Skip to content
  • Summit Internazzjonali

Summit tal-G20, Ruma, l-Italja, 30 u 31 ta' Ottubru 2021

Riżultati ewlenin

Fit-30 u l-31 ta' Ottubru 2021, il-mexxejja tal-G20 iltaqgħu għal summit ta' jumejn ospitat mill-Presidenza Taljana tal-G20 f'Ruma.

Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew, u Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentaw lill-UE.

Fi tmiem il-laqgħa, il-mexxejja tal-G20 adottaw dikjarazzjoni tal-mexxejja tal-G20.

Fis-summit, il-mexxejja tal-G20 qablu li:

  • iżommu l-mira li t-tisħin globali jiġi limitat għal 1.5 gradi meta mqabbel mal-livelli preindustrijali li jistgħu jintlaħqu
  • jaċċelleraw l-azzjonijiet tagħhom lejn il-kisba ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra żero netti globali jew newtralità karbonika sa jew madwar nofs is-seklu
  • jaffermaw mill-ġdid l-impenn tal-pajjiżi żviluppati għall-finanzjament għall-klima biex b'mod konġunt jimmobilizzaw $100 biljun fis-sena, u jilqgħu impenji ġodda minn xi membri tal-G20
  • jimplimentaw ir-regoli l-ġodda għal sistema tat-taxxa internazzjonali aktar ġusta u stabbli, inkluż taxxa korporattiva minima globali ta' 15%, sal-2023
  • javvanzaw l-isforzi biex jiġi żgurat aċċess aħjar u aktar f'waqtu għall-vaċċini tal-COVID-19 f'pajjiżi b'introjtu baxx u medju
  • jistabbilixxu Task Force Konġunta tal-G20 dwar il-Finanzi u s-Saħħa biex jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji
Ritratt tal-grupp tas-summit tal-G20 fiċ-ċentru tal-konferenzi
Il-ħaddiema tal-ewwel linja tal-COVID-19 ġew mistiedna jingħaqdu mal-mexxejja tal-G20 għal ritratt tal-grupp tas-summit

Irkupru ekonomiku

Il-mexxejja nnutaw li l-ekonomija globali rkuprat b'pass sod fl-2021, bis-saħħa tal-organizzazzjoni tad-distribuzzjoni tal-vaċċini u l-appoġġ kontinwu ta' politika. Madankollu, l-irkupru varja ħafna bejn u fi ħdan il-pajjiżi.

Din hija r-raġuni għaliex il-G20 jibqa' determinat li juża l-għodod kollha disponibbli sakemm ikun meħtieġ biex jindirizza l-konsegwenzi negattivi tal-pandemija, b'mod partikolari fuq dawk l-aktar milquta, bħan-nisa, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema informali u b'livell baxx ta' ħiliet, u fuq l-inugwaljanza.

"Aħna ser inkomplu nsostnu l-irkupru, nevitaw kwalunkwe rtirar prematur tal-miżuri ta' appoġġ, filwaqt li nippreservaw l-istabbiltà finanzjarja u s-sostenibbiltà fiskali fit-tul u nissalvagwardjaw kontra riskji ta' telf ta' valur u riperkussjonijiet negattivi." Dikjarazzjoni tal-mexxejja tal-G20

Il-G20 ser jibqa' viġilanti wkoll għal sfidi ekonomiċi globali bħall-interruzzjoni fil-ktajjen tal-provvista.

COVID-19

Biex jiġu indirizzati l-lakuni persistenti fit-tilqim, il-mexxejja tal-G20 impenjaw ruħhom li jżidu b'mod sostanzjali l-forniment ta' u l-aċċess għal vaċċini, prodotti terapewtiċi u dijanjostika, b'attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet tal-pajjiżi bi dħul baxx u medju.

