Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 20 ta' Frar 2024

Riżultati ewlenin

Stat tad-dritt fil-Polonja

Fuq talba tad-delegazzjoni Pollakka, il-Kunsill ħa evalwa l-iżviluppi rigward il-proċedura tal-Artikolu 7(1) TUE fir-rigward tal-Polonja.

Il-ministru għall-ġustizzja Pollakk Adam Bodnar informa lill-Kunsill dwar ir-riformi li l-gvern Pollakk wettaq, u li qed jippjana li jwettaq, biex jindirizza l-kwistjonijiet imqajma skont il-proċedura tal-Artikolu 7. Huwa enfasizza li l-intenzjoni tal-gvern il-ġdid hija li jieħu l-passi meħtieġa biex jippermetti li din il-proċedura tingħalaq.

Il-Kummissjoni aġġornat ukoll lill-ministri dwar l-iżviluppi mill-15 ta' Novembru 2023 'l hawn, meta l-Kunsill evalwa s-sitwazzjoni fil-Polonja.

L-istat tad-dritt u r-rispett għad-demokrazija huma prijorità ewlenija għall-Presidenza Belġjana. Dawn il-valuri huma fl-aħħar mill-aħħar il-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni tagħna. Il-fatt li l-Polonja nnifisha pproponiet li tinstema' dwar il-pjan ta' riforma tagħha huwa xi ħaġa li lqajna bi spirtu pożittiv kbir, kondiviż b'mod wiesa' mill-istati membri. Ser insegwu r-riformi attwali ladarba jiġu implimentati. Hadja Lahbib, Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Belġju

Il-proċedura tal-Artikolu 7(1) TUE rigward il-Polonja tnediet fl-20 ta' Diċembru 2017 meta l-Kummissjoni ppubblikat il-proposta motivata tagħha b'sett ta' rakkomandazzjonijiet rigward ir-riforma tal-ġustizzja u l-indipendenza ġudizzjarja fil-Polonja. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-proċedura kienet regolarment fuq l-aġenda tal-Kunsill u saru sitt seduti ta' smigħ mal-Polonja.

Il-Kunsill ser jibqa' jsegwi mill-qrib din il-kwistjoni.

Kunsill Ewropew ta' Marzu

Il-ministri bdew it-tħejjijiet għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Marzu 2024 billi ddiskutew abbozz ta' aġenda annotata.

Fil-laqgħa tagħhom ta' Marzu, il-mexxejja tal-UE ser jindirizzaw

  • il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-appoġġ kontinwu tal-UE lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha
  • is-sigurtà u d-difiża, inkluż il-ħtieġa tal-Ewropa li żżid l-istat ta' tħejjija ġenerali tagħha fil-qasam tad-difiża u tkompli ssaħħaħ il-bażi teknoloġika u industrijali tad-difiża tagħha
  • is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani
  • tħejjijiet għall-Aġenda Strateġika l-ġdida

Il-Kunsill Ewropew ser ikun mistieden ukoll japprova r-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro.

L-invażjoni tal-Ukrajna fuq skala sħiħa mir-Russja kkawżat telf massiv ta' ħajjiet, tbatija u qerda. Hekk kif qed noqorbu sfortunatament lejn it-tieni anniversarju tagħha, l-UE tibqa' soda fl-appoġġ tagħha għall-Ukrajna u l-poplu tagħha. Fil-ġlieda tagħhom, l-Ukreni mhux biss qed jiddefendu s-sovranità u l-integrità territorjali ta' pajjiżhom, iżda wkoll il-valuri komuni tagħna u s-sigurtà tal-Ewropa kollha kemm hi. L-impenn tagħna li nkomplu nipprovdu appoġġ qawwi lill-Ukrajna huwa sod. Hadja Lahbib, Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Belġju

Il-Kunsill adotta wkoll il-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, mingħajr diskussjoni.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025