"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Summit Internazzjonali

Summit UE-Ukrajna, Kiev, l-Ukrajna, 12 ta' Ottubru 2021, 12 ta' Ottubru 2021

Riżultati ewlenin

It-23 summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna sar f'Kiev fit-12 ta' Ottubru 2021.

Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew, u Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentaw lill-UE. Il-President Volodymyr Zelenskyy rrappreżenta lill-Ukrajna.

Wara l-laqgħat uffiċjali, hemm kisbiet konkreti li jbiddlu ħajjet in-nies, iġibu l-libertà, aktar kapaċitajiet biex jiġi appoġġat l-istat tad-dritt, u aktar prosperità. Din hija t-tifsira reali tar-rabtiet bejn l-Ukrajna u l-UE. Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew

Fi tmiem is-summit, il-mexxejja adottaw dikjarazzjoni konġunta.

Ritratt taċ-ċerimonja tal-iffirmar fil-marġini tas-summit
Tliet ftehimiet ġew iffirmati f'ċerimonja wara s-summit

Assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika

Il-mexxejja affermaw mill-ġdid l-impenn kontinwu għat-tisħiħ tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika tal-Ukrajna mal-Unjoni Ewropea.

Huma laqgħu r-riżultati li nkisbu permezz tal-ftehim ta' assoċjazzjoni (AA) bejn l-UE u l-Ukrajna u s-suċċess taż-żona ta' kummerċ ħieles approfondita u komprensiva (DCFTA). Sa mill-bidu tal-applikazzjoni tad-DCFTA fl-2016, il-flussi kummerċjali bilaterali żdiedu b'mod sostanzjali.

Iż-żewġ naħat laqgħu l-iskambju tal-valutazzjonijiet tagħhom tal-AA bil-ħsieb li jippreżentaw valutazzjoni konġunta fis-summit bilaterali li jmiss fi Brussell fl-2022.

Aħna nagħmlu parti mill-istess familja Ewropea. F'dawn l-aħħar snin, 17,000 student Ukren kellhom l-opportunità li jipparteċipaw fil-proġett Erasmus+. 50 miljun ċittadin Ewropew ibbenefikaw minn moviment mingħajr viża lejn l-UE. Kummenti mill-President Michel wara s-summit UE-Ukrajna

Il-mexxejja qablu li jkomplu jsaħħu l-integrazzjoni u l-kooperazzjoni ekonomika fil-qafas tal-AA, inkluż fl-oqsma li ġejjin:

  • l-approssimazzjoni tal-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-Ukrajna mal-Patt Ekoloġiku Ewropew
  • l-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija u tas-sistemi tal-enerġija tal-Ukrajna mas-suq tal-enerġija tal-UE, li tistabbilixxi kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni
  • il-kontinwazzjoni tat-tranżitu tal-gass permezz tal-Ukrajna lil hinn mill-2024, il-modernizzazzjoni tas-sistema ta' trażmissjoni tal-gass tal-Ukrajna u t-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija Ewropea
  • l-allinjament tal-Ukrajna mas-Suq Uniku Diġitali tal-UE fi ħdan il-mandat tal-ftehim ta' assoċjazzjoni.

L-UE u l-Ukrajna ffirmaw ukoll tliet ftehimiet fil-marġini tas-summit:

  • ftehim dwar l-avjazzjoni ċivili li joħloq opportunitajiet kummerċjali ġodda għal-linji tal-ajru tal-Ukrajna u tal-istati membri tal-UE
  • ftehim dwar l-adeżjoni tal-Ukrajna mal-programm Orizzont Ewropa u l-programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Euratom
  • ftehim dwar l-adeżjoni tal-Ukrajna mal-programm Ewropa Kreattiva

Fit-tħejjija għas-summit tas-Sħubija tal-Lvant, il-mexxejja laqgħu l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-AAs u d-DCFTAs mal-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna, u appellaw għall-implimentazzjoni sħiħa tagħhom. Is-summit ser isir fi Brussell fil-15 ta' Diċembru 2021.

Proċess ta' riforma

Il-mexxejja rrikonoxxew il-progress sostanzjali li sar mill-Ukrajna fil-proċess ta' riforma tagħha, bħall-ftuħ storiku tas-suq tal-art agrikola.

Huma enfasizzaw il-ħtieġa li jiżdiedu dawn l-isforzi, b'mod partikolari fir-rigward tar-riformi ġudizzjarji, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u r-riforma tas-settur tas-sigurtà.

L-UE affermat mill-ġdid l-appoġġ sostanzjali kontinwu tagħha għall-Ukrajna b'rabta ċara mal-implimentazzjoni effettiva tar-riformi u l-miżuri ta' politika. Sa mill-2014, l-UE u l-Istituzzjonijiet Finanzjarji Ewropej mobilizzaw pakkett bla preċedent ta' aktar minn €17-il biljun f'self u għotjiet għall-Ukrajna.

