"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Summit Internazzjonali

Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti, Brussell, 15/06/2021, 15 ta' Ġunju 2021

Riżultati ewlenin

Is-summit bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-15 ta' Ġunju 2021 immarka l-bidu ta' sħubija transatlantika mġedda u ffissa aġenda konġunta għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-era ta' wara l-pandemija. Il-mexxejja ħadu l-impenn li jkollhom djalogu regolari biex iqisu l-progress.

Ir-riżultati tanġibbli ewlenin tas-summit jinkludu tliet inizjattivi kummerċjali ġodda ewlenin. Il-mexxejja qablu li:

  • joħolqu Qafas Kooperattiv għal Inġenji tal-Ajru Ċivili Kbar
  • ikollhom diskussjonijiet biex isolvu d-differenzi dwar miżuri rigward l-azzar u l-aluminju sa tmiem is-sena
  • iwaqqfu Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti

Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew, u Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentaw lill-UE. Il-President Joe Biden irrappreżenta lill-Istati Uniti. Dan kien l-ewwel summit bejn l-UE u l-Istati Uniti mill-2014 'l hawn u l-ewwel żjara minn President tal-Istati Uniti fl-istituzzjonijiet tal-UE mill-2017 'l hawn.

Fi tmiem is-summit, il-mexxejja adottaw stqarrija konġunta.

Flimkien, l-UE u l-Istati Uniti huma ankra għad-demokrazija, il-paċi u s-sigurtà madwar id-dinja

COVID-19, tħejjija fil-qasam tas-saħħa, irkupru globali sostenibbli

Irridu li l-COVID-19 tispiċċa fil-kotba tal-istorja, u hemm biss mod wieħed: il-kooperazzjoni internazzjonali. Irridu nwettqu dan, billi niżguraw li l-popolazzjoni tad-dinja jkollha aċċess għat-tilqim. Il-President Charles Michel

L-UE u l-Istati Uniti ħadu impenn li jkomplu jappoġġaw il-Faċilità COVAX u jħeġġu aktar donaturi jagħmlu żewġ biljun doża ta' tilqim disponibbli madwar id-dinja sa tmiem l-2021. Huma jaspiraw li jipprovdu biżżejjed dożi ta' tilqim biex ilaqqmu żewġ terzi tal-popolazzjoni tad-dinja sa tmiem l-2022.

Il-mexxejja enfasizzaw il-ħolqien ta' Task Force Konġunta bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-Manifattura u l-Katina tal-Provvista fil-ġlieda kontra l-COVID. L-għan tagħha huwa li tespandi l-kapaċità tal-produzzjoni tat-tilqim u t-terapiji billi:

  • tibni faċilitajiet ġodda ta' produzzjoni għat-tilqim u t-terapiji
  • iżomm ktajjen ta' provvista miftuħa u siguri
  • tevita kull restrizzjoni mhux meħtieġa fuq l-esportazzjoni
  • tħeġġeġ il-qsim volontarju tal-għarfien u t-teknoloġija

L-UE u l-Istati Uniti ser isaħħu l-kooperazzjoni fuq ir-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO). Il-mexxejja laqgħu l-idea li jevalwaw il-benefiċċji tal-iżvilupp ta' konvenzjoni, ftehim jew strument internazzjonali ieħor tad-WHO dwar it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji.

Li nieħdu tagħlima mill-COVID ifisser ukoll li nitgħallmu kif inħejju għal pandemiji u kriżijiet tas-saħħa futuri. Iddiskutejna trattat possibbli dwar il-pandemiji. Il-President Charles Michel

Il-mexxejja appellaw ukoll għal progress fuq studju tal-fażi 2 dwar l-oriġini tal-COVID-19 trasparenti, ibbażat fuq l-evidenza, immexxi minn esperti u organizzat mid-WHO li jkun ħieles mill-interferenza.

Il-mexxejja laqgħu d-diskussjonijiet tal-G7 dwar bini mill-ġdid aħjar għad-dinja, l-orjentazzjoni tal-għodod ta' finanzjament għall-iżvilupp lejn sfidi bħall-ħolqien ta' infrastruttura u teknoloġiji reżiljenti, u l-indirizzar tal-impatt tat-tibdil fil-klima.

