"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Summit Internazzjonali

Summit tal-G7, Cornwall, ir-Renju Unit, 11-13/06/2021, 11-13 ta' Ġunju 2021

Riżultati ewlenin

Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew, u Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentaw lill-UE fis-summit tal-G7 ta' din is-sena ospitat f'Carbis Bay, Cornwall.

Matul il-laqgħa ta' tlett ijiem il-mexxejja tal-G7 iddiskutew firxa wiesgħa ta' suġġetti urġenti, inkluż il-COVID-19, it-tħejjija għall-pandemiji u l-irkupru ekonomiku; l-isfidi ġeopolitiċi u l-affarijiet barranin; il-kummerċ u l-iżvilupp; il-promozzjoni ta' soċjetajiet miftuħa u valuri demokratiċi; u l-ġlieda kontra t-tibdil fil klima u l-ħarsien tal-ambjent.

Is-summit sar taħt il-presidenza tar-Renju Unit tal-G7, bit-tema ġenerali tiegħu tkun "Nibnu mill-Ġdid Aħjar" wara l-pandemija. Ir-Renju Unit stieden mexxejja mill-Awstralja, l-Indja, il-Korea t'Isfel u l-Afrika t'Isfel biex jattendu parti mil-laqgħa bħala pajjiżi mistiedna.

Fi tmiem is-summit, il-mexxejja tal-G7 adottaw komunikat tal-mexxejja.

Ritratt mis-sala: Nibnu mill-ġdid aħjar - irkupru għal kulħadd
Ritratt mis-sala: Nibnu mill-ġdid aħjar - irkupru għal kulħadd

Saħħa

Il-mexxejja stabbilew għan kollettiv li tintemm il-pandemija fl-2022. Dan ser jeħtieġ it-tilqim ta' mill-inqas 60 fil-mija tal-popolazzjoni globali. It-tħaffif tal-introduzzjoni ta' tilqim sikur, effettiv, aċċessibbli u affordabbli huwa għalhekk prijorità internazzjonali għall-G7.

Il-G7 impenja ruħu li jipprovdi biljun doża ta' tilqim matul is-sena d-dieħla. Dawn ser jgħaddu primarjament permezz tal-COVAX, il-pilastru tat-tilqim tal-Aċċelleratur tal-Aċċess għall-Għodod kontra l-COVID-19 (ACT-A), lejn dawk l-aktar fil-bżonn. Jekk jingħaddu flimkien mal-ekwivalenti f'tilqim tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-G7 ta' $8.6 biljun, dan ifisser kontribuzzjoni totali tal-G7 ta' aktar minn żewġ biljun doża ta' tilqim.

Filwaqt li enfasizzaw il-ħtieġa ta' aċċess ekwu għat-tilqim kontra l-COVID-19, il-mexxejja tal-G7 impenjaw ruħhom li jappoġġaw il-manifattura tal-għodod kontra l-COVID-19 f'pajjiżi bi dħul baxx u jħaffu l-manifattura tagħhom fil-kontinenti kollha. Il-mexxejja ser jipparteċipaw b'mod kostruttiv fid-diskussjonijiet fid-WTO dwar ir-rwol tal-proprjetà intellettwali, inkluż billi jaħdmu b'mod konsistenti fi ħdan il-ftehim TRIPS.

Il-prijorità kienet li niżguraw li nkunu nistgħu nilħqu mad-domanda għat-tilqim u hawn l-UE assumiet it-tmexxija. Is-sħab issa ngħaqdu magħna biex iħaffu l-produzzjoni u t-twassil tat-tilqim madwar id-dinja. Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew

Fil-qalba tad-diskussjonijiet dwar is-saħħa globali kien hemm kif nistgħu nkunu mħejjija aħjar għal pandemiji futuri u nindirizzaw it-theddidiet globali għas-saħħa li ilhom jeżistu. Il-mexxejja tal-G7 irrikonoxxew ir-rwol u r-responsabbiltajiet partikolari tagħhom fit-tisħiħ tal-arkitettura globali tas-saħħa u s-sigurtà tas-saħħa.

