- Summit Internazzjonali
Summit UE-Kanada, Brussell, 14 ta' Ġunju 2021, 14 ta' Ġunju 2021
Riżultati ewlenin
It-18-il summit UE-Kanada sar fi Brussell fl-14 ta' Ġunju 2021. Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew, u Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentaw lill-UE. Il-Kanada kienet irrappreżentata mill-Prim Ministru Justin Trudeau.
Il-mexxejja ddiskutew kif għandhom jaħdmu flimkien biex itemmu l-pandemija tal-COVID-19 u jkollhom irkupru sostenibbli, iffukat fuq il-persuni u inklużiv. Huma affermaw mill-ġdid l-impenji ambizzjużi tagħhom dwar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-ambjent, u d-determinazzjoni tagħhom li jippromwovu l-valuri demokratiċi, il-paċi u s-sigurtà.
Huma nedew ukoll djalogu ġdid bejn il-Kanada u l-UE dwar is-saħħa, Forum ta' Sħubija dwar l-Oċeani u Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Kanada dwar il-Materja Prima.
Wara s-summit il-mexxejja ħarġu stqarrija konġunta.
- Stqarrija konġunta UE-Kanada, 15 ta' Ġunju 2021
- Kummenti mill-President Charles Michel wara t-18-il summit UE-Kanada
"Li negħlbu l-COVID-19 tibqa' l-prijorità ewlenija tagħna. L-UE hija l-akbar esportatriċi tal-vaċċini — esportajna madwar nofs il-vaċċini li pproduċejna. Appoġġajna l-kampanja ta' tilqim tal-Kanada billi ttrasportajna madwar 16-il miljun doża lejn il-Kanada. Dan jirrappreżenta 60% tal-vaċċini kollha li rċeviet il-Kanada." Il-President Charles Michel
It-tmiem tal-pandemija tal-COVID-19 u l-ixprunar ta' rkupru globali sostenibbli
Il-mexxejja impenjaw ruħhom li jżidu l-isforzi multilaterali biex jgħinu jiżguraw aċċess universali, ekwu u affordabbli għat-tilqim kontra l-COVID-19 u d-dijanjostika u t-trattamenti tagħha permezz tal-Aċċelleratur tal-Aċċess għall-Għodod kontra l-COVID-19. Huma laqgħu l-impenn tal-G7 li jaqsam mill-inqas 870 miljun doża ta' tilqim direttament matul is-sena d-dieħla, immirati lejn dawk l-aktar fil-bżonn.
- Is-solidarjetà internazzjonali tal-UE matul il-pandemija tal-COVID-19 (informazzjoni ġenerali)
- Summit tal-G7, Cornwall, ir-Renju Unit, 11-13 ta' Ġunju 2021
Il-mexxejja laqgħu wkoll iż-żieda fil-kapaċitajiet tal-manifattura sabiex tiżdied u tiġi diversifikata l-provvista tat-tilqim kontra l-COVID-19 filwaqt li jinżammu ktajjen ta' provvista miftuħa u siguri.
L-UE u l-Kanada ser jikkoordinaw l-isforzi biex isaħħu l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-arkitettura globali tas-sigurtà tas-saħħa b'mod ġenerali biex ikunu mħejjija aħjar għal pandemiji futuri.
"Nilqa' l-appoġġ tal-Prim Ministru Trudeau għal trattat internazzjonali dwar il-pandemiji fil-qafas tad-WHO." Il-President Charles Michel
Biex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bilaterali dwar it-tħejjija għall-pandemiji, il-mexxejja nedew djalogu ġdid bejn il-Kanada u l-UE dwar is-saħħa skont il-ftehim ta' sħubija strateġika (SPA) bejn l-UE u l-Kanada.
Il-mexxejja qablu li jidderieġu l-irkupru globali lejn ekonomiji ekoloġiċi, innovattivi, inklużivi u reżiljenti u l-ħolqien ta' impjiegi deċenti. Għan komuni ieħor huwa li l-ktajjen tal-provvista globali jsiru aktar reżiljenti u sostenibbli.