L-UE u l-Istati Uniti biħsiebhom jimbuttaw b'mod konġunt irkupru globali sostenibbli u inklużiv, skont l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli. Huma ser ikomplu jipprovdu assistenza lill-pajjiżi fil-bżonn, jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet tad-dejn u jistimulaw riformi domestiċi u aktar investiment privat.

Il-mexxejja qablu li jistabbilixxu grupp ta' ħidma konġunt ta' esperti bejn l-UE u l-Istati Uniti biex jissokta l-ivvjaġġar sikur u sostenibbli mhux essenzjali bejn l-UE u l-Istati Uniti.

Huma laqgħu l-progress li sar fid-diskussjonijiet dwar stati membri addizzjonali tal-UE li jgawdu minn vjaġġar mingħajr viża lejn l-Istati Uniti, u qablu li jkomplu dan id-djalogu.

Stampa: Il-kontribuzzjoni tal-UE għas-solidarjetà globali dwar il-vaċċini kontra l-COVID-19.

COVID-19: il-kontribuzzjoni tal-UE għas-solidarjetà globali dwar il-vaċċini (Infografika)

Inħarsu l-pjaneta tagħna u nrawmu t-tkabbir ekoloġiku

L-UE u l-Istati Uniti huma ddedikati għall-Ftehim ta' Pariġi u l-implimentazzjoni effettiva u msaħħa tiegħu. Biex jipprovdu pjattaforma effettiva għall-kooperazzjoni f'dan ir-rigward, il-mexxejja ħadu impenn li jistabbilixxu Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Azzjoni għall-Klima bejn l-UE u l-Istati Uniti.

Biħsiebna nagħtu eżempju billi nsiru ekonomiji b'emissjonijiet ta' gassijiet serra żero netti mhux aktar tard mill-2050 u nimplimentaw il-miri mtejba rispettivi tagħna għall-2030 / Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali (NDCs). Aħna lesti li naħdmu mas-sħab internazzjonali tagħna biex niksbu riżultat ambizzjuż fis-26 Konferenza tal-Partijiet dwar it-Tibdil fil-Klima tan-NU (COP26), filwaqt li nagħmlu kull sforz possibbli biex inżommu l-limitu ta' 1.5 grad fuq it-temperatura dinjija. Stqarrija tas-summit bejn l-UE u l-Istati Uniti

Il-mexxejja impenjaw ruħhom li jżidu malajr it-teknoloġiji u l-politika li jkomplu jaċċelleraw it-tranżizzjoni lil hinn mill-kapaċità tal-faħam mhux imnaqqsa u lejn sistema tal-enerġija dekarbonizzata ferm fis-snin 2030, b'mod konsistenti mal-NDCs għall-2030 u l-impenn ta' żero emissjonijiet netti sal-2050 rispettivi tal-UE u tal-Istati Uniti.

Il-mexxejja ddeċidew li jżidu l-kooperazzjoni tagħhom fuq tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ċirkolari. Huma beħsiebhom jaħdmu għal Alleanza Transatlantika għat-Teknoloġija Ekoloġika li trawwem il-kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji ekoloġiċi, kif ukoll li tippromwovi swieq biex dawn it-teknoloġiji jiġu intensifikati.

L-UE u l-Istati Uniti huma determinati ħafna li jwaqqfu u jreġġgħu lura t-telf tal-bijodiversità sal-2030 u jieħdu azzjoni urġenti biex jindirizzaw il-muturi tagħha. Il-mexxejja impenjaw ruħhom għall-għan li jikkonservaw jew jipproteġu mill-inqas 30% tal-art dinjija u 30% tal-oċeani tad-dinja sal-2030. Huma jaqsmu l-għan li jippromwovu flimkien qafas dinji ta' suċċess u ambizzjuż għall-bijodiversità għal wara l-2020 fil-15-il Konferenza tal-Partijiet dwar il-Bijodiversità tan-NU (COP15). Barra minn hekk, il-mexxejja impenjaw ruħhom li jaħdmu flimkien biex iħarsu l-oċeani tad-dinja, fost l-oħrajn billi jiġġieldu kontra l-iskart fil-baħar.

It-tisħiħ tal-kummerċ, l-investiment u l-kooperazzjoni teknoloġika

L-UE u l-Istati Uniti tal-Amerka għandhom l-akbar relazzjoni ekonomika fid-dinja. Huma impenjati li jżidu r-relazzjoni kummerċjali u ta' investiment bilaterali tagħhom u li jħarsu u jirriformaw is-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli. Il-mexxejja qalu li beħsiebhom jużaw il-kummerċ biex jgħinu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, iħarsu l-ambjent, jippromwovu d-drittijiet tal-ħaddiema, jespandu ktajjen tal-provvista reżiljenti u sostenibbli u joħolqu xogħlijiet diċenti.

