Skip to content
  • Summit Internazzjonali

Assemblea Ġenerali tan-NU, New York, 20-24 ta' Settembru 2021, 20-24 ta' Settembru 2021

Riżultati ewlenin

Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew, indirizza lill-mexxejja dinjija f'isem l-UE fl-Assemblea Ġenerali tan-NU (AĠNU) fl-24 ta' Settembru.

Il-President Michel wissa li d-dinja kienet qed tiffaċċa punt deċiżiv fl-istorja tal-bniedem.

X'dinja rridu għal għada? Irridu dinja ispirata mir-raġuni. [...] Irridu dinja aktar ġusta u aktar sikura. Kooperazzjoni aktar milli konfrontazzjoni. Solidarjetà aktar milli iżolament. Trasparenza mhux segretezza. Il-President Michel fis-76 Assemblea Ġenerali tan-NU

Fid-dawl tal-effetti dejjem aktar diżastrużi tat-tibdil fil-klima, il-President Michel qal li l-bnedmin kienu fi gwerra kontra n-natura, u li n-natura kienet qed tiġġieled lura.

Ħadd ma jista' jgħid: "Ma kontx naf". [...] Wasal iż-żmien li nwaqqfu l-gwerra kontra d-dinja naturali tagħna. Wasal iż-żmien li l-bnedmin jiffirmaw armistizju man-natura. Trattat ta' paċi mal-pjaneta tagħna. Il-President Michel fis-76 Assemblea Ġenerali tan-NU
Il-President Michel ħeġġeġ lill-mexxejja dinjija biex jieħdu azzjoni deċiżiva kontra t-tibdil fil-klima

Il-President Michel enfasizza li l-UE kienet ħadet rwol ewlieni biex tiddefendi l-Ftehim ta' Pariġi, peress li kienet l-ewwel blokk li ddeċieda li jsir newtrali għall-klima sal-2050 u li jżid il-miri tiegħu għall-2030.

Il-President Michel enfasizza wkoll ir-rwol tal-UE bħala l-isponsor ewlieni tal-paċi u l-iżvilupp sostenibbli.

Il-paċi hija ħafna aktar min-nuqqas ta' gwerra. [...] Hija sostnuta mir-rabtiet reċiproċi bejn is-soċjetajiet tagħna. Aktar ma nikkondividu interessi, inqas ma nkunu f'konflitt. [...] Il-paċi titrawwem permezz ta' proġetti ta' integrazzjoni reġjonali jew kontinentali, u permezz ta' sħubiji kbar bejn dawn iż-żoni integrati ġodda. Kemm jekk ikunu fl-Amerka Latina u fil-Karibew, fl-Asja … jew fl-Afrika. Il-President Michel fis-76 Assemblea Ġenerali tan-NU

Il-President Michel qal li l-UE kienet qed tiżviluppa l-awtonomija strateġika tagħha sabiex tkun inqas dipendenti u biex issaħħaħ l-influwenza pożittiva tagħha fid-dinja, kif ukoll biex tikkonsolida l-alleanza Atlantika.

L-alleanza Atlantika tagħna hija ankrata fil-valuri demokratiċi tagħna u fuq il-pilastru sagrosant tas-sigurtà u l-istabbiltà tagħna fid-dinja. Alleati aktar b'saħħithom jagħmlu alleanza aktar b'saħħitha, imsejsa fuq it-trasparenza u l-lealtà. Il-President Michel fis-76 Assemblea Ġenerali tan-NU
Il-President tal-Kunsill Ewropew enfasizza l-importanza ta' sħubijiet u tal-integrazzjoni għal dinja aktar paċifika

Fid-dawl tat-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19, il-President Michel ħeġġeġ lill-mexxejja dinjija biex jiżguraw li l-komunità globali tkun aktar reżiljenti u mħejjija aħjar għal pandemiji futuri permezz ta' trattat internazzjonali dwar il-pandemiji.

Din il-pandemija wasslitna lura għal dak li huwa essenzjali: il-ħajja u d-dinjità tal-bniedem. Biex nissalvagwardjawhom, ħadna miżuri eċċezzjonali. [...] Iżda mhux biżżejjed li tingħeleb din il-pandemija. Jeħtieġ li nevitaw il-pandemiji li jmiss u nibnu reżiljenza globali. Għal dan il-għan, flimkien ma' Dr Tedros Ghebreyesus, ipproponejna trattat internazzjonali dwar il-pandemiji. Il-President Michel fis-76 Assemblea Ġenerali tan-NU
Id-dinja trid tkun ippreparata aħjar għal pandemiji futuri, wissa l-President Michel

Programm

Diskussjoni Informali tal-Mexxejja dwar il-Klima

Il-President Michel ħa sehem f'dan l-avveniment tal-Kunsill ta' Amministrazzjoni Fiduċjarja tan-NU flimkien ma' Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea.

Laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tan-NU

Il-President Michel, il-President von der Leyen u r-Rappreżentant Għoli tal-UE Josep Borrell iltaqgħu mas-Segretarju Ġenerali tan-NU António Guterres fil-kwartieri ġenerali tan-NU.

Avveniment ta' livell għoli dwar "Women in Conflicts"

Xhieda qawwija minn nisa superstiti, attivisti, u interventi minn mexxejja dinjija – l-avveniment ta' livell għoli ospitat b'mod konġunt mill-President Charles Michel u n-Nazzjonijiet Uniti enfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu żgurati d-drittijiet tan-nisa u l-bniet u l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fit-tiswir tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni.

Diskors lill-Assemblea Ġenerali tan-NU mill-President Michel

Il-President tal-Kunsill Ewropew indirizza lill-mexxejja dinjija f'isem l-UE.

Laqgħat bilaterali

Fil-marġini tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, il-President Michel iltaqa' ma' mexxejja minn madwar id-dinja. Hu kellu laqgħat bilaterali ma':

  • il-Prim Ministru tal-Awstralja Scott Morrison
  • il-President tal-Kolombja Iván Duque Márquez
  • il-President taż-Żambja Hakainde Hichilema
  • il-President tat-Tanzanija Samia Suluhu Hassan
  • il-President tal-Vjetnam Nguyen Xuan Phuc
  • il-President tal-Kunsill Presidenzjali tal-Libja, Mohamed al-Menfi
  • il-President tal-Ġermanja Frank-Walter Steinmeier

Il-prijoritajiet tal-UE għas-76 Assemblea Ġenerali tan-NU

L-UE u l-istati membri tagħha ser ikomplu jippromwovu multilateraliżmu effettiv billi jlaqqgħu l-atturi globali biex jinstabu soluzzjonijiet globali komuni.

L-UE ser tkompli tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni effettiva tar-riformi tan-NU, billi taħdem flimkien ma' oħrajn favur NU li hija adatta għall-iskop tagħha, u għall-isfidi globali u l-ġeopolitika tas-seklu 21.

Il-prijoritajiet ewlenin tal-UE għas-sena li ġejja jinkludu dawn li ġejjin:

  • nibnu mill-ġdid aħjar wara l-pandemija tal-COVID-19
  • noħolqu dinja aktar sikura u nippromwovu l-paċi, is-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem
  • nirbħu t-tellieqa kontra t-tibdil fil-klima u nrawmu mill-ġdid ir-relazzjoni tagħna man-natura
  • insawru l-aġenda diġitali globali

L-UE tissuġġerixxi wkoll li jiġi stabbilit summit regolari bejn l-UE u n-NU biex tissaħħaħ is-sħubija b'saħħitha u dinamika tagħha man-NU.

Ara wkoll

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025