"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Vidjokonferenza tal-membri tal-Kunsill Ewropew, 21 ta' Jannar 2021
Riżultati ewlenin
Fil-21 ta' Jannar 2021, il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern tal-UE ddiskutew permezz ta' vidjokonferenza l-koordinazzjoni tar-rispons għall-pandemija tal-COVID-19. Huma kkondividew l-aħjar prattiki u kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-ittestjar, it-tilqim u d-detezzjoni ta' varjanti ġodda tal-virus.
Il-mexxejja ħadu nota tas-serjetà tas-sitwazzjoni, speċjalment fid-dawl tal-varjanti l-ġodda. Huma wrew determinazzjoni biex jiġi limitat it-tixrid tal-virus billi jadottaw miżuri simili fost l-istati membri u enfasizzaw l-importanza li tiżdied il-kapaċità tas-sekwenzjar.
Ittestjar
Il-mexxejja laqgħu l-fatt li l-Kunsill kien adotta aktar kmieni fil-ġurnata, permezz ta’ proċedura bil-miktub, rakkomandazzjoni dwar qafas komuni għall-użu, il-validazzjoni u t-tisħiħ tal-użu ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni u dwar ir-rikonoxximent reċiproku tar-riżultati tat-testijiet tal-COVID-19.
Il-mexxejja ddiskutew l-importanza li l-fruntieri jinżammu miftuħa biex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq uniku tal-UE.
M’għandhomx jiġu imposti projbizzjonijiet indiskriminati fuq l-ivvjaġġar. Madankollu, jistgħu jkunu meħtieġa miżuri restrittivi fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali fl-UE biex jitrażżan it-tixrid tal-virus.
Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
Il-mexxejja rrikonoxxew li l-Kunsill jista’ jkollu bżonn jirrieżamina r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar vjaġġi mhux essenzjali lejn l-UE fid-dawl tar-riskji maħluqa mill-varjanti l-ġodda tal-virus.
Tilqim
Il-mexxejja esprimew ir-rieda tagħhom li jaċċelleraw it-tilqim u enfasizzaw li l-impenji dwar il-konsenji li jsiru mill-kumpaniji jridu jiġu rispettati.
Il-mexxejja affermaw mill-ġdid il-ħtieġa li jkun hemm segwitu mill-qrib tal-proċess ta’ tilqim. Ser jiġu eżaminati l-mezzi kollha possibbli biex tiġi żgurata provvista rapida, inkluża d-distribuzzjoni bikrija biex jiġi evitat id-dewmien.
Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
Ċertifikati ta' vaċċinazzjoni
Il-membri tal-Kunsill Ewropew qablu li jaħdmu fuq forma standardizzata u interoperabbli ta’ prova tal-vaċċinazzjoni għal skopijiet mediċi.
Aħna naħsbu li għandna nkunu nistgħu naqblu dwar elementi komuni li għandhom jiġu inklużi fiċ-ċertifikati għal skopijiet mediċi. U fi stadju aktar tard nistgħu naraw f’liema ċirkostanzi dawn iċ-ċertifikati jistgħu jintużaw.
Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
Solidarjetà internazzjonali
Waqt li tkellmu favur il-fatt li l-vaċċini għandhom jitqiesu bħala ben komuni globali, il-mexxejja affermaw mill-ġdid is-solidarjetà tagħhom ma' pajjiżi terzi. Huma enfasizzaw l-importanza tal-inizjattiva Covax u tat-Tim Ewropa. Il-membri tal-Kunsill Ewropew qablu li għandu jingħata appoġġ effettiv malajr kemm jista’ jkun.
Suġġetti oħra diskussi
Alexei Navalny
Il-mexxejja tal-UE kkundannaw id-detenzjoni tal-politiku tal-oppożizzjoni Russu, li ġie arrestat hekk kif reġa' lura f’Moska fis-17 ta' Jannar.
Nappellaw lir-Russja biex teħles lis-Sur Navalny minnufih. Id-drittijiet tiegħu għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ u mingħajr kondizzjonijiet.
Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
Fid-19 ta’ Jannar, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet komunikazzjoni li tistabbilixxi suġġerimenti għal firxa ta’ miżuri li għandhom jittieħdu biex titrażżan il-pandemija filwaqt li jiġi ppreservat il-funzjonament tas-Suq Uniku tal-UE.
Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru, il-mexxejja adottaw konklużjonijiet dwar il-COVID-19. Huwa laqgħu t-tħabbir pożittiv dwar l-iżvilupp ta' vaċċini effettivi u l-ftehimiet komuni ta' xiri bil-quddiem konklużi mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-mexxejja enfasizzaw l-importanza tat-tħejjija għall-organizzazzjoni u d-distribuzzjoni tal-vaċċini biex ikun żgurat li jkunu disponibbli fi żmien xieraq u b'mod ikkoordinat. Il-Kunsill Ewropew fakkar ukoll li l-wasla tal-vaċċini ma tfissirx li l-pandemija spiċċat u appella għal sforzi sostnuti biex jiġi miġġieled it-tixrid tal-virus.
It-tilqim kontra l-COVID-19 beda fis-27 ta' Diċembru 2020 fl-Unjoni Ewropea kollha. Il-vaċċini qed jintbagħtu lill-istati membri kollha fl-istess ħin u bl-istess kondizzjonijiet.
S'issa, l-UE tat awtorizzazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni kondizzjonali għal żewġ vaċċini tal-COVID-19, wara valutazzjonijiet pożittivi mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini. Ġew konklużi ftehimiet għal erba' vaċċini oħra.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.