Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 12 ta' Diċembru 2023

Riżultati ewlenin

Kunsill Ewropew ta' Diċembru

Il-ministri ħejjew għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta' Diċembru 2023 billi ddiskutew l-abbozz tal-konklużjonijiet.

Fil-laqgħa tagħhom ta' Diċembru, il-mexxejja tal-UE ser jindirizzaw:

  • Il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna
  • is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani
  • il-passi li jmiss fil-proċess tat-tkabbir
  • ir-reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027
  • is-sigurtà u d-difiża
  • il-migrazzjoni u affarijiet oħra
  • il-ħidma fuq l-Aġenda Strateġika tal-UE 2024-2029

Tkabbir

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar it-tkabbir għas-sitt isħab tal-Balkani tal-Punent, it-Turkija u - għall-ewwel darba - l-Ukrajna, il-Moldova, u l-Georgia.

Djalogu annwali dwar l-istat tad-dritt

Il-Kunsill irrieżamina d-djalogu annwali tiegħu dwar l-istat tad-dritt u ddiskuta sett ta' konklużjonijiet dwar il-kwistjoni. Fin-nuqqas ta' kunsens dwar it-test, il-presidenza tal-Kunsill iddeċidiet li toħroġ konklużjonijiet tal-presidenza. Hija kkonkludiet li t-test kien appoġġat jew ma kienx ikkontestat minn 25 delegazzjoni. Fl-20 ta' Diċembru 2023 f'laqgħa tar-rappreżentanti permanenti tal-istati membri tal-UE (Coreper), il-Polonja wkoll iddikjarat l-appoġġ tagħha għall-konklużjonijiet tal-presidenza tat-12 ta' Diċembru 2023 dwar l-evalwazzjoni tad-djalogu annwali dwar l-istat tad-dritt.

Il-konklużjonijiet jikkonsolidaw l-approċċ eżistenti għad-djalogu annwali tal-Kunsill dwar l-istat tad-dritt bħala għodda preventiva siewja fis-sett ta' għodod tal-UE dwar l-istat tad-dritt. Dawn isaħħu wkoll id-djalogu tal-Kunsill billi jistabbilixxu ċiklu aktar mgħaġġel, li jkopri aktar stati membri kull sena, u billi jinkoraġġixxu skambji aktar frekwenti fil-Kunsill, u ma' partijiet ikkonċernati esterni, kif xieraq.

It-tibdil demografiku

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar il-ġestjoni tat-tibdil demografiku fl-Ewropa.

Il-konklużjonijiet jilqgħu s-sett ta' għodod demografiċi tal-Kummissjoni, ippubblikat f'Ottubru 2023, inkluż l-analiżi tagħha tal-isfidi demografiċi fl-istati membri, l-appell għal approċċ komprensiv għall-ġestjoni tagħhom u l-impenn tal-Kummissjoni li tappoġġa lill-istati membri f'dan ir-rigward permezz ta' sett ta' għodod ta' politika disponibbli fil-livell tal-UE.

Il-Kunsill jissottolinja l-importanza ta' sforzi kontinwi li jindirizzaw it-tibdil demografiku u l-impatt tiegħu fuq il-kompetittività, il-kapital uman u l-ugwaljanza, bil-ħsieb ta' diskussjonijiet ulterjuri dwar dan is-suġġett ta' importanza strateġika għall-UE.

Ftehim ta' Assoċjazzjoni ma' Andorra u San Marino

Il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Šefčovič informa lill-ministri dwar il-qbil milħuq fost in-negozjaturi ewlenin matul l-aħħar ċiklu tan-negozjati għal ftehim ta' assoċjazzjoni ma' Andorra u San Marino, li sar bejn il-5 u s-7 ta' Diċembru 2023.

Il-ftehim ta' assoċjazzjoni jkun ftehim estensiv, li jippermetti l-parteċipazzjoni ta' Andorra u San Marino fis-suq uniku tal-UE u l-kooperazzjoni f'oqsma oħra ta' politika. Dan jistabbilixxi wkoll qafas istituzzjonali aktar koerenti u effiċjenti għar-relazzjonijiet.

Matul id-diskussjoni, il-ministri esprimew l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-bini ta' relazzjoni speċjali u solida ma' San Marino u Andorra, b'kont meħud ukoll tal-kuntest ġeopolitiku attwali. Xi ministri ssottolinjaw li, f'dan il-proċess, għandha tingħata attenzjoni speċjali biex tiġi żgurata l-integrità tas-suq uniku u kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, b'mod partikolari fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Nru 1/1958

Il-Kunsill kellu skambju dwar it-talba minn Spanja biex jiġi emendat ir-Regolament Nru 1/1958 biex il-Katalan, il-Bask u l-Galizjan jiġu inklużi fin-normi li jirregolaw il-lingwi tal-UE. Din kienet ir-raba' darba li l-ministri indirizzaw il-kwistjoni, wara diskussjonijiet preċedenti dwar it-talba ta' Spanja fil-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tad-19 ta' Settembru, l-24 ta' Ottubru u l-15 ta' Novembru 2023.

Matul id-diskussjoni, rappreżentant tad-delegazzjoni Spanjola enfasizza li fil-11 ta' Diċembru 2023 José Manuel Albares, Ministru għall-Affarijiet Barranin, l-Unjoni Ewropea u l-Kooperazzjoni ta' Spanja, bagħat ittra lid-delegazzjonijiet kollha fejn iddeskriva l-elementi li jagħmlu l-każ Spanjol uniku.

Il-Kummissjoni rreferiet għall-istima preliminari tagħha tal-implikazzjonijiet tal-ispejjeż tat-talba ta' Spanja, li tqassmet fis-6 ta' Diċembru 2023.

Il-Presidenza Belġjana li jmiss esprimiet ir-rieda tagħha li tmexxi 'l quddiem il-ħidma fuq it-talba ta' Spanja matul il-mandat tagħha.

Semestru Ewropew

Il-presidenza Spanjola u l-presidenza Belġjana li jmiss ippreżentaw il-pjan direzzjonali għas-Semestru Ewropew 2024.

Affarijiet oħra

Taħt "Affarijiet oħra", il-presidenza infurmat lill-ministri dwar il-valutazzjoni reċenti tas-segretarjat tal-Kunsill dwar is-segwitu għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Dan id-dokument pubbliku huwa l-unika valutazzjoni dettaljata u komprensiva li tipprovdi feedback speċifiku dwar kull waħda mid-49 proposta u t-326 miżura inklużi fir-rapport finali tal-konferenza.

Il-valutazzjoni turi li, sena u nofs wara t-tmiem tal-konferenza, il-maġġoranza l-kbira tal-proposti u l-miżuri tal-konferenza ġew implimentati jew jinsabu fil-proċess li jiġu implimentati. Dan juri l-impenn sħiħ tal-Kunsill biex iwieġeb għat-tħassib taċ-ċittadini kif espress matul il-konferenza.

Il-Presidenza ppreżentat ukoll rapport ta' progress fil-ħidma mwettqa matul il-mandat tagħha dwar il-futur tal-Ewropa u infurmat lill-ministri dwar proposta għall-ħolqien ta' strateġija makroreġjonali tal-UE għall-Atlantiku.

Il-Kunsill adotta wkoll, mingħajr diskussjoni, il-punti fuq il-lista ta' punti A mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025