Dan għandu jippermetti biex isir progress lejn l-għan tat-tilqim ta' mill-inqas 40% tal-popolazzjoni fil-pajjiżi kollha sal-aħħar tal-2021 u 70% sa nofs l-2022, kif rakkomandat mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

L-iżgurar ta' distribuzzjoni rapida u ekwa tat-tilqim madwar id-dinja ser jinvolvi t-tisħiħ tal-ktajjen tal-provvista, l-espansjoni u d-diversifikazzjoni tal-kapaċità tal-manifattura, il-promozzjoni tal-aċċettazzjoni tat-tilqim u l-fiduċja fih, u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni.

Il-mexxejja tal-G20 affermaw mill-ġdid ukoll l-impenn tagħhom għad-Dikjarazzjoni ta' Ruma, adottata fis-Summit Globali dwar is-Saħħa f'Mejju, bħala "boxxla għal azzjoni kollettiva".

Prevenzjoni, tħejjija u rispons għall-pandemiji (PPR)

Bil-għan li jiġi pprovdut finanzjament adegwat, sostenibbli u kkoordinat aħjar tal-PPR għall-pandemiji, il-mexxejja tal-G20 stabbilixxew Task Force Konġunta tal-G20 dwar il-Finanzi u s-Saħħa.

Sa kmieni fl-2022, it-task force ser tagħmel arranġamenti għall-istabbiliment ta' faċilità finanzjarja, li għandha tiġi kkoordinata mid-WHO, biex jittejjeb il-finanzjament globali għall-PPR għall-pandemiji.

Il-ħolqien tat-task force ġie propost mill-ministri għas-saħħa u l-finanzi tal-G20 lejlet is-summit.

Grafika: 10 inċentivi jew benefiċċji ta' trattat internazzjonali dwar il-pandemiji
10 inċentivi u benefiċċji ta' trattat internazzjonali dwar il-pandemiji (Infografika)

10 inċentivi u benefiċċji ta' trattat internazzjonali dwar il-pandemiji (Infografika)

Il-mexxejja nnutaw ukoll li t-tisħiħ tal-PPR għall-pandemiji jista' jinvolvi strument jew ftehim internazzjonali fil-kuntest tad-WHO.

Qabel is-summit, il-President Michel enfasizza l-benefiċċji ta' trattat internazzjonali dwar il-pandemiji.

"Il-prinċipju ta' trattat internazzjonali dwar il-pandemiji li jkollu l-għeruq fil-kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ser ikun is-suġġett ta' Assemblea Dinjija tas-Saħħa speċjali f'Novembru. Aħna nemmnu li trattat bħal dan ser ikun l-aħjar strument biex jitjieb l-istat ta' tħejjija u ta' rispons għall-pandemiji globali." Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew

Klima u enerġija

Il-mexxejja tal-G20 wiegħdu li jaħdmu kollettivament biex jiżguraw konferenza tan-NU dwar il-klima (COP26) ta' suċċess, li bdiet fi Glasgow, ir-Renju Unit, immedjatament wara s-summit tal-G20.

Huma affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Ftehim ta' Pariġi.

Il-mexxejja tal-G20 innutaw li biex jinżamm l-għan li t-tisħin globali jiġi limitat għal 1.5 gradi meta mqabbel mal-livelli preindustrijali li jistgħu jintlaħqu ser jeħtieġ azzjoni u impenn sinifikanti u effettivi mill-pajjiżi kollha, b'kont meħud ta' approċċi differenti.

Il-G20 ser jaċċellera l-azzjonijiet tiegħu fl-oqsma tal-mitigazzjoni, l-adattament u l-finanzjament, filwaqt li jirrikonoxxi r-rilevanza ewlenija li jinkisbu emissjonijiet globali ta' gassijiet serrażero netti jew in-newtralità karbonika sa jew madwar nofs is-seklu.

Il-mexxejja impenjaw ruħhom ukoll li jieħdu azzjoni ulterjuri dan id-deċennju u li jifformulaw, jimplimentaw, jaġġornaw u, fejn meħtieġ, itejbu l-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) tagħhom sal-2030.