Il-mexxejja tal-G7 laqgħu d-Dikjarazzjoni ta' Ruma adottata fis-Summit Globali dwar is-Saħħa fil-21 ta' Mejju u qed jistennew bil-ħerqa li jaħdmu mal-G20 u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti fi tfittxija għal azzjoni multilaterali dwar it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji, inkluż l-esplorazzjoni tal-valur potenzjali ta' trattat dwar il-pandemiji.

Il-mexxejja adottaw ukoll id-Dikjarazzjoni dwar is-Saħħa ta' Carbis Bay, li tistipula impenn tal-G7 għal prevenzjoni, detezzjoni, reazzjoni u rkupru aħjar fir-rigward ta' pandemiji futuri permezz ta' azzjoni multilaterali effettiva u sistema globali tas-saħħa msaħħa bl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) fil-qalba tagħha.

Il-mexxejja ngħaqdu mal-appell għal riċerka dwar l-oriġini tal-COVID-19.

Aħna nappellaw ukoll għal studju ta' fażi 2 dwar l-Oriġini tal-COVID-19 imsejjaħ mid-WHO li jkun f'waqtu, trasparenti, immexxi minn esperti, u bbażat fuq ix-xjenza, fiċ-Ċina. Komunikat tal-mexxejja tal-G7
Stampa: Il-kontribuzzjoni tal-UE għas-solidarjetà globali dwar il-vaċċini kontra l-COVID-19.

COVID-19: il-kontribuzzjoni tal-UE għas-solidarjetà globali dwar il-vaċċini (Infografika)

Irkupru ekonomiku u impjiegi

Biex jittaffa l-impatt tal-pandemija, il-pajjiżi tal-G7 ipprovdew appoġġ bla preċedent liċ-ċittadini li jammonta għal aktar minn $12-il triljun. Il-G7 ser ikompli jappoġġa l-ekonomiji tiegħu sakemm hemm bżonn, billi jaqleb minn rispons għal kriżi għall-promozzjoni ta' tkabbir b'saħħtu, reżiljenti, sostenibbli, ibbilanċjat u inklużiv għall-futur.

Biex tinħoloq sistema globali tat-taxxa aktar ġusta, jiżdied aktar id-dħul mit-taxxa biex jiġi appoġġat l-investiment u jiġi miġġieled l-evitar tat-taxxa, il-mexxejja approvaw il-ħolqien ta' taxxa minima korporattiva globali ta' mill-inqas 15 fil-mija fuq bażi ta' pajjiżi b'pajjiż, permezz tal-qafas inklużiv tal-G20/OECD. L-għan huwa li jintlaħaq qbil fil-laqgħa ta' Lulju tal-ministri għall-finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-G20.

Kummerċ ħieles u ġust

Il-G7 hu magħqud fl-impenn tiegħu favur kummerċ ħieles u ġust bħala prinċipji u għanijiet fundamentali tas-sistema multilaterali bbażata fuq ir-regoli. Il-mexxejja qablu madankollu dwar il-ħtieġa ta' viżjoni komuni għal riforma tas-sistema kummerċjali multilaterali, b'ġabra ta' regoli modernizzata u Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) riformata fil-qalba tagħha. F'dan il-kuntest huma enfasizzaw l-importanza ta' funzjonament xieraq tal-funzjoni ta' negozjar u s-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO.

Il-mexxejja impenjaw ruħhom li jaħdmu b'mod kollaborattiv biex jindirizzaw ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u biex jallinjaw il-prattiki kummerċjali tagħhom mal-impenji tagħhom skont il-Ftehim ta' Pariġi.

Impenjaw ruħhom ukoll li jkomplu jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-ktajjen ta' provvista globali jkunu ħielsa mill-użu ta' xogħol furzat.

