"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) infurmaw lill-Grupp tal-Euro dwar is-sejbiet ewlenin tar-rapporti dwar is-sorveljanza ta' wara l-programm fir-rigward ta' Ċipru, il-Portugall, l-Irlanda u Spanja.
Is-sorveljanza ta' wara l-programm (PPS) tibda awtomatikament wara t-tmiem tal-programmi ta' assistenza finanzjarja u tkompli sakemm tkun tħallset lura mill-inqas 75% tal-assistenza finanzjarja. Ir-rapporti dwar il-PPS jiġu prodotti darbtejn fis-sena.
Filmat tal-punti ewlenin tal-laqgħa tal-Grupp tal-Euro li saret fil-Lussemburgu fis-17 ta' Ġunju 2021
Greċja: l-għaxar rapport dwar is-sorveljanza msaħħa u miżuri ta' dejn kontinġenti għall-politika
Il-ministri qasmu l-fehmiet tagħhom dwar l-għaxar rapport ta' sorveljanza msaħħa dwar il-Greċja, inkluż dwar jekk il-kondizzjonijiet meħtieġa humiex fis-seħħ biex jikkonfermaw ir-rilaxx tal-ħames segment ta' miżuri ta' dejn kontinġenti għall-politika.
Dwar il-Greċja, qbilna li l-valutazzjoni pożittiva mill-istituzzjonijiet tiġġustifika l-approvazzjoni tas-segment li jmiss tal-miżuri ta' dejn kontinġenti għall-politika, b'valur ta' 748 miljun euro.
Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
Il-Grupp tal-Euro laqa' l-valutazzjoni mill-istituzzjonijiet Ewropej li l-Greċja ssodisfat il-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rilaxx tal-ħames segment ta' miżuri ta' dejn kontinġenti għall-politika, b'valur ta' 748 miljun euro. Il-Grupp tal-Euro ħareġ stqarrija bid-dettalji tekniċi.
Il-qafas ta' sorveljanza msaħħa għall-Greċja daħal fis-seħħ f'Awwissu 2018, wara li l-Greċja temmet b'suċċess il-programm tagħha tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES).
Ir-rappurtar ta' sorveljanza msaħħa trimestrali jippermetti monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni ekonomika, fiskali u finanzjarja fil-pajjiż u l-implimentazzjoni tal-impenji ta' politika ta' wara l-programm, kif maqbula mill-Grupp tal-Euro f'Ġunju 2018.
Missjoni interim tal-Fond Monetarju Internazzjonali fiż-żona tal-euro skont l-artikolu IV
Il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) ippreżenta l-eżitu taż-żjara interim tal-persunal tiegħu fil-kuntest tas-sorveljanza tiegħu taż-żona tal-euro skont l-artikolu IV. Il-FMI ser ilesti ċ-ċiklu ta' sorveljanza tiegħu fi tmiem is-sena.
Ir-rieżami huwa eżerċizzju regolari li fih il-FMI jivvaluta l-iżviluppi ekonomiċi, jikkonsulta ma' dawk li jfasslu l-politika taż-żona tal-euro u jipprovdi pariri mmirati ta' politika.
Funzjonament tal-Mekkaniżmu tar-Rati tal-Kambju II
Id-diskussjoni tagħna llum tirrikonoxxi r-riformi ekonomiċi importanti li diġà twettqu mill-Bulgarija u l-Kroazja, kif ukoll l-attraenza kontinwa tal-euro bħala simbolu tanġibbli ta' għaqda, prosperità u solidarjetà Ewropea.
Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
Il-ministri ddiskutew il-funzjonament tal-Mekkaniżmu tar-Rati tal-Kambju II (ERM II). Il-lev Bulgaru u l-kuna Kroata ġew inklużi fl-ERM II fl-10 ta' Lulju 2020, u l-Bulgarija u l-Kroazja taw aġġornament dwar l-implimentazzjoni tar-riformi li l-awtoritajiet tagħhom impenjaw ruħhom għalihom hekk kif bdiet il-parteċipazzjoni tagħhom fl-ERM II.
Il-mandat li rċevejt mill-mexxejja u li stabbilejt għalija nnifsi huwa li nilħqu qbil dwar pjan ta' ħidma kredibbli u ambizzjuż li joħloq momentum għall-azzjoni. B'dak l-ispirtu, ser nerġgħu lura għall-ħidma tagħna dwar l-Unjoni Bankarja aktar tard dis-sena.
Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro
Kif previst fit-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (TSKG), il-Grupp tal-Euro ħejja għas-Summit tal-Euro li ser isir fil-25 ta' Ġunju 2021.
F'dan il-kuntest, il-president tal-grupp ta' ħidma ta' livell għoli informa lill-ministri tas-27 stat membru dwar il-progress li sar fit-tħejjija ta' pjan ta' ħidma dwar l-elementi pendenti kollha meħtieġa biex titlesta l-unjoni bankarja, kif mitlub mis-summit tal-euro f'Diċembru 2020.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.