L-infografika tispjega kif l-UE twettaq il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima.
Il-Ftehim ta' Pariġi: it-triq tal-UE lejn in-newtralità klimatika (Infografika)

Il-Ftehim ta' Pariġi: it-triq tal-UE lejn in-newtralità klimatika (Infografika)

Il-mexxejja fakkru u affermaw mill-ġdid l-impenn ta' finanzjament għall-klima li sar mill-pajjiżi żviluppati biex b'mod konġunt jimmobilizzaw $100 biljun fis-sena sal-2020 u sal-2025 biex jappoġġaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra u jimmitigaw u jadattaw għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima.

Huma laqgħu wkoll l-impenji l-ġodda li saru minn xi membri tal-G20 biex iżidu u itejbu l-kontribuzzjonijiet pubbliċi globali tagħhom għall-finanzjament għall-klima sal-2025; huma jistennew ukoll bil-ħerqa impenji ġodda minn membri oħrajn.

Il-mexxejja affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom tal-2009 li jneħħu gradwalment u jirrazzjonalizzaw, fuq terminu medju, sussidji ineffiċjenti fuq il-fjuwils fossili li jinkoraġġixxu l-konsum ħali.

Huma impenjaw ruħhom li jwaqqfu l-finanzjament pubbliku internazzjonali għal faħam mingħajr qbid u ħżin tad-diossidu tal-karbonju barra mill-pajjiż sa tmiem l-2021.

Il-mexxejja tal-G20 enfasizzaw l-impenn tagħhom li jżommu s-sigurtà tal-enerġija, filwaqt li jindirizzaw it-tibdil fil-klima, u li jiggarantixxu tranżizzjonijiet tas-sistema tal-enerġija li jżommu l-enerġija affordabbli għall-unitajiet domestiċi u n-negozji l-aktar vulnerabbli.

Huma enfasizzaw ukoll l-importanza li jinżammu flussi mhux imfixkla ta' enerġija minn diversi sorsi, fornituri u rotot, u li jiġu promossi swieq internazzjonali tal-enerġija miftuħa, kompetittivi u ħielsa.

Bijodiversità u ambjent

Il-mexxejja tal-G20 impenjaw ruħhom li jsaħħu l-azzjonijiet biex jitwaqqaf u jitreġġa' lura t-telfien tal-bijodiversità sal-2030.

Huma ser jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li mill-inqas 30% tal-art globali u mill-inqas 30% tal-oċeani u l-ibħra globali jiġu kkonservati jew protetti sal-2030, u ser jgħinu lill-membri jagħmlu progress lejn dan l-objettiv f'konformità maċ-ċirkostanzi nazzjonali.

Il-mexxejja ħeġġew lil pajjiżi oħra biex jingħaqdu flimkien mal-G20 biex jilħqu l-għan ambizzjuż li jitħawlu 1 triljun siġra sal-2030, bl-involviment tas-settur privat u tas-soċjetà ċivili.

Żvilupp sostenibbli

Il-mexxejja tal-G20 esprimew it-tħassib serju tagħhom dwar l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Huma affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għal rispons globali biex jitħaffef il-progress lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u biex jiġi appoġġat irkupru sostenibbli, inklużiv u reżiljenti madwar id-dinja.

Il-mexxejja wiegħdu li jsaħħu l-azzjonijiet tagħhom biex jimplimentaw il-Pjan ta' Azzjoni tal-G20 dwar l-Aġenda 2030 u l-Appoġġ tal-G20 għar-Rispons għall-COVID-19 u l-Irkupru minnha fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Huma affermaw mill-ġdid ukoll l-appoġġ kontinwu tagħhom għall-pajjiżi Afrikani permezz ta' firxa ta' inizjattivi, bħall-Patt tal-G20 mal-Afrika.