Il-President Michel enfasizza l-benefiċċji tar-rabtiet bejn l-UE u l-Ukrajna għaċ-ċittadini

Assistenza tal-COVID-19

Il-mexxejja nnutaw li l-appoġġ tal-UE biex tgħin lill-Ukrajna tindirizza l-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija jmur ferm lil hinn minn dak li l-UE pprovdiet lil kwalunkwe sieħeb ieħor, b'allokazzjoni ta' €1.2 biljun f'assistenza makrofinanzjarja flimkien ma' pakkett ta' appoġġ ta' €190 miljun.

L-UE u l-Ukrajna ser jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li l-Ukrajna jkollha aċċess għat-tilqim kontra l-COVID-19 fil-qafas tal-pjattaforma COVAX, inkluż permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għat-Trasferiment tal-Vaċċini.

Il-mexxejja laqgħu wkoll il-fatt li l-Ukrajna tagħmel parti mill-pajjiżi u t-territorji mhux tal-UE konnessi maċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Dan ifisser li ċertifikat COVID tal-Ukrajna huwa aċċettat fl-UE bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Bl-istess mod, iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE huwa aċċettat mill-Ukrajna.

Mappa b'ċart bubble li turi l-assistenza tal-UE għall-pajjiżi ġirien b'rispons għall-COVID-19

Politika barranija u ta' sigurtà

L-UE affermat mill-ġdid l-appoġġ sod tagħha għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

Il-mexxejja ħadu nota tal-importanza li tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) u tal-konverġenza akbar tal-Ukrajna mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK).

Huma rrikonoxxew ukoll l-importanza li tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu u l-indirizzar tad-diżinformazzjoni.

Is-sigurtà tfisser ukoll li jiżdiedu l-isforzi biex jiġu miġġielda t-theddid ibridu u l-attakki ċibernetiċi. Huwa għalhekk li ser inkomplu nsaħħu d-djalogu ċibernetiku tagħna. Kummenti mill-President Michel wara s-summit UE-Ukrajna

Il-mexxejja tennew il-kundanna qawwija tagħhom tal-ksur ċar tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna minn atti ta' aggressjoni mill-forzi armati Russi minn Frar 2014.

L-UE laqgħet l-istabbiliment tal-Pjattaforma Internazzjonali dwar il-Krimea varata fis-summit ta' tnedija li sar fit-23 ta' Awwissu f'Kiev, u tappoġġa l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni konġunta li ffirmaw l-UE u l-istati membri tagħha.

L-Ukrajna laqgħet il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew f'Ġunju, li fihom il-mexxejja tal-UE affermaw mill-ġdid li l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta' Minsk tibqa' l-kundizzjoni ewlenija għal kwalunkwe bidla sostanzjali fil-pożizzjoni tal-UE fir-relazzjonijiet tagħha mar-Russja.

Il-President Michel tenna s-solidarjetà soda tal-UE mal-Ukrajna fir-rigward tal-integrità territorjali tagħha

Sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja

Il-mexxejja enfasizzaw li l-UE kienet reġgħet estendiet is-sanzjonijiet ekonomiċi tagħha fuq ir-Russja, li kienu ġew adottati mill-2014 b'reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea u d-destabbilizzazzjoni intenzjonata tal-Ukrajna.

It-tul ta' żmien ta' dawn is-sanzjonijiet jibqa' marbut b'mod ċar mal-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta' Minsk.

Barra minn hekk, fil-jum ta' qabel is-summit, il-Kunsill impona miżuri restrittivi fuq tmien individwi addizzjonali talli b'mod attiv appoġġaw azzjonijiet u implimentaw politiki li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

Mill-2014 'l hawn, l-UE imponiet tipi differenti ta' sanzjonijiet kontra r-Russja b'rispons għall-annessjoni illegali tal-Krimea.

Sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja b'rabta mal-Ukrajna (mill-2014) (Infografika)

Informazzjoni ġenerali

Relazzjonijiet tal-UE mal-Ukrajna

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukrajna huma bbażati fuq ftehim ta' assoċjazzjoni (AA) li daħal fis-seħħ fl-2017. Il-parti ekonomika tal-AA hija żona ta' kummerċ ħieles approfondita u komprensiva (DCFTA).

Liberalizzazzjoni tal-viża

Mill-2017 'l hawn, iċ-ċittadini Ukreni ma għadhomx jeħtieġu viża għal soġġorni qosra fiż-żona Schengen.

Is-summit preċedenti

Is-summit preċedenti UE-Ukrajna sar fis-6 ta' Ottubru 2020 fi Brussell.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Summit Internazzjonali

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025