"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Summit Internazzjonali

Summit UE-Balkani tal-Punent, Brdo pri Kranju, is-Slovenja, 6 ta' Ottubru 2021

Riżultati ewlenin

Is-summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, ospitat f'Brdo pri Kranju mill-Presidenza Slovena tal-Kunsill, laqqa' flimkien mexxejja minn:

  • stati membri tal-UE
  • is-sitt sħab tal-Balkani tal-Punent: l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, is-Serbja, il-Montenegro, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq u l-Kosovo*

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, ippresieda s-summit. Il-President Michel u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, irrappreżentaw lill-UE.

Fis-summit, il-mexxejja tal-UE adottaw dikjarazzjoni, li l-mexxejja tal-Balkani tal-Punent allinjaw ruħhom magħha.

Id-dikjarazzjoni tafferma mill-ġdid l-appoġġ inekwivoku tal-UE għall-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent. Hija tiddefinixxi inizjattivi li jappoġġaw il-konnettività u t-tranżizzjoni ekoloġika kif ukoll dik diġitali fir-reġjun, u impenji fil-qasam tal-kooperazzjoni politika u ta' sigurtà.

Id-dikjarazzjoni tirreferi wkoll għal firxa ta' azzjonijiet konkreti ta' benefiċċju għall-Balkani tal-Punent, inkluż:

  • il-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment (EIP) ta' €30 biljun
  • l-impenn li tingħata spinta lir-rati tat-tilqim kontra l-COVID-19
  • it-triq lejn tnaqqis fit-tariffi tar-roaming
  • Aġenda ta' Innovazzjoni għall-Balkani tal-Punent
  • Korsiji Ħodor u Pjanijiet ta' Azzjoni tal-Komunità tat-Trasport
Kummenti mill-President Michel dwar l-appoġġ tal-UE u r-riformi meħtieġa fil-konferenza stampa wara s-summit

Perspettiva Ewropea

Il-mexxeja affermaw mill-ġdid l-appoġġ inekwivoku tagħhom għall-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent, li hija ta' interess strateġiku reċiproku u tibqa' għażla strateġika kondiviża.

L-UE kkonfermat mill-ġdid l-impenn tagħha għall-proċess tat-tkabbir u d-deċiżjonijiet rilevanti meħuda, ibbażati fuq riformi kredibbli mis-sħab, kondizzjonalità ġusta u rigoruża u l-prinċipju tal-merti proprji.

Il-mexxejja tal-UE fakkru wkoll fl-importanza li l-UE tkun tista' żżomm u tapprofondixxi l-iżvilupp tagħha stess, filwaqt li tiżgura l-kapaċità tagħha li tintegra membri ġodda.

Is-sħab tal-Balkani tal-Punent tennew id-dedikazzjoni tagħhom għall-valuri u l-prinċipji Ewropej u għat-twettiq tar-riformi meħtieġa fl-interess tal-popli tagħhom.

Rispons għall-COVID-19

Il-mexxejja fakkru li permezz tas-sħubija mill-qrib u effettiva tagħhom mal-UE, il-Balkani tal-Punent kienu involuti mill-qrib f'għadd ta' inizjattivi tal-UE biex tiġi miġġielda l-pandemija.

Il-mexxejja tal-UE ntrabtu li jkomplu jtejbu l-aċċess tas-sħab għat-tilqim, id-dijanjostika u t-terapiji. Huma wiegħdu li jgħinu lis-sħab kollha tal-Balkani tal-Punent biex sa tmiem l-2021 jilħqu rati ta' tilqim simili għall-medja tal-UE.

Qabel is-summit, l-UE u l-istati membri tagħha kienu diġà pprovdew 2.9 miljun doża ta' tilqim lir-reġjun, minbarra appoġġ għas-saħħa u appoġġ soċjoekonomiku għal total bla preċedent ta' €3.3 biljun.

