"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Il-ministri bdew it-tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Diċembru 2022 billi ddiskutew abbozz ta' aġenda annotata.
Fil-laqgħa tagħhom f'Diċembru, il-mexxejja tal-UE ser jindirizzaw il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fid-dimensjonijiet kollha tagħha u l-appoġġ kontinwu tal-UE għall-Ukrajna. Huma ser jerġgħu lura wkoll għas-suġġetti tal-enerġija u l-ekonomija.
Dwar is-sigurtà u d-difiża, il-Kunsill Ewropew ser jiddiskuti l-implimentazzjoni tal-Boxxla Strateġika u modi biex tkompli tiżdied il-kapaċità ta' sigurtà u ta' difiża tal-UE. Ser jagħti wkoll gwida dwar l-appoġġ lis-sħab tal-UE.
Il-mexxejja ser ikollhom ukoll diskussjoni strateġika dwar ir-relazzjonijiet mal-Viċinat tan-Nofsinhar u jistgħu jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi oħra ta' politika barranija fil-kuntest tal-ġrajjiet kurrenti.
Bħala parti mill-proċedura tal-Artikolu 7(1) TUE rigward l-Ungerija, il-Kunsill organizza seduta ta' smigħ.
Is-seduta ta' smigħ kopriet is-suġġetti kollha mqajma mill-Parlament Ewropew fil-proposta motivata tiegħu ta' Settembru 2018, li tat bidu għal din il-proċedura. L-iskambji ffukaw b'mod partikolari fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluż il-miżuri reċenti kontra l-korruzzjoni implimentati mill-Ungerija, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-funzjonament tas-sistema kostituzzjonali u elettorali, il-libertà tal-media u d-drittijiet tal-LGBTIQ.
Id-djalogu tagħna mal-Ungerija dwar ir-rispett għall-valuri tal-UE qed ikompli. F'dawn l-aħħar xhur, seħħew żviluppi importanti dwar id-diversi kwistjonijiet imqajma mill-proposta motivata tal-Parlament. L-Ungerija ppreżentat lista ta' riformi li qed jiġu implimentati jew li ser jiġu implimentati dalwaqt u wieġbet il-mistoqsijiet tal-ministri dwar id-dettalji ta' dawn ir-riformi kif ukoll l-impenji l-oħra tal-Ungerija u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. Is-seduta ta' smigħ tat lill-ministri aġġornament f'waqtu tas-sitwazzjoni fuq il-post, inkluż fir-rigward tal-mekkaniżmu parallel ta' kondizzjonalità tal-baġit.
Mikuláš Bek, Ministru Ċek għall-Affarijiet Ewropej
Il-ministri vvalutaw is-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit, b'enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, b'mod partikolari l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq. Huma affermaw mill-ġdid l-appoġġ tagħhom għall-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea. Huma tennew b'mod partikolari r-rieda tal-UE li tiddiskuti b'mod kostruttiv soluzzjoni negozjata fi ħdan il-Protokoll għad-diffikultajiet prattiċi fl-implimentazzjoni tiegħu fuq il-post u appellaw lill-gvern tar-Renju Unit biex jimpenja ruħu bis-serjetà u b'mod kostruttiv biex isib soluzzjonijiet konġunti.
Azzjoni unilaterali mir-Renju Unit, bħal-Liġi proposta tal-Protokoll tal-Irlanda ta' Fuq, tagħmel il-ħidma fuq soluzzjonijiet possibbli aktar diffiċli u timmina ċ-ċertezza legali fit-tul u l-prevedibbiltà għan-nies u n-negozji fl-Irlanda ta' Fuq. L-UE appellat lir-Renju Unit biex jabbanduna dan il-perkors u tibqa' lesta li tirreaġixxi għal kwalunkwe żvilupp ulterjuri f'din id-direzzjoni.
Bħala parti mill-eżerċizzju ta' programmazzjoni leġiżlattiva annwali, il-Kummissjoni ppreżentat il-programm ta' ħidma tagħha għall-2023 lill-Kunsill. Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-prijoritajiet għall-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE sal-elezzjonijiet tal-PE fl-2024. Sa Diċembru, it-tliet istituzzjonijiet tal-UE huma mistennija jaqblu dwar id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2023-2024.
Abbażi ta' talba mid-delegazzjoni Ġermaniża, il-Kunsill indirizza fil-qosor is-sitwazzjoni attwali dwar is-segwitu għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, inkluż il-programm ippjanat u t-tħejjija tal-avveniment ta' feedback.
Ċibersigurtà
Mingħajr diskussjoni, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar abbozz ta' regolament dwar iċ-ċibersigurtà fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE. Il-miżuri għandhom l-għan li jtejbu r-reżiljenza u l-kapaċitajiet ta' rispons tagħhom għall-inċidenti u li jindirizzaw id-disparitajiet fl-approċċ tagħhom billi joħolqu qafas komuni.
Il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza l-ftuħ ta' negozjati mal-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Montenegro u s-Serbja biex jitwessgħu l-ftehimiet dwar il-kooperazzjoni tal-Frontex. Abbażi ta' dawn il-mandati, il-Kummissjoni issa ser tkun tista' tibda negozjati mal-erba' pajjiżi.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.