Iddeċidejna li ningħaqdu flimkien biex nipproteġu lin-negozji u l-ħaddiema tagħna minn prattiki kummerċjali inġusti, b'mod partikolari dawk li ġejjin minn ekonomiji mhux tas-suq li jdgħajfu s-sistema kummerċjali dinjija. Stqarrija tas-summit bejn l-UE u l-Istati Uniti

Sabiex tiġi pprovduta pjattaforma effettiva għall-kooperazzjoni, il-mexxejja waqqfu Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija (KKT) ta' livell għoli bejn l-UE u l-Istati Uniti. L-objettivi tal-KKT jinkludu:

  • it-tkabbir tar-relazzjoni bilaterali fil-kummerċ u l-investiment
  • l-evitar ta' ostakli tekniċi ġodda bla bżonn għall-kummerċ
  • it-tisħiħ tal-kooperazzjoni dinjija fit-teknoloġija, kwistjonijiet diġitali u l-ktajjen tal-provvista
  • kooperazzjoni fl-iżvilupp ta' standards kompatibbli u internazzjonali
  • il-faċilitazzjoni tal-politika regolatorja
  • il-promozzjoni tal-innovazzjoni u t-tmexxija minn kumpanniji tal-Istati Uniti u Ewropej

Fil-qafas tal-KKT, iż-żewġ sħab jimpenjaw ruħhom li jibnu sħubija bejn l-UE u l-Istati Uniti li tibbilanċja mill-ġdid il-ktajjen tal-provvista dinjija fis-semikondutturi, bil-ħsieb li tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista fl-UE u fl-Istati Uniti u tingħata spinta lill-kapaċità taż-żewġ sħab li jfasslu u jipproduċu l-aktar semikondutturi b'saħħithom u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

B'mod parallel mal-KKT, l-UE u l-Istati Uniti beħsiebhom jistabbilixxu Djalogu Konġunt bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni fil-qasam tat-Teknoloġija li jiffoka fuq approċċi għall-politika tal-kompetizzjoni u l-infurzar, u aktar kooperazzjoni fis-settur tat-teknoloġija.

Is-summit offra wkoll il-prospett li jissolva tilwim kummerċjali li ilu jeżisti.

  • Il-mexxejja laqgħu l-fatt li ntlaħaq Qbil dwar Qafas Kooperattiv għal Inġenji tal-Ajru Ċivili Kbar, li jirrifletti relazzjoni transatlantika ġdida f'dan il-qasam.
  • Il-mexxejja qablu wkoll li jkollhom diskussjonijiet biex isolvu differenzi eżistenti dwar miżuri rigward l-azzar u l-aluminju qabel tmiem is-sena

Barra minn hekk, l-UE u l-Istati Uniti huma determinati li jrawmu sistema internazzjonali tat-taxxa ġusta, sostenibbli u moderna u jikkooperaw biex jiksbu kunsens dinji sa nofs l-2021 dwar il-kwistjoni tat-tassazzjoni ta' kumpaniji multinazzjonali fi ħdan l-OECD.

Il-mexxejja qablu wkoll li jaħdmu b'mod kooperattiv fuq l-isforzi biex tinkiseb riforma sinifikanti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Dan jinvolvi li jimxi 'l quddiem it-tħaddim xieraq tal-funzjoni ta' negozjar u s-sistema ta' soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO, li ser jeħtieġu li jiġu indirizzati kwistjonijiet li ilhom jeżistu.

Disinn astratt b'elementi tal-bnadar tal-Istati Uniti u tal-UE u kontejners tal-merkanzija.

Kummerċ UE-Stati Uniti: fatti u ċifri (Infografika)

Bini ta' dinja aktar demokratika, paċifika u sigura

Flimkien, l-UE u l-Istati Uniti huma ankra għad-demokrazija, il-paċi u s-sigurtà madwar id-dinja. Huma magħqudin fix-xewqa tagħhom li jevitaw u jsolvu kunflitti b'mod paċifiku, jiddefendu l-istat tad-dritt u d-dritt internazzjonali, u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd, l-ekwità u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u l-għoti ta' setgħa lin-nisa u l-bniet. Iż-żewġ sħab beħsiebhom jappoġġaw id-demokrazija madwar id-dinja, fost l-oħrajn billi jiddefendu l-libertà tal-mezzi tax-xandir, javvanzaw internet ħieles u miftuħ, irawmu mġiba responsabbli fiċ-ċiberspazju u jindirizzaw id-diżinformazzjoni.

