Riżultati ewlenin
Format inklużiv
Strument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività
Il-Grupp tal-Euro f'format inklużiv qabel dwar l-elementi kritiċi kollha ta' governanza u finanzjament tal-istrument baġitarju għall-konverġenza u l-kompetittività (BICC) għaż-żona tal-euro.
Huwa ddefinixxa l-governanza, il-finanzjament kif ukoll l-allokazzjoni u l-modulazzjoni tal-BICC f'dokument dwar il-kondizzjonijiet.
![]()
Sentejn ilu biss, kapaċità fiskali għall-euro kienet sforz purament akkademiku. Il-bieraħ filgħaxija, għamilniha realtà. Dan huwa pilastru ġdid fil-pedamenti li jappoġġaw l-euro.
Il-President tal-Grupp tal-Euro Mário Centeno
- Dokument dwar il-kondizzjonijiet rigward l-istrument baġitarju għall-kompetittività u l-konverġenza (BICC)
- L-Approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa (informazzjoni ġenerali)
- Summit taż-Żona tal-Euro, 21/6/2019
Format regolari
Unjoni bankarja - aspetti taż-Żona tal-Euro
Il-president tal-bord superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew, Andrea Enria ppreżenta l-attivitajiet reċenti tal-Bord Superviżorju, b'enfasi fuq il-profitabbiltà tal-banek, it-tħejjija għall-Brexit, il-miżuri kontra l-ħasil tal-flus, l-implimentazzjoni ta' Basel 3 u l-isfidi superviżorji għall-2019.
Il-President tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, Elke König informat lill-ministri dwar l-attivitajiet li għaddejjin tal-SRB, b'enfasi partikolari fuq il-progress fir-rigward tal-ippjanar tar-riżoluzzjoni, ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) u r-riżolvibbiltà. Hija ser tagħti wkoll aġġornament dwar l-akkumulazzjoni tal-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRF) u tipprovdi informazzjoni dwar it-tħejjijiet għall-Brexit.
Diskussjoni tematika dwar it-tkabbir u l-impjiegi: Żviluppi fil-kompetittività fiż-żona tal-euro
Bħala parti mid-diskussjoni dwar it-tkabbir u l-impjiegi, il-ministri skambjaw fehmiet dwar l-iżviluppi fil-kompetittività fiż-żona tal-euro, abbażi ta' nota teknika mill-Kummissjoni.
Sorveljanza ta' Wara l-Programm Portugiż – l-għaxar rieżami
Il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) infurmaw lill-ministri dwar is-sejbiet ewlenin tal-għaxar missjoni ta' sorveljanza ta' wara l-programm fil-Portugall li twettqet bejn l-14 u d-19 ta' Ġunju. Il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) informa lill-Grupp tal-Euro dwar is-sistema ta' twissija bikrija tiegħu. Il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) wettaq il-missjoni tiegħu skont l-Artikolu IV b'mod parallel.
Is-sorveljanza ta' wara l-programm (PPS) tibda awtomatikament wara t-tmiem tal-programmi ta' assistenza finanzjarja u tkompli sakemm mill-inqas 75 % tal-assistenza finanzjarja tkun tħallset lura. Il-PPS hija biannwali f'termini ta' rappurtar u missjonijiet.
Suġġetti oħra
Il-Grupp tal-Euro ta l-appoġġ tiegħu lill-kandidatura ta' Fabio Panetta biex jissostitwixxi l-membru preċedentital-bord eżekuttiv tal-BĊE, Benoît Cœuré.
Il-President tal-Grupp tal-Euro Mário Centeno stieden ukoll lill-istati membri biex iressqu l-kandidati tagħhom biex jissostitwixxu lil Sabine Lautenschläger fil-bord eżekuttiv tal-BĊE bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar kandidat fil-Grupp tal-Euro ta' Novembru.
Il-Grupp tal-Euro kellu diskussjoni ta' segwitu dwar il-perspettiva ekonomika fiż-żona tal-euro. Ilu jimmonitorja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi għal diversi xhur u qabel li jikkoordina mill-qrib il-politiki f'każ li jimmaterjalizzaw riskji negattivi.
Qbilna li jekk ikun hemm tnaqqis akbar fir-ritmu ekonomiku, m'għandniex nissikkaw il-politiki tagħna u nagħmluha agħar. Fejn ikun possibbli, il-pożizzjoni fiskali tagħna għandha tkun aktar akkomodattiva.
Il-President tal-Grupp tal-Euro Mário Centeno
Il-ministri qiesu wkoll l-iżviluppi fir-rata tal-kambju matul dawn l-aħħar xhur bil-ħsieb tal-laqgħat annwali li jmiss tal-Grupp tal-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali mill-14 sal-20 ta' Ottubru.