Fruntieri futuri

Il-G7 ser jippromwovi kollaborazzjoni aktar b'saħħitha dwar ir-riċerka u l-iżvilupp, u jippromwovi prinċipji tas-sigurtà u l-integrità tar-riċerka u x-xjenza miftuħa. Għal dan il-għan, il-mexxejja approvaw il-Patt tal-G7 dwar il-Kollaborazzjoni fir-Riċerka.

Klima u ambjent

Il-G7 ser ikompli jżid l-isforzi tiegħu biex il-limitu ta' żieda ta' 1.5°C fit-temperatura jkun jista' jintlaħaq. Il-mexxejja affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-Ftehim ta' Pariġi u impenjaw ruħhom b'mod kollettiv li jiksbu emissjonijiet ta' gassijiet serra żero netti mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-2050.

It-tranżizzjoni ekoloġika mistennija li tnaqqas l-emissjonijiet, iżżid l-azzjoni ta' adattament madwar id-dinja, twaqqaf u treġġa' lura t-telf tal-bijodiversità, toħloq impjiegi ġodda ta' kwalità għolja, u żżid il-prosperità u l-benesseri. Ser tkun immexxija mit-teknoloġija u appoġġata minn azzjonijiet tanġibbli fis-setturi kollha tal-ekonomiji u s-soċjetajiet tal-G7.

Impenji speċifiċi jinkludu t-tħaffif ulterjuri tat-tranżizzjoni lil hinn minn kapaċità tal-faħam mhux imnaqqsa filwaqt li jiġu appoġġati l-ħaddiema affettwati, u jintemm l-appoġġ dirett ġdid mill-gvern għall-ġenerazzjoni internazzjonali mhux imnaqqsa tal-enerġija termali mill-faħam sa tmiem l-2021.

It-tranżizzjoni lejn ekonomiji mingħajr emissjonijiet netti toħloq sfidi finanzjarji partikolari għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-mexxejja tal-G7 jibqgħu favur l-impenji bilaterali u multilaterali tagħhom biex jappoġġaw l-isforzi ta' dekarbonizzazzjoni ta' dawn is-sħab permezz tal-finanzjament għall-klima.

Huma affermaw mill-ġdid l-għan kollettiv ta' pajjiż żviluppat li b'mod konġunt jimmobilizza $100 biljun fis-sena minn sorsi pubbliċi u privati, sal-2025 fil-kuntest ta' azzjonijiet ta' mitigazzjoni sinifikanti u trasparenza dwar l-implimentazzjoni.

Il-mexxejja ssottolinjaw ukoll l-importanza ta' swieq tal-karbonju ta' integrità għolja u l-aħjar użu ta' lievi ta' politika sabiex nimxu lejn ipprezzar ġust u effiċjenti tal-karbonju.

Il-mexxejja tal-G7 impenjaw ruħhom li jwaqqfu u jreġġgħu lura t-telf tal-bijodiversità sal-2030, u appoġġaw qafas tal-bijodiversità globali ambizzjuż għal wara l-2020 li għandu jiġi adottat mill-partijiet fil-COP15 dwar il-bijodiversità. Huma adottaw il-patt tal-G7 dwar in-natura 2030, li jistipula l-azzjoni dwar il-bijodiversità fost erba' pilastri ewlenin: it-tranżizzjoni, l-investiment, il-konservazzjoni u r-responsabbiltà.

Skont il-patt, il-G7 impenja ruħu li jikkonserva jew jipproteġi mill-inqas 30 fil-mija tal-art globali u mill-inqas 30 fil-mija tal-oċean globali sal-2030. Huma ser jikkontribwixxu billi jikkonservaw jew jipproteġu mill-inqas 30 fil-mija tal-art u ż-żoni kostali u tal-baħar tagħhom sal-2030 skont iċ-ċirkostanzi u l-approċċi nazzjonali.