Il-mexxejja ddeċidew li jagħtu eżempju f'pajjiżhom, u li jissieħbu fis-Summit għad-Demokrazija, filwaqt li impenjaw ruħhom għal azzjonijiet konkreti biex jiddefendu d-drittijiet universali tal-bniedem, jevitaw ir-rigress demokratiku u jiġġieldu l-korruzzjoni.

L-UE u l-Istati Uniti beħsiebhom jikkonsultaw u jikkooperaw mill-qrib fuq il-firxa sħiħa ta' kwistjonijiet rigward iċ-Ċina, li jinkludu elementi ta' kooperazzjoni, kompetizzjoni, u rivalità sistemika. Beħsiebhom ikomplu jikkoordinaw fuq it-tħassib komuni tagħhom, inkluż il-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem f'Xinjiang u t-Tibet, l-erożjoni tal-awtonomija u l-proċessi demokratiċi f'Hong Kong, il-koerċizzjoni ekonomika, il-kampanji ta' diżinformazzjoni u kwistjonijiet ta' sigurtà reġjonali.

Għadna mħassbin serjament dwar is-sitwazzjoni fl-Ibħra tal-Lvant u tan-Nofsinhar taċ-Ċina u nopponu bil-qawwa kwalunkwe tentattiv unilaterali biex jinbidel l-istatus quo u jiżdiedu t-tensjonijiet. Nenfasizzaw l-importanza tal-paċi u l-istabbiltà fl-Istrett tat-Tajwan u nħeġġu r-riżoluzzjoni paċifika tal-kwistjonijiet bejn l-Istrett. Stqarrija tas-summit bejn l-UE u l-Istati Uniti

L-UE u l-Istati Uniti beħsiebhom ukoll jikkoordinaw fl-involviment kostruttiv tagħhom maċ-Ċina għal kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima u n-nonproliferazzjoni, u ċerti kwistjonijiet reġjonali.

L-UE u l-Istati Uniti huma magħquda fl-approċċ ta' prinċipju tagħhom għar-Russja. Huma lesti li jwieġbu b'mod deċiżiv għat-tendenza ripetuta tagħha ta' mġiba negattiva u attivitajiet ta' ħsara. Il-mexxejja qablu li jistabbilixxu djalogu ta' livell għoli bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar ir-Russja biex jikkoordina l-politika u l-azzjonijiet tagħna f'dan ir-rigward.

Il-mexxejja indirizzaw ukoll firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet ġeopolitiċi, ta' politika barranija u ta' sigurtà urġenti oħra ta' tħassib komuni.

Huma esprimew id-determinazzjoni tagħhom li jkomplu jappoġġaw is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tas-sħab tal-Lvant tal-UE, u li jappoġġaw it-triq ta' riforma tal-Ukrajna, il-Georgia u r-Repubblika tal-Moldova. Huma determinati li jaħdmu għall-paċi, ir-reżiljenza u l-istabbiltà dejjiema fil-Kawkasu tan-Nofsinhar.

L-UE u l-Istati Uniti jappoġġaw il-poplu tal-Belarussja u t-talbiet tagħhom għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija.

Irridu nżommu lir-reġim ta' Lukashenka responsabbli għall-attakki dejjem akbar tiegħu fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u talli pperikola s-sikurezza tal-avjazzjoni permezz tad-devjazzjoni furzata bla preċedent u inaċċettabbli ta' ajruplan tal-passiġġieri tal-UE bi pretensjonijiet foloz, u l-arrest sussegwenti ta' ġurnalist bħala parti minn attakk kontinwu fuq l-ilħna tal-oppożizzjoni u l-libertà tal-istampa. Stqarrija tas-summit bejn l-UE u l-Istati Uniti

Barra minn hekk, l-UE u l-Istati Uniti beħsiebhom ikomplu jsaħħu l-impenn konġunt tagħhom fil-Balkani tal-Punent, u determinati li jaħdmu id f'id biex inaqqsu t-tensjoni b'mod sostenibbli fil-Lvant tal-Mediterran, fejn id-differenzi għandhom jissolvew permezz ta' djalogu b'rieda tajba u skont il-liġi internazzjonali tal-baħar. L-UE u l-Istati Uniti għandhom ukoll l-għan li jistabbilixxu relazzjoni kooperattiva u ta' benefiċċju reċiproku ma' Turkija demokratika.

