"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Filmat tal-punti ewlenin tal-laqgħa ta' Ġunju 2019 tal-Grupp tal-Euro
Format inklużiv
L-approfondiment tal-UEM - tħejjija tas-Summit tal-Euro ta' Ġunju
Wara l-mandat li rċieva mill-mexxejja tal-UE waqt is-Summit tal-Euro tal-14 ta' Diċembru, il-Grupp tal-Euro f'format inklużiv kompla jiddiskuti l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) bil-ħsieb tat-tħejjija tas-Summit tal-Euro f'Ġunju.
Il-ministri qablu dwar dokument dwar il-kondizzjonijiet li jiddeskrivi l-karatteristiċi tal-istrument baġitarju għall-kompetittività u l-konverġenza. Dan id-dokument dwar il-kondizzjonijiet ser jiġi ppreżentat lill-President tal-Kunsill Ewropew qabel is-Summit tal-Euro li jmiss.
Il-Grupp tal-Euro laħaq qbil ġenerali wkoll dwar ir-reviżjoni tat-test tat-trattat dwar il-MES biex jimplimenta l-ftehim politiku li ntlaħaq fis-Summit tal-Euro f'Diċembru 2018. Dan il-ftehim ikopri kwistjonijiet bħall-garanzija ta' kontinġenza komuni għar-riżoluzzjoni bankarja, l-istrumenti ta' prekawzjoni kif ukoll l-aspetti istituzzjonali u l-kwistjoni tal-kooperazzjoni bejn il-MES u l-Kummissjoni Ewropea fil-programmi u lil hinn minnhom.
L-għan tagħna kien li niksbu riżultati fi tliet oqsma ewlenin qabel is-Summit tal-Euro: l-istrument baġitarju, it-Trattat dwar il-MES u l-Unjoni Bankarja. Għad hemm bżonn ta' aktar ħidma, iżda għamilna progress reali.
Il-President tal-Grupp tal-Euro Mário Centeno
Analiżi taż-żona tal-euro skont l-Artikolu IV tal-FMI
Id-Direttur Maniġerjali tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), Christine Lagarde, ippreżentat ir-riżultat tal-konsultazzjoni dwar l-Artikolu IV tal-FMI maż-żona tal-euro. Il-FMI mistenni jippubblika r-rapport finali tiegħu dalwaqt.
Il-FMI jwettaq konsultazzjonijiet bħal dawn kull sena mal-membri kollha tal-FMI, kemm pajjiżi individwali kif ukoll reġjuni monetarji, fosthom iż-żona tal-euro. Dan isir f'konformità mal-Artikolu IV tal-Artikoli ta' Ftehim tal-FMI.
Diskussjoni tematika dwar it-tkabbir u l-impjiegi - l-inugwaljanza
Il-Grupp tal-Euro ddiskuta l-inugwaljanza fiż-żona tal-euro, abbażi tal-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll ta' preżentazzjoni minn Philippe Aghion, ekonomista Franċiż u Professur fil-College de France u fil-London School of Economics. Huwa ngħaqad mal-laqgħa fuq stedina tal-President tal-Grupp tal-Euro u ta preżentazzjoni dwar kif nistgħu nirrikonċiljaw l-innovazzjoni u t-tkabbir inklużiv.
Il-promozzjoni ta' kondizzjonijiet li jwasslu għal tkabbir inklużiv huwa fost il-prijoritajiet tal-Grupp tal-Euro, u kruċjali għal funzjonament aħjar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja b'mod ġenerali.
Il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) aġġornaw lill-Grupp tal-Euro dwar is-sejbiet prinċipali tas-sitt missjoni ta' sorveljanza ta' wara l-programm tagħhom f'Ċipru li saret bejn it-18 u t-22 ta' Marzu 2019. Il-MES ta informazzjoni dwar ir-riżultati tas-Sistema ta' Twissija Bikrija tiegħu, u l-FMI – dwar it-tielet missjoni ta' monitoraġġ ta' wara l-programm tiegħu f'Ċipru. Il-Grupp tal-Euro qabel mal-valutazzjoni tal-istituzzjonijiet.
Is-sorveljanza ta' wara l-programm għandha l-għan li tidentifika kwalunkwe riskju possibbli għall-kapaċità tal-pajjiż li jħallas lura self miksub taħt il-programm ta' aġġustament preċedenti tiegħu. Is-sorveljanza tkompli sakemm jiġi mħallas lura mill-inqas 75 % tas-self.
Il-Grupp tal-Euro adotta l-programm ta' ħidma tiegħu għat-tieni nofs ta' din is-sena.
Il-pakkett tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni
Il-Kummissjoni infurmat fil-qosor lill-ministri dwar il-pakkett reċenti tagħha tar-rebbiegħa, inkluż xi passi relatati mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST). F'dan il-kuntest, il-Grupp tal-Euro ddiskuta fil-qosor is-sitwazzjoni fl-Italja. Il-ministri qablu mal-analiżi tal-Kummissjoni u mal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) li hemm bżonn ta' Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv (PDE) ibbażata fuq id-dejn. B'ħarsa 'l quddiem, jistgħu jitqiesu aktar elementi mressqa mill-Italja.
"L-Italja hija mitluba tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir."
Il-President tal-Grupp tal-Euro Mário Centeno
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.