Ir-rispons tal-UE għall-pandemija tal-coronavirus fil-Balkani tal-Punent: l-UE mmobilizzat aktar minn €3.3 biljun euro f'appoġġ lill-Balkani tal-Punent biex jittrattaw il-pandemija tal-COVID-19.

COVID-19: appoġġ ta' aktar minn €3.3 biljun għall-Balkani tal-Punent (Infografika)

Pjan Ekonomiku u ta' Investiment (EIP) ta' €30 biljun

L-UE hija s-sieħeb politiku, ekonomiku u kummerċjali ewlieni tal-Balkani tal-Punent. Permezz tal-EIP, l-UE issa qed tipprovdi appoġġ finanzjarju mingħajr preċedent li jimmobilizza madwar €30 biljun għar-reġjun matul is-seba' snin li ġejjin.

L-UE ser tipprovdi finanzjament permezz ta' għotjiet ta' €9 biljun permezz ta' 10 inizjattivi ewlenin ta' investiment. B'dan il-mod l-EIP għandu l-għan li:

  • jixpruna l-irkupru ekonomiku fit-tul
  • jaċċelera tranżizzjoni ekoloġika u diġitali
  • jappoġġa l-kooperazzjoni reġjonali
  • irawwem il-konverġenza mal-UE

L-EIP ser jgħin ukoll biex jattira investimenti pubbliċi u privati, appoġġati mill-Faċilità ta' Garanzija għall-Balkani tal-Punent, li għandhom il-potenzjal li jimmobilizzaw €20 biljun.

Responsabbiltà kondiviża

L-investimenti tal-EIP huma maħsuba biex ikunu mutur għal bidla pożittiva għall-Balkani tal-Punent. Madankollu, dan ser ikun sostenibbli biss bi sforz konġunt min-naħat kollha.

L-appoġġ tal-UE huwa għalhekk marbut ma' progress tanġibbli dwar l-istat tad-dritt, ir-riformi soċjoekonomiċi u l-osservanza tal-valuri, ir-regoli u l-istandards Ewropej.

Konnettività, integrazzjoni, tranżizzjoni ekoloġika u tranżizzjoni diġitali

L-EIP ser ikun ikkomplementat minn firxa ta' inizjattivi ġodda li jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġiċi u dik diġitali, l-integrazzjoni reġjonali, u l-konnettività kif ukoll l-irkupru soċjali u ekonomiku.

Il-mexxejja laqgħu l-qbil dwar il-pjan ta' azzjoni għall-Aġenda Ekoloġika, li ser ikun mutur ewlieni għat-tranżizzjoni lejn ekonomiji moderni, b'impatt newtrali fuq l-emissjonijiet ta' karbonju, reżiljenti għall-klima u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

L-UE ser tkompli tappoġġa l-kooperazzjoni reġjonali inklużiva.

Il-mexxejja qablu li jżidu l-isforzi biex tissaħħaħ l-integrazzjoni tas-suq tal-Balkani tal-Punent mas-Suq Uniku tal-UE, inkluż is-SEPA (żona unika ta' pagamenti bl-euro).

Huma laqgħu l-pjan direzzjonali għar-roaming, li ser iwitti t-triq għal tariffi aktar baxxi tar-roaming bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, ibbażat fuq ir-reġim tar-roaming b'xejn applikabbli fir-reġjun mill-1 ta' Lulju.

Il-mexxejja laqgħu wkoll il-kunċett ta' Korsiji Ħodor bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent biex jitnaqqsu l-ħinijiet ta' stennija fil-fruntieri, u l-Pjanijiet ta' Azzjoni tal-Komunità tat-Trasport approvati reċentement għal trasport intelliġenti u konnettività sostenibbli.

Huma nedew ukoll Aġenda ta' Innovazzjoni għall-Balkani tal-Punent biex jippromwovu l-eċċellenza u l-opportunitajiet fl-oqsma tal-innovazzjoni, ir-riċerka, l-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u l-isport.