Il-mexxejja laqgħu l-waqfien mill-ġlied fil-kunflitt fil-Lvant Nofsani u esprimew it-tħassib serju tagħhom dwar is-sitwazzjoni politika, tad-drittijiet tal-bniedem, tas-sigurtà u dik umanitarja fl-Etjopja, is-Somalja u l-pajjiżi tas-Saħel, b'mod partikolari dwar il-polarizzazzjoni politika u etnika dejjem akbar fl-Etjopja li thedded is-sovranità u l-integrità territorjali tal-pajjiż. Il-mexxejja ddiskutew ukoll appoġġ speċifiku finanzjarju u għall-iżvilupp għall-pajjiżi Afrikani.

Huma ddiskutew ukoll is-sitwazzjonijiet fl-Indo-Paċifiku, il-Myanmar, l-Afganistan, l-Amerka Latina u l-Karibew, u b'mod partikolari l-Venezwela, u ddeċidew li jaħdmu flimkien biex iżommu l-Artiku bħala reġjun ta' paċi u stabbiltà.

Il-mexxejja enfasizzaw l-appoġġ tagħhom għall-isforzi u n-negozjati diplomatiċi li għaddejjin fi Vjenna bil-għan li jiffaċilitaw ir-ritorn tal-Istati Uniti għall-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK), kif ukoll l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-ftehim mill-Iran u l-Istati Uniti.

Fl-aħħar nett, il-mexxejja laqgħu l-istedina tal-UE lill-Istati Uniti biex jissieħbu fil-proġett ta' Mobbiltà Militari tal-PESCO bħala pass importanti lejn sħubija aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Uniti fis-sigurtà u d-difiża. Il-mexxejja impenjaw ruħhom li jaħdmu għal Arranġament Amministrattiv għall-Istati Uniti mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, u qablu li jaħdmu flimkien biex jgħollu l-livell tal-ambizzjoni tan-NATO u tal-UE biex isaħħu aktar din is-sħubija strateġika ewlenija li ssaħħaħ lil xulxin.

Kuntest

Fl-10 u l-11 ta' Diċembru 2020 il-Kunsill Ewropew kellu diskussjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti. Fil-konklużjonijiet tagħhom, il-mexxejja enfasizzaw l-importanza ta' sħubija tranżatlantika strateġika b'saħħitha bbażata fuq interessi komuni u valuri mħaddna mit-tnejn.

Fil-25 ta' Marzu 2021, il-President tal-Istati Uniti Joe Biden ingħaqad mal-mexxejja tal-UE waqt vidjokonferenza tal-membri tal-Kunsill Ewropew.

Fis-7 ta' Diċembru 2020, wara l-elezzjonijiet tal-Istati Uniti, il-Kunsill kellu diskussjoni fuq il-bażi ta' komunikazzjoni konġunta dwar kif tingħata ħajja ġdida lis-sħubija strateġika mal-Istati Uniti. F'dan il-kuntest il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti.

Fit-22 ta' Frar, il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu skambju ta' fehmiet, permezz ta' vidjokonferenza, mas-Segretarju tal-Istat il-ġdid tal-Istati Uniti Antony Blinken dwar l-aġenda sostantiva għall-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar kwistjonijiet ewlenin ta' politika globali, barranija u ta' sigurtà.

Fl-10 ta' Mejju, il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta l-prijoritajiet għall-ħidma mal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti, u qasam il-fehmiet tiegħu mal-Mibgħut Speċjali Presidenzjali tal-Istati Uniti dwar il-Klima John Kerry.

Fl-20 ta' Mejju l-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta r-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti u qasam il-fehmiet tiegħu informalment mar-Rappreżentant tal-Kummerċ tal-Istati Uniti Katherine Tai.

L-aħħar summit bejn il-mexxejja tal-UE u tal-Istati Uniti sar fi Brussell fil-25 ta' Mejju 2017. Dan laqqa' flimkien lill-President preċedenti tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, u l-President preċedenti tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, u l-45 President tal-Istati Uniti, Donald Trump.

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025