"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 20 ta' Settembru 2022

Riżultati ewlenin

Kunsill Ewropew ta' Ottubru

Il-Kunsill beda t-tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-20 u l-21 ta' Ottubru billi ddiskuta abbozz ta' aġenda annotata.

Fil-laqagħa tal-Kunsill Ewropew, il-mexxejja ser jerġgħu lura għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-konsegwenzi tagħha. Huma ser jindirizzaw ukoll is-sitwazzjoni tal-enerġija u kwistjonijiet ekonomiċi.

Fir-rigward tar-relazzjonijiet esterni, il-Kunsill Ewropew ser jindirizza r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Asja, iħejji s-summit UE-ASEAN u jorganizza diskussjoni strateġika dwar iċ-Ċina. Huwa ser jevalwa t-tħejjijiet għall-konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima li ser issir f'Sharm El-Sheikh (COP27) u għall-15-il Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika li ser issir f'Montreal.

Djalogu annwali dwar l-istat tad-dritt

Fil-qafas tad-djalogu annwali dwar l-istat tad-dritt, il-ministri kellhom diskussjoni orizzontali li ffukat fuq ix-xejriet ewlenin fil-qasam tal-istat tad-dritt fl-UE.

Id-dibattitu kien strutturat fuq erba' pilastri: is-sistemi ġudizzjarji, il-qafas kontra l-korruzzjoni, il-pluraliżmu tal-media u kwistjonijiet istituzzjonali oħra marbuta mal-ekwilibriju tas-setgħat. Huwa għamel referenza għar-rapport tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt, maħruġ fit-13 ta' Lulju 2022, li jinkludi għall-ewwel darba rakkomandazzjonijiet speċifiċi lill-istati membri.

L-għan tad-djalogu tal-Kunsill dwar l-istat tad-dritt huwa li jkun hemm dibattitu miftuħ u kostruttiv dwar is-sitwazzjoni rigward l-istat tad-dritt fl-UE kollha, b'rispett sħiħ għall-prinċipji tal-oġġettività, in-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali tal-istati membri kollha.

L-aspetti speċifiċi għall-pajjiżi ser jiġu koperti fil-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali f'Novembru. L-enfasi ser tkun fuq il-ħames stati membri li ġejjin: l-Iżvezja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja.

Mikuláš Bek, Ministru Ċek għall-Affarijiet Ewropej
Nemmen li l-iskambji li saru f'dan il-format jippermettulna li jkollna diskussjoni politika reali, f'atmosfera pożittiva u kostruttiva. Id-djalogu tal-Kunsill jiffaċilita l-kondiviżjoni mhux biss ta' prattiki tajbin, iżda wkoll ta' rimarki kritiċi: it-tnejn li huma għandhom jiggwidaw l-azzjonijiet tagħna fl-aspetti l-aktar delikati tal-istat tad-dritt.
Mikuláš Bek, Ministru Ċek għall-Affarijiet Ewropej
Mikuláš Bek, Ministru Ċek għall-Affarijiet Ewropej

Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

Il-ministri esprimew il-fehmiet tagħhom dwar is-segwitu għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

Id-diskussjoni ffukat fuq l-użu possibbli ta' klawżoli passerelle inklużi fit-Trattati biex issir bidla minn votazzjoni b'unanimità għal votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill, u fuq inizjattivi relatati mal-Konferenza li ġew enfasizzati fid-diskors tal-Istat tal-Unjoni kif ukoll fl-"ittra ta' intenzjoni" tal-Kummissjoni li tiddeskrivi l-inizjattivi ewlenin ippjanati għall-2023. Il-ministri ġew infurmati wkoll dwar il-miżuri proposti mill-Konferenza fejn il-Kunsill jista' jaġixxi waħdu.

Matul id-dibattitu dwar is-segwitu għall-Konferenza, il-ministri qiesu li f'dan l-istadju għandha tingħata prijorità lis-segwitu tal-maġġoranza kbira ħafna tal-proposti u l-inizjattivi tal-Konferenza (madwar 95%) li jistgħu jiġu implimentati bl-użu tal-possibbiltajiet kollha offruti mill-qafas attwali tat-Trattati.

