il-konklużjonijiet joffru gwida dwar kif għandha tiġi indirizzata din il-kwistjoni, b'enfasi fuq kif jistgħu jiġu ssodisfati aħjar il-ħtiġijiet speċifiċi taż-żgħażagħ, b'azzjonijiet bħal:

Ikona: kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol.

it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u x-xogħol tagħhom

Ikona: aċċess għall-kura tas-saħħa mentali.

l-iffaċilitar tal-aċċess għall-kura tas-saħħa mentali għaż-żgħażagħ

Ikona: riċerka.

it-tħeġġiġ tar-riċerka dwar l-impatt tas-saħħa mentali fuq iż-żgħażagħ

Ikona: stigma.

il-ġlieda kontra l-istigma

Ikona: qsim tal-aħjar prattiki.

il-qsim tal-aħjar prattiki fost il-pajjiżi tal-UE

Ikona: kontra l-vjolenza u d-diskors ta' mibegħda.

il-promozzjoni ta' spazju diġitali aktar sikur u san inkluż il-ġlieda kontra l-mibegħda, il-vjolenza, u l-abbuż fil-media u fuq il-media soċjali

Disturbi marbuta mal-użu tad-droga u problemi ta' saħħa mentali

Nies li jbatu kemm minn disturb marbut mal-użu tad-droga kif ukoll minn problema ta' saħħa mentali jinsabu f'riskju akbar li jiżviluppaw psikopatoloġija gravi, li jiddaħħlu l-isptar, li jieħdu doża eċċessiva, li jwettqu suwiċidju, jew li jmutu qabel iż-żmien, meta mqabbla ma' nies b'disturb mentali wieħed.

X'aktarx ukoll li jesperjenzaw il-qgħad u li jkunu bla dar u li jinvolvu ruħhom f'imġiba riskjuża ħafna marbuta ma' infezzjonijiet, bħall-viruses tal-HIV u l-epatite C.

Skont iċ-ċentru Ewropew għall-monitoraġġ tad-droga u d-dipendenza fuq id-droga (EMCDDA), sa 80% tal-pazjenti f'ċerti gruppi ta' trattament tad-droga għandhom problemi ta' saħħa mentali. L-aktar komorbiditajiet psikjatriċi frekwenti fost individwi b'disturbi marbuta mal-użu tas-sustanzi huma d-dipressjoni, l-ansjetà, l-istress postrawmatiku u disturbi tal-personalità (prinċipalment dawk antisoċjali u borderline).

Fil-Kunsill, l-istati membri tal-UE qed jingħaqdu fl-isforzi biex jappoġġaw aħjar lil nies b'disturbi fis-saħħa mentali u marbuta mal-użu tad-droga. Fil-5 ta' Diċembru 2023, il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar l-abbuż tad-droga u d-disturbi tas-saħħa mentali. Il-Kunsill jistieden lill-istati membri jqisu disturbi marbuta mal-użu tad-droga li jikkoinċidu ma' disturbi oħra tas-saħħa mentali. L-istati membri, il-Kummissjoni u atturi rilevanti oħra għandu jkollhom l-għan li jiżviluppaw interventi personalizzati aġġustati għall-ħtiġijiet speċjali ta' tali individwi.

L-istat tas-saħħa mentali fl-UE

Qabel il-pandemija tal-COVID-19, mill-inqas 84 miljun persuna madwar l-UE batew minn kundizzjonijiet tas-saħħa mentali skont l-OECD. Dan ifisser persuna minn kull sitta fl-UE (17.3%).

L-ansjetà u d-dipressjoni kienu l-aktar problemi tas-saħħa mentali komuni fl-UE qabel il-pandemija tal-COVID-19, segwiti minn disturbi marbuta mal-użu tal-alkoħol u tad-droga, id-disturb bipolari, u l-iskiżofrenja.

Id-disturbi tal-ansjetà affettwaw madwar 25 miljun persuna (5.4% tal-popolazzjoni totali tal-UE), segwiti minn disturbi depressivi (21 miljun persuna, 4.5%), u disturbi marbuta mad-droga u l-alkoħol (11-il miljun persuna, 2.4%).

Is-saħħa mentali marret għall-agħar fid-dinja kollha mill-pandemija 'l hawn, skont id-WHO. Stħarriġ tal-Ewrobarometru li sar f'Ġunju 2023 żvela li kważi persuna minn kull tnejn (46% tal-popolazzjoni tal-UE) kienu esperjenzaw problemi emozzjonali jew psikosoċjali, bħal sensazzjoni ta' dipressjoni jew ansjetà, fit-12-il xahar preċedenti.

L-impatt ekonomiku ta' saħħa mentali fqira

Minbarra t-tbatija personali u t-tbatija tan-nies madwar il-persuna bi problemi – il-familja, il-ħbieb, dawk li jieħdu ħsiebhom – is-saħħa mentali fqira għandha wkoll konsegwenzi ekonomiċi għas-soċjetà. Skont ir-rapport "Health at a glance" tal-OECD (2018), is-saħħa mentali tiswa lis-27 pajjiż tal-UE u lir-Renju Unit mill-inqas €600 biljun, jew aktar minn 4% tal-PDG kull sena:

  • f'infiq dirett fuq il-kura tas-saħħa (konsultazzjonijiet, prodotti farmaċewtiċi, rikoveru fl-isptar): €190 biljun jew 1.3% tal-PDG
  • fi programmi tas-sigurtà soċjali (liv minħabba mard, liv minħabba diżabbiltà, benefiċċji tal-qgħad): €170 biljun jew 1.2% tal-PDG
  • f'kostijiet indiretti fis-suq tax-xogħol (introjtu mitluf minħabba mortalità, inqas impjiegi, assenteiżmu u inqas produttività): €240 biljun jew 1.6% tal-PDG

Il-benefiċċji ta' saħħa mentali tajba

Is-saħħa mentali hija parti integrali mis-saħħa tan-nies u hija essenzjali għal soċjetà reżiljenti u ekonomija produttiva.

X'benefiċċji ġġib saħħa mentali tajba fi stadji differenti tal-ħajja

tifel

Tfulija u adolexxenza

riżultati edukattivi u opportunitajiet ta' xogħol aħjar

adult

Il-ħajja adulta

xogħol aktar produttiv u aktar opportunitajiet ta' xogħol

anzjan

Xjuħija

integrazzjoni aħjar u rwol aktar attiv fil-komunità

L-aħħar reviżjoni: 20 ta' Ġunju 2025