Skip to content
  • Summit Internazzjonali

Summit UE-Ġappun, Brussell, 07/05/2014, 7 ta' Mejju 2014

Fis-7 ta' Mejju, Shinzo Abe, Prim Ministru tal-Ġappun, Herman Van Rompuy, President tal-Kunsill Ewropew, u José Manuel Barroso, President tal-Kummissjoni Ewropea, attendew it-22 summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun fi Brussell.

Il-mexxejja tal-UE u l-Ġappun iddiskutew is-sħubija ekonomika u politika tagħhom, il-politika tal-viċinat, il-kriżi fl-Ukraina, kooperazzjoni msaħħa tas-sigurtà u sfidi globali ewlenin.

Is-Sinjur Van Rompuy, is-Sinjur Barroso, u l-Prim Ministru Abe jistennew bil-ħerqa li jerġgħu jiltaqgħu f'Ġunju fis-summit tal-G7 li ser isir fi Brussell.

Relazzjonijiet ekonomiċi u politiċi

Il-mexxejja kkonfermaw l-impenn tagħhom biex jikkonkludu Ftehim ta' Sħubija Strateġika li jippermetti kooperazzjoni politika aktar fil-fond. In-negozjati dwar il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (FSE) għandhom jiġu konklużi malajr kemm jista' jkun.

Huma jilqgħu l-progress li sar dwar id-diskussjonijiet dwar il-kummerċ ħieles minkejja xi kwistjonijiet pendenti relatati mal-aċċess għas-suq u l-miżuri nontariffarji. Il-Kummissjoni ser jibgħat rapport ta' progress lill-Kunsill dwar l-ewwel sena ta' negozjati f'Mejju. Dawn it-taħdidiet dwar il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn żewġ atturi ewlenin fl-ekonomija tad-dinja x'aktarx ikunu wħud mill-aktar negozjati importanti dwar il-kummerċ fis-snin li ġejjin.

Il-kummerċ bejn l-UE u l-Ġappun

L-ekonomiji tal-UE u tal-Ġappun flimkien jammontaw għal qrib 27% tal-PDG globali. Il-Ġappun huwa t-tieni l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE fl-Asja, u l-UE hija t-tielet l-aktar sieħeb kummerċjali importanti tal-Ġappun. Filwaqt li l-Ġappun huwa investitur ewlieni fl-UE, l-investimenti diretti barranin tal-UE għadhom baxxi fil-Ġappun. F'Marzu tal-2013, l-UE u l-Ġappun iddeċidew li jniedu negozjati għal ftehim ta' kummerċ ħieles profond u komprensiv.

Ladarba jkun fis-seħħ, dan il-ftehim kummerċjali jista' jagħti spinta lill-ekonomija tal-Ewropa b'0.6% sa 0.8% tal-PDG tagħha; l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Ġappun jistgħu jiżdiedu bi 32.7%. B'riżultat ta' dan il-ftehim, jistgħu jinħolqu 420,000 impjieg fl-UE biss.

Politika tal-viċinat

Kwistjonijiet reġjonali, bħall-iżviluppi reċenti fil-viċinati rispettivi tal-UE u l-Ġappun ġew diskussi wkoll.

Is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora fl-Ukraina ngħatat prijorità fuq l-aġenda. L-UE u l-Ġappun tennew l-appoġġ tagħhom għall-poplu tal-Ukraina u d-dritt tiegħu li jagħżel il-futur tiegħu stess. L-UE u l-Ġappun qed isegwu l-istess objettivi li jistabbilizzaw il-gvern fi Kiev u li jiżguraw li tista' ssir elezzjoni presidenzjali ħielsa u ġusta fl-Ukraina fil-25 ta' Mejju.

Is-sitwazzjoni fl-Asja tal-Lvant hija wkoll sors ta' tħassib. Għandu jiġi żgurat li n-navigazzjoni u t-titjiriet minn fuq l-ibħra internazzjonali jkunu ħielsa u sikuri.

Jeħtieġ li fl-Ukraina u fl-Asja tal-Lvant jinstabu soluzzjonijiet paċifiċi permezz ta' involviment diplomatiku attiv f'konformità mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali.

Sħubija tas-sigurtà msaħħa

Il-President Van Rompuy qal: "L-UE tilqa' d-disponibbiltà tal-Ġappun li jibni sħubija tas-sigurtà msaħħa mal-UE bħala parti mill-politika globali tal-Ġappun biex jikkontribwixxi b'mod aktar attiv għall-paċi u s-sigurtà globali."

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġappun qed jimxu lejn kooperazzjoni prattika tal-ġestjoni tal-kriżijiet, inkluż f'diversi pajjiżi Afrikani. Is-sħab qablu li jwettqu eżerċizzju konġunt kontra l-piraterija li jinvolvi assi navali Ġappuniżi u ta' EUNAVFOR Atalanta fl-Oċean Indjan tal-Punent.

Sfidi globali

Ġew diskussi n-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima, fejn huma meħtieġa kontributi ambizzjużi u f'waqthom, kif ukoll is-sitwazzjoni ekonomika globali u l-kooperazzjoni tal-G20.

Is-Sur Barroso enfasizza l-urġenza li tittieħed azzjoni dwar it-tibdil fil-klima, u l-UE u l-Ġappun irrikonoxxew li għandu jsir tnaqqis kbir fl-emissjonijiet globali ta' gass b'effett ta' serra mill-partijiet kollha.

L-UE u l-Ġappun ser jaħdmu wkoll flimkien biex joħolqu ċiberspazju miftuħ, sikur u sigur u nedew Djalogu Ċibernetiku bejn l-UE u l-Ġappun.

Dokumenti tal-laqgħat

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025