Il-mexxejja laqgħu l-allokazzjoni ġenerali l-ġdida tad-Drittijiet Speċjali ta' Prelevament (SDR), li għamlet disponibbli l-ekwivalenti ta' $650 biljun f'riżervi addizzjonali globalment. Il-G20 ser ikun qed jaħdem fuq modi kif iżid l-impatt tiegħu billi b'mod volontarju jidderieġi parti mill-SDRs allokati biex jgħinu lill-pajjiżi vulnerabbli.

Il-mexxejja tal-G20 appellaw lill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) biex jistabbilixxi Fond ta' Reżiljenza u Sostenibbiltà (RST) ġdid biex jipprovdi finanzjament fit-tul affordabbli għal pajjiżi b'introjtu baxx, inkluż fil-kontinent Afrikan, stati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw u pajjiżi vulnerabbli b'introjtu medju.

Il-mexxejja laqgħu l-progress miksub taħt l-Inizjattiva dwar is-Sospensjoni tas-Servizz tad-Dejn (DSSI) tal-G20, li huwa stmat li ppermettiet id-differiment ta' mill-inqas $12.7 biljun ta' servizz ta' dejn totali bejn Mejju 2020 u Diċembru 2021, li minnu bbenefikaw 50 pajjiż.

Aġenda tas-summit

Id-diskussjonijiet tas-summit ġew organizzati fi tliet sessjonijiet ta' ħidma ewlenin u f'żewġ avvenimenti paralleli tal-mexxejja.

Sessjonijiet ta' ħidma

  • Sessjoni I: "Ekonomija globali u saħħa globali"
  • Sessjoni II: "Tibdil fil-klima u ambjent"
  • Sessjoni III: "Żvilupp sostenibbli"

Avvenimenti paralleli tal-mexxejja

  • "Appoġġ għall-SMEs u n-negozji ta' sidien nisa biex jirpiljaw aħjar"
  • "Ir-rwol tas-settur privat fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima"

Laqgħat bilaterali organizzati mill-President Michel

Fil-marġini tas-summit, il-President Michel organizza għadd ta' laqgħat bilaterali ma' mexxejja dinjija oħra:

  • Narendra Modi, Prim Ministru tal-Indja
  • Lee Hsien Loong, Prim Ministru ta' Singapore
  • Paul Kagame, President tar-Rwanda u President tan-NEPAD
  • Tedros Adhanom Ghebreyesus, Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa
  • Alberto Fernández, President tal-Arġentina
  • Scott Morrison, Prim Ministru tal-Awstralja
  • Angela Merkel, Kanċillier tal-Ġermanja
  • Joko Widodo, Prim Ministru tal-Indoneżja
  • Recep Tayyip Erdoğan, President tat-Turkija

Il-President Michel u l-President von der Leyen ipparteċipaw ukoll f'laqgħa informali tal-mexxejja tal-UE u tal-Unjoni Afrikana preżenti fis-summit, li kienet ospitata mill-President ta' Franza Emmanuel Macron.

Kuntest

Dwar il-presidenza Taljana tal-G20

It-tema ġenerali tal-presidenza Taljana inkludiet it-tliet pilastri "persuni, pjaneta, prosperità". Din it-tema ġiet riflessa fit-tliet sessjonijiet ta' ħidma fis-summit ta' Ruma.

Dwar il-G20

Il-membri tal-G20 huma l-Arġentina, l-Awstralja, il-Brażil, il-Kanada, iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, l-Indja, l-Indoneżja, l-Italja, il-Ġappun, il-Messiku, ir-Repubblika tal-Korea, ir-Russja, l-Arabja Sawdija, l-Afrika t'Isfel, it-Turkija, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea.

Spanja hija mistiedna permanenti. Il-presidenza Taljana tal-G20 stiednet seba' mexxejja addizzjonali bħala mistednin għas-summit, inkluż il-Prim Ministru tan-Netherlands.

Summits preċedenti

Is-summit preċedenti tal-G20, fl-2020, sar permezz ta' vidjokonferenza minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

L-aħħar summit fiżiku tal-G20 sar f'Osaka, il-Ġappun, fl-2019.

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025