Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ġenerali

Kunsill Affarijiet Ġenerali (Koeżjoni), 28 ta' Novembru 2024

Riżultati ewlenin

Il-politika ta' koeżjoni u l-isfidi demografiċi

Bħala parti mid-diskussjonijiet li għaddejjin dwar il-futur tal-politika ta' koeżjoni, il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar ir-rwol tal-politika ta' koeżjoni fl-indirizzar tal-isfidi demografiċi fl-UE.

Il-konklużjonijiet jikkomplementaw il-konklużjonijiet preċedenti tal-Kunsill dwar il-futur tal-politika ta' koeżjoni u huma maħsuba biex jinfurmaw il-ħidma tal-Kummissjoni dwar il-qafas leġiżlattiv ta' koeżjoni li jmiss.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill jirrikonoxxi li l-isfidi demografiċi jistgħu jaffettwaw b'mod sinifikanti l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll ir-reżiljenza u l-kompetittività tal-UE kollha kemm hi.

Il-Kunsill jenfasizza li r-reazzjonijiet ta' politika għall-isfidi demografiċi għandhom ikunu allinjati mal-prijoritajiet strateġiċi tal-UE, filwaqt li jqisu wkoll realtajiet lokali u reġjonali, u jitfasslu u jiġu implimentati bl-involviment attiv tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali. Għalhekk iqis li l-politika ta' koeżjoni għandu jkollha rwol essenzjali fl-indirizzar tat-tibdil demografiku fil-futur.

Il-Kummissjoni hija mistiedna tesplora oqsma differenti ta' appoġġ u ssaħħaħ is-sinerġiji fost il-fondi tal-politika ta' koeżjoni wara l-2027 biex tindirizza l-kwistjoni, inkluż billi ssaħħaħ l-approċċi territorjali integrati.

<p>Tibor Navracsics, Ministru Ungeriż għall-Amministrazzjoni Pubblika u l-Iżvilupp Reġjonali</p>

Il-politika ta' koeżjoni hija prijorità ewlenija tal-presidenza Ungeriża. Issaħħaħ il-kompetittività tal-UE u tgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi, bħad-depopolazzjoni u l-eżodu ta' mħuħ, li qed jiffaċċjaw ħafna reġjuni fl-Ewropa. Bil-konklużjonijiet tal-lum, inħeġġu lill-Kummissjoni tiżgura li l-politika ta' koeżjoni taqdi r-rwol sħiħ tagħha fl-indirizzar tal-isfidi demografiċi fil-futur.

<p>Tibor Navracsics, Ministru Ungeriż għall-Amministrazzjoni Pubblika u l-Iżvilupp Reġjonali</p>

Tibor Navracsics, Ministru Ungeriż għall-Amministrazzjoni Pubblika u l-Iżvilupp Reġjonali

Ġestjoni tal-fondi ta' koeżjoni wara l-2027

Il-ministri ddiskutew ukoll kif ser jissaħħu l-assi ewlenin tal-politika ta' koeżjoni u kif tista' tittejjeb il-ġestjoni kondiviża tal-fondi ta' koeżjoni f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà fil-futur. L-iskambju ta' fehmiet kien ibbażat fuq dokument ta' informazzjoni tal-presidenza.

Matul id-diskussjoni, il-ministri ssottolinjaw l-importanza li jagħtu lill-ġestjoni kondiviża, il-governanza f'diversi livelli, u l-prinċipju tas-sħubija fil-politika ta' koeżjoni. Enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati lokali u reġjonali kemm fit-tfassil kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-politika biex jiġu żgurati s-sjieda u l-effettività tal-politika. F'dan il-kuntest, ħafna kelliema argumentaw kontra ċentralizzazzjoni possibbli.

Ġiet enfasizzata wkoll l-importanza li jiġi ppreservat approċċ ibbażat fuq il-post u n-natura fit-tul tal-politika ta' koeżjoni, kif ukoll il-ħtieġa li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn il-prijoritajiet strateġiċi tal-UE u l-ħtiġijiet ta' żvilupp tar-reġjuni kollha, speċjalment ir-reġjuni inqas żviluppati.

Xi ministri kienu lesti wkoll li jipprovdu inċentivi b'saħħithom għall-implimentazzjoni ta' riformi strutturali fl-istati membri u li jsaħħu approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni għall-politika ta' koeżjoni, iżda mingħajr ma tiġi kompromessa d-dimensjoni reġjonali tagħha.

Affarijiet oħra

Taħt "affarijiet oħra", id-delegazzjoni Ġermaniża informat lill-ministri dwar dokument informali appoġġat minn ħames stati membri dwar id-disinn territorjali u l-implimentazzjoni tal-Programmi tal-Fondi Strutturali.

Id-delegazzjoni Litwana informat lill-ministri dwar dikjarazzjoni konġunta minn erba' stati membri dwar ir-reġjuni tal-UE li jmissu mar-Russja u l-Belarussja.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ġenerali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 3 ta' Frar 2025