Ġew espressi diversi fehmiet dwar il-kwistjoni tal-estensjoni tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill bl-użu ta' klawżoli "passerelle". Il-biċċa l-kbira tal-ministri kienu lesti jikkunsidraw l-użu ta' klawżoli passerelle f'ċerti oqsma, fuq bażi ta' każ b'każ. Diversi ministri indikaw li kienet meħtieġa valutazzjoni ulterjuri qabel ma jkunu jistgħu jesprimu pożizzjoni dettaljata dwar din il-kwistjoni jew jieħdu deċiżjoni dwar din il-kwistjoni.

Il-ministri laqgħu l-pjan tal-Kummissjoni li tipproponi għadd ta' inizjattivi leġiżlattivi bħala segwitu għall-Konferenza, f'konformità mal-impenn meħud mit-tliet istituzzjonijiet tal-UE meta tnieda l-eżerċizzju.

Il-presidenza infurmat ukoll lill-ministri dwar it-tħejjijiet għall-avveniment ta' feedback għaċ-ċittadini, li huwa skedat għat-2 ta' Diċembru.

Il-Konferenza kellha l-għan li tinvolvi liċ-ċittadini f'dibattitu dwar il-futur komuni tagħna u dwar is-suġġetti li huma l-aktar importanti għalihom. Issa wasal iż-żmien li l-istituzzjonijiet tal-UE juru li semgħu it-tħassib tagħhom. Il-Kunsill huwa impenjat bis-sħiħ li jagħti sehmu f'dan il-proċess. Mikuláš Bek, Ministru Ċek għall-Affarijiet Ewropej

Relazzjonijiet UE - Renju Unit

Il-ministri vvalutaw is-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit, b'enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, b'mod partikolari l-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta' Fuq.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Maroš Šefčovič aġġorna lill-ministri dwar l-aħħar żviluppi, wara d-deċiżjoni tal-gvern tar-Renju Unit li jippreżenta leġiżlazzjoni li ma tapplikax l-elementi ewlenin tal-Protokoll f'Ġunju 2022 u t-tweġiba tiegħu tal-15 ta' Settembru 2022 għall-proċeduri ta' ksur li għaddejjin.

Il-ministri affermaw mill-ġdid l-appoġġ tagħhom għall-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea. Huma tennew b'mod partikolari r-rieda tal-UE li tiddiskuti b'mod kostruttiv soluzzjoni negozjata fi ħdan il-Protokoll għad-diffikultajiet prattiċi fl-implimentazzjoni tiegħu fuq il-post.

Programmazzjoni leġiżlattiva

Bħala parti mill-eżerċizzju annwali ta' programmazzjoni leġiżlattiva, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill ir-Rapport ta' Prospettiva Strateġika tal-2022 u l-"ittra ta' intenzjoni" tagħha fir-rigward tat-tħejjija tal-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni. Il-ministri ddeskrivew il-fehmiet tagħhom dwar il-prijoritajiet ewlenin għas-sena d-dieħla u l-inizjattivi li fil-fehma tagħhom huma l-aktar meħtieġa.

Prijoritajiet tal-presidenza

Il-presidenza Ċeka ppreżentat lill-ministri l-prijoritajiet ġenerali tagħha għat-tul tal-mandat tagħha, kif ukoll dawk li jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenza tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali.

Ukrajna: ġew adottati €5 biljun f'assistenza

Il-Kunsill illum adotta formalment deċiżjoni li tipprovdi €5 biljun ta' assistenza makrofinanzjarja addizzjonali lill-Ukrajna, bħala kwistjoni ta' urġenza. Din l-assistenza finanzjarja tikkumplementa għajnuna oħra tal-UE għall-Ukrajna fl-oqsma tal-għajnuna umanitarja, tal-iżvilupp, tad-dwana u tad-difiża.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr dibattitu l-lista ta' "punti A" elenkati hawn taħt.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025