Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 18 ta' Ottubru 2022

Riżultati prinċipali

Kunsill Ewropew ta' Ottubru

Il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar l-abbozz ta' konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Ottubru 2021.

Wara d-diskussjonijiet informali tagħhom fi Praga fis-7 ta' Ottubru, il-mexxejja tal-UE ser jiltaqgħu fi Brussell biex jiddiskutu għadd ta' kwistjonijiet urġenti.

Huma ser jindirizzaw l-aħħar żviluppi fir-rigward tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u t-tkomplija tal-appoġġ tal-UE għall-Ukrajna.

Il-mexxejja tal-UE ser jivvalutaw ukoll l-istat tal-prezzijiet tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista, inkluż il-miżuri ta' ottimizzazzjoni tas-suq u l-progress fit-tnaqqis tad-domanda.

Fid-dawl tal-kriżi attwali tal-enerġija, il-Kunsill Ewropew ser jindirizza s-sitwazzjoni ekonomika.

Il-mexxejja ser ikollhom ukoll diskussjoni strateġika dwar iċ-Ċina u ser iħejju għadd ta' avvenimenti internazzjonali.

Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

Il-ministri ddiskutew is-segwitu għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

Għaddejja ħidma fil-Kunsill biex jiġi żgurat segwitu effettiv għall-eżitu tal-Konferenza, b'mod partikolari abbażi ta' valutazzjoni teknika preliminari u komprensiva tad-49 proposta tal-Konferenza u t-326 miżura relatata tagħhom. L-aħħar darba li l-ministri evalwaw is-segwitu kien fil-laqgħa tagħhom f'Settembru.

Barra minn hekk, il-Kunsill irċieva proposti għalżewġ emendi speċifiċi tat-Trattat skont l-Artikolu 48(2) TUE mill-Parlament Ewropew. Il-ministri ddiskutew il-kalendarju previst għall-preżentazzjoni tagħhom lill-Kunsill Ewropew u għan-notifika tal-parlamenti nazzjonali.

B'kont meħud tal-fatt li l-Parlament Ewropew talab lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tiegħu biex iħejji proposti għal aktar emendi tat-Trattat biex jiġu implimentati r-riżultati tal-Konferenza, matul id-dibattitu l-ministri qablu b'mod ġenerali li, sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza proċedurali u tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-proċessi, jixraq li wieħed jistenna sakemm il-Parlament ikun ikkonkluda din il-ħidma qabel ma jiġu trażmessi ż-żewġ proposti speċifiċi diġà riċevuti.

F'dan il-kuntest, bosta ministri nnutaw li l-maġġoranza l-kbira tal-proposti tal-Konferenza jistgħu jiġu implimentati taħt il-qafas attwali tat-Trattat u kienu tal-fehma li dawn il-proposti għandhom jingħataw prijorità f'dan l-istadju.

Barra minn hekk, xi ministri ħassew li, fil-kuntest tal-isfidi urġenti li jirriżultaw mill-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna, huwa importanti li niffukaw l-enerġija kollha fuq il-kisba ta' soluzzjonijiet għall-problemi prattiċi li qed jiffaċċaw iċ-ċittadini Ewropej. Oħrajn qiesu li kien meħtieġ aktar żmien għal valutazzjoni komprensiva qabel l-involviment fil-proċess ta' bidla tat-Trattat.

Mikuláš Bek, Ministru għall-Affarijiet Ewropej tar-Repubblika Ċeka
Il-Kunsill huwa impenjat bis-sħiħ biex jiżgura l-aħjar segwitu possibbli għall-proposti tal-Konferenza. Il-maġġoranza l-kbira tagħhom – sa 95% – jistgħu jiġu implimentati bl-użu tal-potenzjal sħiħ tat-Trattati attwali. Huwa importanti li wieħed jiffoka fuq din il-ħidma, biex ix-xewqat taċ-ċittadini jingħataw segwitu pożittiv u konkret f'perjodu ta' żmien relattivament qasir.
Mikuláš Bek, Ministru għall-Affarijiet Ewropej tar-Repubblika Ċeka
Mikuláš Bek, Ministru għall-Affarijiet Ewropej tar-Repubblika Ċeka

Il-ministri ddiskutew ukoll l-organizzazzjoni tal-avveniment ta' feedback tal-Konferenza, li ser ikun okkażjoni importanti biex iċ-ċittadini jiġu infurmati dwar is-segwitu mit-tliet istituzzjonijiet lill-eżitu tal-Konferenza.

Stat tad-dritt fil-Polonja

Bħala parti mill-proċedura tal-Artikolu 7(1) TUE, il-ministri ġew aġġornati dwar is-sitwazzjoni fir-rigward tal-istat tad-dritt fil-Polonja.

Il-proċedura li tikkonċerna l-Polonja tnediet fl-2017 meta l-Kummissjoni ħarġet l-opinjoni motivata tagħha dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja. Din tkopri firxa ta' kwistjonijiet relatati mal-indipendenza tal-ġudikatura Pollakka.

L-aħħar seduta ta' smigħ mal-Polonja skont l-Artikolu 7(1) TUE saret fi Frar.

Il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar l-iżviluppi mis-smigħ 'l hawn, inkluż fir-rigward tar-riforma tar-reġim dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin Pollakki mwettqa mill-awtoritajiet Pollakki. Il-Polonja kellha l-opportunità li tippreżenta l-kummenti tagħha.

Liġi elettorali

Il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-proposta tal-Parlament Ewropew għar-reviżjoni tar-regoli tal-UE li jirregolaw l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew biex jipprovdi gwida politika għal aktar ħidma dwar dan il-fajl.

Filwaqt li esprimew fehmiet differenti, il-ministri kkummentaw kemm dwar il-bidliet proposti li jixtiequ jaraw riflessi fil-liġi elettorali tal-UE kif ukoll dwar il-bidliet li huma jqisu li huma aktar diffiċli.

Diversi ministri esprimew l-appoġġ ġenerali tagħhom għall-isforzi biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-votanti fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u biex tissaħħaħ il-leġittimità demokratika tagħhom.

L-isfidi politiċi u legali ewlenin identifikati mill-istati membri huma relatati mal-proposti għal kostitwenza madwar l-UE kollha bbażata fuq listi tranżnazzjonali u proċess ta' kandidat ewlieni għall-għażla tal-President tal-Kummissjoni. L-istati membri esprimew ukoll riżervi dwar suġġerimenti differenti biex jiġu armonizzati l-proċessi elettorali madwar l-UE, filwaqt li enfasizzaw il-ħtieġa li jkun hemm flessibbiltajiet li jirrispettaw tradizzjonijiet tal-votazzjoni li ilhom jeżistu.

Xi stati membri ġibdu l-attenzjoni għall-bidliet fil-liġi elettorali tal-UE maqbula fl-2018 u esprimew it-tama li dawn ikunu jistgħu jidħlu fis-seħħ dalwaqt.

Infurzar tad-dritt tal‑UE

Taħt "Affarijiet oħra", il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar il-Komunikazzjoni tagħha dwar "L-infurzar tad-dritt tal-UE għal Ewropa li tagħti riżultati", ippubblikata fit-13 ta' Ottubru 2022.

Il-Komunikazzjoni tispjega kif il-Kummissjoni żviluppat il-ħidma tagħha dwar l-infurzar, mill-prevenzjoni sas-sanzjonijiet, biex tiżgura li n-nies u n-negozji jkunu jistgħu jibbenefikaw mir-regoli maqbula b'mod komuni fl-UE kollha.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni l-punti li jidhru fil-lista ta' punti A mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025