Kooperazzjoni politika u ta' sigurtà

Il-mexxejja tal-UE nnutaw li l-għażla li jkunu spalla ma' spalla mal-UE hija sinjal ċar tal-orjentazzjoni strateġika tas-sħab tal-Balkani tal-Punent. Dan għandu jkun rifless b'allinjament sħiħ mal-pożizzjonijiet tal-UE fil-politika barranija.

Intennu l-aspettattiva tagħna li s-sħab ser ikomplu japprofondixxu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK), iwettqu progress tanġibbli u sostenibbli lejn allinjament sħiħ mal-pożizzjonijiet tal-UE fil-politika barranija u jaġixxu skont dan, inkluż fil-fora internazzjonali, bħala parti importanti tal-mixja tagħhom lejn l-Ewropa. Id-dikjarazzjoni ta' Brdo

Hekk kif l-UE u l-Balkani tal-Punent qed jiffaċċjaw bosta sfidi komuni għas-sigurtà, il-mexxejja qablu li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom dwar:

  • kontribut għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tas-sigurtà tal-UE
  • indirizzar tad-diżinformazzjoni u ta' theddid ibridu ieħor
  • it-tisħiħ taċ-ċibersigurtà u d-diplomazija diġitali
  • il-ġlieda kontra t-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni u l-kriminalità organizzata
  • il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u t-traffikar tal-bnedmin u tad-drogi
  • rispons għall-iżviluppi fl-Afganistan

L-UE indikat ukoll li hija lesta ssaħħaħ l-appoġġ tagħha lis-sħab tal-Balkani tal-Punent fl-indirizzar tal-isfidi tal-migrazzjoni. Il-konċentrazzjoni għandha tkun fuq it-titjib tas-sistemi tal-ażil, il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti u kontra l-migrazzjoni illegali, il-proċessi tar-ritorn, il-ġestjoni tal-fruntieri, l-iskambju ta' informazzjoni, u l-kapaċità tal-akkoljenza.

Summits regolari

Biex jirriflettu l-importanza tar-relazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, il-mexxejja ddeċidew li jibdew isiru summits regolarment bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, bis-summit li jmiss ippjanat għall-2022.

Kunsill Ewropew Informali

Fil-5 ta' Ottubru, lejlet is-summit, il-President Michel stieden lill-mexxejja tal-UE biex jiddiskutu r-rwol tal-UE fid-dinja. Huma fakkru li l-UE hija sostenitriċi determinata tal-multilateraliżmu u difensura ta' ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli. Id-diskussjoni kienet dwar is-suġġetti li ġejjin:

  • il-ħidma ma' alleati u sħab tal-istess fehma, b'mod partikolari l-Istati Uniti u n-NATO
  • it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-UE billi jitnaqqsu d-dipendenzi kritiċi tagħha
  • iż-żieda fil-kapaċità tal-UE li taġixxi awtonomament bħala qawwa ekonomika, kif ukoll fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża
  • it-tiftix tal-interessi proprji tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward taċ-Ċina, meqjusa bħala kompetitur, sieħeb u rivali sistemiku
Pjan Ekonomiku u ta' Investiment tal-UE: appoġġ bla preċedent għall-Balkani tal-Punent

Pjan Ekonomiku u ta' Investiment tal-UE: appoġġ bla preċedent għall-Balkani tal-Punent (Infografika)

Informazzjoni ġenerali

Is-summit kien parti mill-implimentazzjoni tal-Aġenda Strateġika 2019-2024 tal-Kunsill Ewropew.

Relazzjonijiet UE-Balkani tal-Punent

Relazzjonijiet tal-UE ma' sħab individwali tal-Balkani tal-Punent

(l-infografika kollha prodotta mill-Kummissjoni Ewropea)

Summits preċedenti

L-aħħar summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, fl-2020, sar f'format virtwali minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Dan kien ospitat mill-Presidenza Kroata tal-Kunsill.

Is-summit fiżiku preċedenti bejn il-mexxejja tal-UE u tal-Balkani tal-Punent ġie ospitat f'Sofija fl-2018 mill-Presidenza Bulgara tal-Kunsill.

* Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 27 ta' Awwissu 2026