Ritratt mis-sala: Nibnu mill-ġdid b'mod aktar ekoloġiku - Klima u natura
Ritratt mis-sala: Nibnu mill-ġdid b'mod aktar ekoloġiku - Klima u natura

Ugwaljanza bejn il-ġeneri

Il-mexxejja tal-G7 irrikonoxxew l-impatt devastanti u sproporzjonat tal-COVID-19 fuq in-nisa u l-bniet, li jirriskja li jreġġa' lura l-kisbiet diffiċli li nkisbu speċjalment fir-rigward tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, u l-edukazzjoni u x-xogħol.

L-avvanzar tal-ekwità u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri huwa pilastru ċentrali tal-pjanijiet u l-politiki tal-G7 biex nibnu mill-ġdid aħjar wara l-pandemija u huwa infurmat minn tliet prijoritajiet ewlenin: l-edukazzjoni tal-bniet, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, u t-tmiem tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet.

Il-mexxejja impenjaw ruħhom għal żewġ miri ewlenin globali ġodda tal-SDG4 għall-edukazzjoni tal-bniet:

  • 40 miljun tifla aktar fl-edukazzjoni sal-2026 f'pajjiżi bi dħul baxx u baxx-medju
  • 20 miljun tifla aktar li jaqraw sal-età ta' 10 snin jew sa tmiem l-iskola primarja sal-2026, f'pajjiżi bi dħul baxx u baxx-medju

Sabiex jiġi żgurat li dawn il-miri jkunu sostnuti minn finanzjament sostenibbli, il-mexxejja tal-G7 ħabbru wegħda kkombinata ta' $2.75 biljun f'finanzjament għall-ħames snin li ġejjin għas-Sħubija Globali għall-Edukazzjoni qabel ir-riforniment tagħha f'Lulju.

Responsabbiltà u azzjoni globali

Id-demokraziji ewlenin tad-dinja huma impenjati li jaħdmu flimkien biex jippromwovu l-valuri komuni tagħhom fis-sistema internazzjonali. Dan l-impenn huwa rifless fl-Istqarrija dwar Soċjetajiet Miftuħa, li ġiet adottata fis-summit mill-mexxejja tal-G7 u dawk tal-Awstralja, l-Indja, ir-Repubblika tal-Korea, u l-Afrika t'Isfel.

F'din l-istqarrija, il-mexxejja affermaw mill-ġdid u ppromwovew il-valuri u l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-libertà tal-espressjoni, l-istat tad-dritt, sistema multilaterali effettiva, u soċjetajiet ċivili diversi, indipendenti u pluralistiċi.

Il-mexxejja rrikonoxxew ir-responsabbiltà partikolari tal-akbar pajjiżi u ekonomiji fil-ħarsien tas-sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli u d-dritt internazzjonali. Huma impenjaw ruħhom li jaħdmu mas-sħab kollha u bħala membri tal-G20, in-NU u l-komunità internazzjonali ġenerali għal dan il-għan, u ħeġġew lil oħrajn biex jagħmlu l-istess.

Il-mexxejja ddiskutew ukoll l-aktar kwistjonijiet ġeopolitiċi u ta' politika barranija urġenti, inkluż iċ-Ċina, ir-Russja, l-Ukrajna, il-Belarussja, Tigray, is-Saħel, il-Libja, l-Afganistan, ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, il-Myanmar, l-Indo-Paċifiku, l-Iran u l-Iraq.

Fir-rigward taċ-Ċina, u l-kompetizzjoni fl-ekonomija globali, il-G7 ser jkompli jikkonsulta dwar approċċi kollettivi biex jiġu sfidati politiki u prattiki mhux tas-suq li jimminaw l-operazzjoni ġusta u trasparenti tal-ekonomija globali.

Fil-kuntest tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom fis-sistema multilaterali, il-pajjiżi tal-G7 ser jikkooperaw fejn huwa fl-interess reċiproku tagħhom dwar sfidi globali komuni, b'mod partikolari dwar l-indirizzar tat-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità fil-kuntest tal-COP26 u diskussjonijiet multilaterali oħra.

