"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Affarijiet Ġenerali (Koeżjoni), 22 ta' Novembru 2022
Riżultati ewlenin
L-impatti fit-tul tal-politika ta' koeżjoni fuq ir-reġjuni tal-UE
Il-Kunsill iddiskuta r-rwol tal-politika ta' koeżjoni bħala lieva essenzjali biex tiġi promossa l-konverġenza fit-tul fl-UE u biex jitnaqqsu d-disparitajiet fil-livell ta' żvilupp tad-diversi reġjuni.
Il-ministri laqgħu bi pjaċir il-kontribut tal-politika ta' koeżjoni biex jitnaqqas id-distakk bejn ir-reġjuni u l-istati membri inqas żviluppati u dawk aktar żviluppatimatul dawn l-aħħar deċennji, u nnotaw l-impatt pożittiv tagħha anke lil hinn mir-reġjuni li jibbenefikaw l-aktar mill-programmi tal-UE.
Huma enfasizzaw li l-politika ta' koeżjoni hija għodda ta' investiment moderna u flessibbli li tgħin lir-reġjuni madwar l-UE jaħdmu lejn għanijiet kondiviżi fit-tul, filwaqt li tindirizza sfidi aktar immedjati fuq il-post, skont kif ikun meħtieġ.
Matul id-dibattitu, il-ministri ddeskrivew ukoll il-fehmiet tagħhom dwar diversi kwistjonijiet, bħall-għanijiet u l-prinċipji ewlenin tal-politika ta' koeżjoni li għandhom jitħarsu għall-futur, l-isfidi li ser tiffaċċa l-politika u l-aħjar mod kif dawn jiġu indirizzati. Il-ministri ddiskutew ukoll il-valur miżjud tal-politika ta' koeżjoni meta mqabbla ma' politiki u strumenti oħra tal-UE, u ssottolinjaw il-ħtieġa li jinħolqu aktar sinerġiji bejn id-diversi strumenti biex jinkisbu aħjar l-objettivi ewlenin tal-politika ta' koeżjoni.
Fost affarijiet oħra, huma enfasizzaw li l-politika ta' koeżjoni għandha tkun tista' tistrieħ fuq taħlita robusta u effettiva ta' politiki u strumenti nazzjonali u tal-UE biex tgħin lir-reġjuni jindirizzaw id-diversi sfidi li jirriżultaw mill-bidliet demografiċi u teknoloġiċi u t-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi, filwaqt li jiġi żgurat li l-ebda reġjun ma jitħalla jibqa' lura.
Il-politika ta' koeżjoni hija għodda b'saħħitha u dinamika ta' investiment Ewropew li tgħin lill-istati membri u lir-reġjuni tagħhom jiżviluppaw. Irnexxilha tirreaġixxi b'mod flessibbli għall-kriżijiet reċenti, iżda s-saħħa vera tagħha tinsab fit-trasformazzjoni fit-tul, xprunata fil-livell lokali. Għandna bżonn niżguraw li l-politika tibqa' adatta għall-iskop tagħha anke fil-futur, u b'hekk tgħin lir-reġjuni tal-UE jindirizzaw b'mod effettiv id-diversi sfidi li qed jiffaċċaw, bħall-bidliet demografiċi u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
Ivan Bartoš, Viċi Prim Ministru għad-Diġitalizzazzjoni u Ministru għall-Iżvilupp Reġjonali tar-Repubblika Ċeka
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-politika ta' koeżjoni
Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-politika ta' koeżjoni, li jipprovdu valutazzjoni ġenerali tar-rwol tagħha fit-trawwim tal-iżvilupp reġjonali fl-UE, kif ukoll il-punti pożittivi u l-isfidi ewlenin tal-implimentazzjoni u l-prospetti possibbli għall-futur.
Il-konklużjonijiet ikopru aspetti differenti tal-politika ta' koeżjoni, inkluż il-valur miżjud tagħha, ir-rwol tagħha fl-indirizzar tal-kriżijiet reċenti, l-elementi territorjali, u l-futur tal-politika wara l-2027. Il-benefiċċji ewlenin tal-politika huma enfasizzati, bħall-fatt li kull €1 li jintefaq jiġġenera madwar €2.7 ta' PDG addizzjonali fil-livell tal-UE. Il-Kunsill jipproponi wkoll oqsma għal aktar titjib, bħas-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tar-regoli, il-prevenzjoni ta' trikkib ma' programmi oħra tal-UE, u l-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-ispeċifiċitajiet ta' kull reġjun.
Bħala punt mingħajr diskussjoni, il-Kunsill adotta formalment il-baġit tal-UE għall-2023 li kien qabel dwaru fin-negozjati mal-Parlament Ewropew fl-14 ta' Novembru. It-total tal-impenji huwa stabbilit għal €186.6 biljun. Din hija żieda ta' 1.1% meta mqabbla mal-baġit għall-2022 kif emendat. €0.4 biljun inżammu disponibbli taħt il-limiti massimi tal-infiq tal-qafas finanzjarju pluriennali għall-2021-2027, li jippermetti lill-UE tirreaġixxi għal ħtiġijiet mhux prevedibbli. It-total tal-pagamenti jammonta għal €168.6 biljun, 1% aktar mill-2022.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.