Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali, 29 ta' Jannar 2024

Riżultati ewlenin

Prijoritajiet tal-presidenza

Il-presidenza Belġjana ppreżentat il-prijoritajiet għall-mandat tagħha.

Fil-kuntest tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali, il-presidenza ser tiffoka fuq il-protezzjoni tad-demokrazija, it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-promozzjoni ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti fl-Ewropa. Hija ser tmexxi 'l quddiem il-ħidma li għaddejja dwar it-tkabbir. Ser tħeġġeġ ukoll riflessjonijiet dwar l-Aġenda Strateġika li jmiss kif ukoll dwar il-futur tal-Ewropa.

Il-Kunsill Affarijiet Ġenerali ser ikompli jindirizza wkoll firxa ta' kwistjonijiet orizzontali, bħall-qafas finanzjarju pluriennali, il-ġestjoni tal-kriżijiet, it-theddid ibridu, kif ukoll it-trasparenza u l-etika. Huwa ser jaqdi bis-sħiħ ir-rwol tiegħu fit-tħejjija tal-Kunsill Ewropew u fl-iżgurar tal-appoġġ sod tal-UE lill-Ukrajna.

Hadja Lahbib, Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Belġju
Il-presidenza tagħna tikkoinċidi ma' żmien ta' sfidi akbar fl-Ewropa u lil hinn minnha. Qabel l-elezzjonijiet Ewropej, ser naħdmu biex niżguraw tranżizzjoni bla xkiel għaċ-ċiklu istituzzjonali li jmiss u mmexxu 'l quddiem id-diskussjonijiet dwar il-futur komuni tagħna. Ser niffukaw ukoll fuq is-salvagwardja u t-tisħiħ tad-demokrazija tagħna u fuq il-promozzjoni tal-involviment taċ-ċittadini, b'mod partikolari fir-rigward tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ.
Hadja Lahbib, Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Belġju
Hadja Lahbib, Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Belġju

Djalogu annwali dwar l-istat tad-dritt

Bħala parti mid-djalogu annwali dwar l-istat tad-dritt, il-ministri kellhom diskussjoni speċifika għall-pajjiżi. L-iskambju ta' fehmiet iffoka fuq żviluppi ewlenin fi Spanja, Franza, il-Kroazja u l-Italja.

Id-diskussjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi huma parti mill-impenn biex id-djalogu annwali dwar l-istat tad-dritt jissaħħaħ u jsir aktar strutturat, b'rispett sħiħ tal-prinċipji tal-oġġettività, in-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali tal-istati membri kollha. L-objettiv huwa li jkun hemm skambju kostruttiv u miftuħ ta' kummenti u tal-aħjar prattiki.

Il-konklużjonijiet tal-presidenza tat-12 ta' Diċembru 2023 ikkonsolidaw l-approċċ għad-djalogu annwali tal-Kunsill dwar l-istat tad-dritt segwit mill-2020 u enfasizzaw l-impenn tal-istati membri għal dan id-djalogu.

L-istat tad-dritt huwa valur fundamentali tal-UE u pedament tal-kooperazzjoni tagħna. Id-djalogu annwali dwar l-istat tad-dritt joffri opportunità siewja biex jissaħħaħ permezz ta' skambji kostruttivi fost l-istati membri. Il-presidenza Belġjana hija impenjata li tippromwovi u ssaħħaħ il-mekkaniżmi tal-istat tad-dritt li għandna fis-seħħ. Ser niffukaw ukoll fuq l-istat tad-dritt f'laqgħa informali tal-ministri għall-affarijiet Ewropej fl-aħħar ta' April, fejn ser jiġu mistiedna wkoll il-pajjiżi tat-tkabbir. Hadja Lahbib, Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Belġju

Difiża tad-demokrazija

Il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija, ippreżentat mill-Kummissjoni fit-12 ta' Diċembru 2023.

Id-dibattitu ffoka fuq il-proposta għal direttiva dwar it-trasparenza tar-rappreżentanza tal-interessi f'isem pajjiżi terzi. Il-ministri esprimew l-appoġġ tagħhom għall-objettiv ġenerali tal-proposta li tiżdied it-trasparenza tal-lobbying u tiġi miġġielda l-interferenza barranija. Fl-istess ħin, huma enfasizzaw il-ħtieġa li jinstab bilanċ bejn il-ġlieda kontra l-interferenza barranija u l-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni u l-ispazju ċiviku.

Rigward kwistjonijiet għal aktar konsiderazzjoni, diversi ministri qajmu mistoqsijiet dwar l-armonizzazzjoni sħiħa proposta, li kellha impatt fuq l-oqfsa nazzjonali eżistenti. Kien hemm ukoll appelli biex jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli. Il-ministri enfasizzaw l-importanza tal-proporzjonalità u li jiġi kkunsidrat bir-reqqa l-impatt tad-direttiva proposta fuq is-soċjetà ċivili, filwaqt li tiġi żgurata l-effettività tagħha, u tiġi evitata l-burokrazija. Huma semmew ukoll il-ħtieġa għal salvagwardji b'saħħithom kontra l-abbuż, għas-salvagwardja tal-kredibbiltà internazzjonali tal-UE u għal sanzjonijiet kredibbli.

Id-diskussjoni ser tiggwida l-eżami tad-direttiva proposta fil-Kunsill fil-livell tekniku.

Il-ministri ddiskutew ukoll liema miżuri ulterjuri jistgħu jittieħdu fil-livell tal-UE biex jiġu protetti aħjar id-demokraziji, tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-proċessi elettorali u tiġi promossa l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tfassil tal-politika. Huma laqgħu l-preżentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar dawn il-kwistjonijiet u enfasizzaw b'mod partikolari l-isfida tad-diżinformazzjoni u t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-votanti fl-elezzjonijiet li ġejjin tal-Parlament Ewropew.

Il-Kunsill adotta wkoll il-punti li jidhru fil-listi ta' punti A leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi, mingħajr diskussjoni.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025