Fl-istess ħin u billi nagħmlu hekk, aħna ser nippromwovu l-valuri tagħna, inkluż billi nappellaw liċ-Ċina biex tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, speċjalment fir-rigward ta' Xinjiang u dawk id-drittijiet, il-libertajiet u l-livell għoli ta' awtonomija għal Hong Kong minquxa fid-Dikjarazzjoni Konġunta Sino-Brittanika u l-Liġi Bażika. Komunikat tal-mexxejja tal-G7

Il-mexxejja tennew l-interess tagħhom f'relazzjonijiet stabbli u prevedibbli mar-Russja. Huma appellaw lir-Russja biex twaqqaf l-imġiba destabbilizzanti u l-attivitajiet malizzjużi tagħha u biex tissodisfa l-obbligi u l-impenji internazzjonali tagħha fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem.

Dwar l-Ukrajna, huma appellaw lir-Russja biex ittaffi t-tensjonijiet, taġixxi f'konformità mal-obbligi internazzjonali tagħha, u tirtira t-truppi u l-materjal militari tagħha fil-fruntiera tal-Lvant tal-Ukrajna u fuq il-peniżola tal-Krimea.

Aħna nibqgħu fermament tal-fehma li r-Russja hija parti għall-konflitt fil-Lvant tal-Ukrajna, mhux medjatriċi. Komunikat tal-mexxejja tal-G7

Fir-rigward tal-attakki kontinwi fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u d-dritt internazzjonali mill-awtoritajiet fil-Belarussja, il-pajjiżi tal-G7 ser jaħdmu flimkien biex dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom, inkluż permezz tal-impożizzjoni ta' sanzjonijiet, u jkomplu jappoġġaw lis-soċjetà ċivili, il-media indipendenti u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż.

Il-mexxejja esprimew it-tħassib serju tagħhom dwar il-kunflitt li għaddej fir-reġjun ta' Tigray fl-Etjopja. Huma appellaw għal waqfien immedjat tal-ostilitajiet, aċċess umanitarju mingħajr xkiel għaż-żoni kollha, l-irtirar immedjat tal-forzi Eritreani, u biex il-partijiet kollha jsegwu proċess politiku kredibbli.

Seba' xhur ta' kunflitt, atroċitajiet, vjolenza bbażata fuq l-etniċità, u ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali qed iwasslu eluf ta' persuni innoċenti għal waħda mill-agħar karestiji kkawżati mill-bniedem. Nappellaw lill-komunità internazzjonali kollha biex taġixxi. Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew

Żvilupp

Il-mexxejja tal-G7 irrikonoxxew li l-COVID-19 għandha impatt estensiv fuq l-ifqar pajjiżi li diġà kienu qed jiffaċċjaw l-effetti ta' kunflitti, it-tibdil fil-klima, xokkijiet soċjoekonomiċi u nuqqas kroniku ta' riżorsi u infrastruttura. Biex jgħin lill-pajjiżi l-aktar fraġli, il-G7 jappoġġa sett ta' miżuri komplementari inkluż is-serħan mid-dejn, il-finanzjament u l-appoġġ għall-iżvilupp permezz tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).

Il-mexxejja tal-G7 irrikonoxxew il-ħtiġijiet sinifikanti ta' infrastruttura fil-pajjiżi bi dħul baxx u medju, li ġew aggravati mill-pandemija tal-COVID-19. Huma impenjaw ruħhom għal bidla radikali fl-approċċ tagħhom għall-finanzjament globali tal-infrastruttura, b'enfasi speċifika fuq l-Afrika. L-istituzzjonijiet tal-finanzi għall-iżvilupp u s-sħab multilaterali beħsiebhom jinvestu mill-inqas $80 biljun fis-settur privat fl-Afrika matul il-ħames snin li ġejjin biex jappoġġaw l-irkupru u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli.

Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew
Għal xi snin diġà, b'xi mexxejja fl-Ewropa konna konvinti li dan l-involviment mal-Afrika jeħtieġ li jkun fil-qalba tar-relazzjonijiet internazzjonali futuri tagħna. Konna kapaċi li ngħaqqdu dejjem aktar il-pożizzjonijiet tal-pajjiżi Ewropej dwar din il-kwistjoni u issa kkonvinċejna lis-sħab tagħna biex ikomplu jimmobilizzaw il-fondi biex niżguraw strateġija vantaġġuża għal kulħadd għall-Afrika u l-Ewropa.
Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew
Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew

Dwar il-presidenza tar-Renju Unit tal-G7

Ir-Renju Unit għandu l-presidenza tal-G7 mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2021. Il-prijorità ewlenija tiegħu għal dan il-perjodu hija li d-demokraziji ewlenin jgħinu lid-dinja fil-ġlieda, u mbagħad fil-bini mill-ġdid aħjar mill-COVID-19 u l-ħolqien ta' futur aktar ekoloġiku u aktar prosperu billi:

  • imexxu l-irkupru globali mill-coronavirus filwaqt li jsaħħu r-reżiljenza tagħna kontra pandemiji futuri
  • jippromwovu l-prosperità futura tagħna billi jippromwovu l-kummerċ ħieles u ġust
  • jindirizzaw it-tibdil fil-klima u l-preservazzjoni tal-bijodiversità tal-pjaneta
  • jippromwovu l-valuri komuni tagħna

Bi tħejjija għas-summit ta' Cornwall, ir-Renju Unit ospita vidjokonferenza tal-mexxejja tal-G7 fid-19 ta' Frar 2021. Fil-laqgħa, il-President Michel appella għal trattat globali dwar il-pandemiji u għal aċċess ekwu u affordabbli għall-vaċċini għal kulħadd.

Fi tmiem il-vidjokonferenza, il-mexxejja adottaw dikjarazzjoni konġunta.

Dwar is-summit tal-G7

Is-summit tal-G7 huwa forum li jaqdi rwol importanti fit-tfassil ta' rispons globali għal sfidi globali, u jikkumplimenta l-koordinazzjoni ekonomika globali mwettqa mill-G20.

Jiġbor flimkien mexxejja mill-UE u mill-pajjiżi li ġejjin:

  • Kanada
  • Franza
  • Ġermanja
  • Italja
  • Ġappun
  • Renju Unit
  • Stati Uniti

L-aħħar Summit tal-G7 sar f'Biarritz, Franza, fl-2019. Ma kien hemm l-ebda summit tal-G7 taħt il-presidenza tal-G7 tal-Istati Uniti fl-2020.

Il-mexxejja ilhom jiltaqgħu fil-konfigurazzjoni tal-G7 mill-2014, wara l-ksur tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa.

L-UE bħala membru tal-G7

Fl-1977, rappreżentanti ta' dik li kienet il-Komunità Ewropea bdew jipparteċipaw fis-summit ta' Londra. Fil-bidu, ir-rwol tal-UE kien limitat għal dawk l-oqsma fejn kellha kompetenzi esklużivi, iżda dan ir-rwol kiber maż-żmien.

L-UE ġiet gradwalment inkluża fid-diskussjonijiet politiċi kollha fuq l-aġenda tas-summit u, mis-summit ta' Ottawa (1981) 'il quddiem, ħadet sehem fis-sessjonijiet ta' ħidma kollha tas-summit.

L-UE għandha r-responsabbiltajiet kollha tas-sħubija. Il-komunikat tas-summit jorbot politikament lill-membri kollha tal-G7.

Ir-rotazzjoni tal-presidenza hija kif ġej: Il-Kanada fl-2018, Franza fl-2019, l-Istati Uniti fl-2020, ir-Renju Unit fl-2021, il-Ġermanja fl-2022, il-Ġappun fl-2023, u l-Italja fl-2024.

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 27 ta' Awwissu 2026