Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 15/08/2014, 15 ta' Awwissu 2014

L-UE tħeġġeġ lir-Russja biex ittemm l-ostilitajiet fil-fruntiera

Waqt laqgħa fi Brussell fil-15 ta’ Awwissu, il-ministri għall-affarijiet barranin tal-UE ħeġġew lir-Russja biex tirtira l-forzi tagħha mill-fruntiera mal-Ukraina u ttemm l-ostilitajiet.

Wara d-dispaċċ ta’ konvoj Russu għall-Ukraina, il-ministri tal-UE wissew lir-Russja kontra l-użu ta' kwalunkwe skuża, inkluż dik umanitarja, għal intervent militari fil-pajjiż. Huma enfasizzaw li kwalunkwe għajnuna għandha tingħata bir-rispett dovut għall-prinċipji umanitarji ta’ indipendenza, newtralità u imparzjalità u bi ftehim mal-awtoritajiet Ukraini.  

Huma ħeġġew ukoll lir-Russja biex ittemm l-ostilitajiet fil-fruntiera, tirtira l-forzi tagħha mill-fruntiera mal-Ukraina u twaqqaf il-fluss ta’ armi, konsulenti militari u persunal armat fir-reġjun tal-konflitt. Huma qalu li dan kien meħtieġ sabiex titnaqqas l-intensità tal-konflitt u tittejjeb is-sitwazzjoni tal-popolazzjoni ċivili. 

Il-Kunsill talab lir-Russja, lill-Ukraina, lill-Istati Uniti u lill-OSKE sabiex jissieħbu mal-UE fit-tfittxija għal soluzzjoni politika sostenibbli għall-kriżi.

Imħassba dwar is-sitwazzjoni umanitarja fl-Ukraina, il-ministri tal-UE appellaw għal kooperazzjoni biex tkun possibbli u ffaċilitata l-provvista ta’ għajnuna umanitarja lil persuni ċivili fil-bżonn u biex in-nies ikunu jistgħu joħorġu miż-żona ta’ konflitt għal żoni aktar sikuri. 

Il-ministri qalu li l-UE ser tevalwa l-impatt tal-miżuri mħabbra reċentement mir-Russja kontra l-importazzjonijiet ta’ prodotti agroalimentari mill-UE. Issejħet laqgħa straordinarja tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd għall-bidu ta’ Settembru biex jiġu vvalutati dak l-impatt u r-reazzjoni xierqa.

Il-Kunsill enfasizza li pajjiżi oħra ma għandhomx japprofittaw mill-embargo Russu kontra l-produtturi Ewropej, u żied li dan kien meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-unità tal-komunità internazzjonali u biex tiġi rispettata l-liġi internazzjonali.     

Il-projbizzjoni Russa ġiet ordnata b’reazzjoni għall-miżuri restrittivi preċedenti tal-UE, li kienu direttament marbuta mal-ksur tal-liġi internazzjonali bl-annessjoni illegali tal-Krimea u d-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina mir-Russja. Il-Kunsill qal li r-raġunijiet għall-impożizzjoni ta’ tali miżuri tal-UE baqgħu validi. 

Il-ministri żiedu jgħidu li l-UE kienet qed issegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fuq il-post u li kienet lesta tikkunsidra passi ulterjuri. 

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 27 ta' Jannar 2025