Barra minn hekk, il-mexxejja ser ifittxu soluzzjoni bbażata fuq il-kunsens fir-rigward ta' riforma tal-arkitettura internazzjonali tat-taxxa sa nofs l-2021 fi ħdan l-OECD, f'konformità mal-impenji G7/G20.
Huma qablu wkoll li jerġa' jibda l-ivvjaġġar bejn l-UE u l-Kanada hekk kif dan ikun jista' jsir b'mod sikur.
COVID-19: il-kontribuzzjoni tal-UE għas-solidarjetà globali dwar il-vaċċini (Infografika)
Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-ambjent
Filwaqt li rrikonoxxew l-urġenza u n-natura interkonnessa tal-isfidi li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità, il-mexxejja enfasizzaw il-ħtieġa li tiżdied l-azzjoni globali u li jkun hemm reazzjonijiet aktar koordinati.
L-UE u l-Kanada huma determinati li jilħqu l-aktar eżitu ambizzjuż possibbli fis-26 Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP26) li jmiss biex id-dinja tibqa' fit-triq it-tajba biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi.
Bil-għan li jmexxu bl-eżempju billi jsiru ekonomiji newtrali għall-klima sal-2050, l-UE u l-Kanada ser jimplimentaw bis-sħiħ u malajr il-miri mtejba tagħhom għat-tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2030/il-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali (NDCs).
Iż-żewġ naħat ser isaħħu l-kollaborazzjoni tagħhom dwar il-promozzjoni ta' miżuri u teknoloġiji biex jappoġġaw tranżizzjoni enerġetika ġusta. Huma jibqgħu impenjati li jżidu l-isforzi biex jintlaħaq l-għan ta' finanzjament għall-klima ta'$100 biljun fis-sena sal-2025, u li jżidu l-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom għall-azzjoni ta' adattament għat-tibdil fil-klima.
Il-mexxejja qablu li jippruvaw jiksbu l-adozzjoni ta' qafas globali ambizzjuż għall-konservazzjoni, il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità fil-Konferenza tan-NU dwar il-Bijodiversità (COP 15) u eżiti ambizzjużi fis-Summit tan-NU dwar is-Sistemi tal-Ikel, bil-ħsieb li titmexxa trasformazzjoni globali lejn sistemi tal-ikel sostenibbli.
L-UE u l-Kanada ser iżidu l-kooperazzjoni u l-azzjoni multilaterali dwar l-ekonomija ċirkolari, l-użu effiċjenti tar-riżorsi naturali u l-ġestjoni tajba tas-sustanzi kimiċi u l-iskart. Huma ser jaħdmu wkoll lejn trattat globali ġdid dwar il-plastik, inkluż biex jiġi miġġieled it-tniġġis mill-plastik fl-oċeani. F'dan il-kuntest, il-mexxejja nedew Forum ta' Sħubija dwar l-Oċeani skont id-Dikjarazzjoni tas-Sħubija bejn l-UE u l-Kanada dwar l-Oċeani.
L-isfruttar tal-potenzjal tal-kummerċ, tat-teknoloġija u tal-innovazzjoni
Il-mexxejja affermaw mill-ġdid l-appoġġ qawwi tagħhom għas-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli u r-rwol indispensabbli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Huma qablu li jaħdmu flimkien biex isaħħu u jimmodernizzaw id-WTO, inkluż permezz ta' kooperazzjoni mill-qrib fil-Grupp ta' Ottawa ta' pajjiżi tal-istess fehma.
Huma laqgħu r-riżultati pożittivi miksuba mill-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) u jibqgħu impenjati bis-sħiħ biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tiegħu.
"Din is-sena niċċelebraw il-ħames anniversarju mill-iffirmar tas-CETA. Dan il-ftehim huwa tajjeb għaċ-ċittadini tagħna, għan-negozji tagħna u għall-irkupru ekonomiku tagħna." Il-President Charles Michel
Biex jiġu diversifikati s-sorsi ta' inputs importanti tal-ekonomija ekoloġika u diġitali lil hinn minn produtturi li mhumiex daqshekk l-istess fehma, u biex jitrawmu ktajjen tal-provvista kompetittivi bejn l-UE u l-Kanada, il-mexxejja stabbilew Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Kanada dwar il-Materja Prima.
L-UE u l-Kanada ser japprofondixxu l-kooperazzjoni diġitali permezz tad-Djalogu Diġitali bejn il-Kanada u l-UE u s-Sħubija Globali dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (GPAI), filwaqt li jisfruttaw l-għodod diġitali biex jippromwovu rkupru sostenibbli wara l-COVID-19. Sabiex jiġi żgurat li l-Internet jibqa' ħieles, sigur u miftuħ, l-UE u l-Kanada jappoġġaw b'mod konġunt l-istandards globali u l-approċċi regolatorji għall-kummerċ u t-teknoloġiji diġitali.
Il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ naħat ser tissaħħaħ ukoll f'oqsma ewlenin oħra, inkluż il-programm ta' riċerka Orizzont Ewropa, l-edukazzjoni għolja, l-idroġenu, l-intelliġenza artifiċjali, it-teknoloġija kwantistika u l-ispazju.
Kummerċ bejn l-UE u l-Kanada: fatti u ċifri (Infografika)
Il-promozzjoni tal-valuri demokratiċi, il-paċi u s-sigurtà
L-UE u l-Kanada ser ikomplu jikkooperaw mill-qrib dwar il-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali u l-valuri komuni tagħhom, inkluż id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-libertà tal-media, id-demokrazija liberali, l-istat tad-dritt u l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli.
Huma ser jaħdmu flimkien mill-qrib biex jindirizzaw tħassib u sfidi komuni ffaċċati fir-relazzjonijiet maċ-Ċina u r-Russja, u jiddiskutu l-ittrattar ma' dawn il-pajjiżi fejn dan ikun possibbli u fl-interessi rispettivi tal-UE u l-Kanada.
Il-mexxejja laqgħu bi pjaċir l-istedina li rċeviet il-Kanada biex tipparteċipa fil-proġett tal-PESCO għall-Mobbiltà Militari. Flimkien mal-Istati Uniti u n-Norveġja, il-Kanada ser tkun fost l-ewwel pajjiżi li mhumiex fl-UE li ser jipparteċipaw fil-proġett, u tirrappreżenta pass importanti ieħor lejn sħubija aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Kanada fis-sigurtà u d-difiża.
Il-mexxejja affermaw mill-ġdid l-appoġġ tagħhom għall-integrità territorjali tal-Ukrajna u għall-appelli tal-poplu Belarussu għal Belarussja demokratika u ġusta. Huma ddeċidew ukoll li japprofondixxu aktar il-kooperazzjoni u d-djalogu dwar kwistjonijiet reġjonali ewlenin, inkluż fir-rigward tal-Lvant Nofsani, il-Mediterran tal-Lvant, l-Indo-Paċifiku, il-Myanmar, l-Iran/PAKK, l-Afrika (b'mod partikolari r-reġjun tas-Saħel) u l-Venezwela.
Fl-aħħar nett, il-mexxejja affermaw mill-ġdid id-determinazzjoni tagħhom li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom dwar kwistjonijiet relatati mal-Artiku, u li jikkonkludu Ftehim ġdid bejn l-UE u l-Kanada dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mill-aktar fis possibbli.
Informazzjoni ġenerali
Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kanada huma msejsa fuq Ftehim ta' Sħubija Strateġika (SPA) u Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA). Filwaqt li ilhom applikati provviżorjament minn April 2017, dawn il-ftehimiet taw spinta kbira lill-ekonomiji taż-żewġ naħat u wasslu għal sħubija dejjem eqreb bejn l-UE u l-Kanada.
Il-laqgħa preċedenti bejn il-mexxejja tal-UE u tal-Kanada saret fid-29 ta' Ottubru 2020 permezz ta' vidjokonferenza.
Is-summit UE-Kanada preċedenti sar f'Montreal, il-Kanada, fis-17 u t-18 ta' Lulju 2019.
Dokumenti tal-laqgħat
Dokumenti ta' tħejjija
Stqarrijiet għall-istampa
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Symeon Piperidis Press officer
- +32 478 83 12 21
- +32 2 281 84 72
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali
Laqgħat li seħħew
L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025