"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, 02-03/12/2019, 2 u 3 ta' Diċembru 2019
Riżultati ewlenin - Ġustizzja, it-Tlieta 3 ta' Diċembru
Drittijiet tal-vittmi
Il-ministri adottaw konklużjonijiet dwar id-drittijiet tal-vittmi, wara d-diskussjonijiet li saru fil-Kunsill ĠAI f'Ottubru. Il-konklużjonijiet jieħdu kont tal-qafas komprensiv tal-UE żviluppat f'dan il-qasam, li jkopri strumenti leġislattivi u mhux leġislattivi kif ukoll kooperazzjoni fil-livell operazzjonali. L-objettiv tagħhom huwa li jtejbu l-effettività u l-implimentazzjoni tal-qafas, u li jidentifikaw azzjonijiet u inizjattivi konkreti li għandhom jittieħdu biex jitjieb aktar.
Kull meta jitwettaq reat, li t-trasgressur jitressaq quddiem il-ġustizzja huwa biss pass wieħed lejn ir-rimedju. Irridu niżguraw ukoll li l-vittmi jkollhom aċċess faċli u effettiv għad-drittijiet kollha tagħhom. Il-konklużjonijiet tal-lum itennu l-impenn tal-Kunsill li jtejjeb l-aċċess tal-vittmi għal dawn id-drittijiet madwar l-Ewropa, inkluż id-drittijiet għall-informazzjoni, l-appoġġ, il-protezzjoni u l-kumpens.
Anna-Maja Henriksson, Ministru għall-Ġustizzja tal-Finlandja
Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni ta' negozjar tiegħu (approċċ ġenerali) dwar żewġ regolamenti emendatorji, wieħed dwar il-kumpilazzjoni ta' xhieda u ieħor dwar in-notifika ta' dokumenti. Il-Presidenza tal-Kunsill issa ser tibda negozjati mal-Parlament Ewropew abbażi ta' dawn il-mandati.
L-abbozzi ta' regolamenti jipprevedu l-modernizzazzjoni tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kummerċjali fil-kumpilazzjoni ta' xhieda u n-notifika ta' dokumenti. L-abbozzi ta' emendi jtejbu l-effiċjenza u l-ħeffa tal-proċedimenti ġudizzjarji transkonfinali billi jieħdu vantaġġ mid-diġitalizzazzjoni u mill-użu tat-teknoloġija moderna, u permezz tal-użu tagħhom itejbu l-aċċess għall-ġustizzja u jiggarantixxu proċess ġust għall-partijiet kollha.
Il-ministri ħadu nota tar-rapport finali tat-tmien ċiklu ta' evalwazzjonijiet reċiproċi fil-qasam ta' kwistjonijiet kriminali, li ffoka fuq is-suġġett tal-kriminalità ambjentali. Huma kkunsidraw ukoll rapport tal-Presidenza dwar il-liġi kriminali ambjentali tal-UE.
It-tmien ċiklu ta' evalwazzjonijiet reċiproċi ffoka fuq żewġ forom ta' attivitajiet kriminali li joħolqu sfidi sinifikanti minħabba r-riskji tagħhom għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent: it-traffikar illegali tal-iskart u l-produzzjoni jew it-trattament illegali ta' materjali perikolużi. Ir-rapport jenfasizza, fost affarijiet oħra, ir-rata baxxa ta' detezzjoni ta' kriminalità ambjentali u jinkludi rakkomandazzjonijiet li għandhom l-għan li jtejbu s-sitwazzjoni rigward il-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali.
Il-kriminalità ambjentali tista' tkun diffiċli biex tiġi identifikata, iżda flimkien nistgħu niġġielduha
Affarijiet interni, it-Tnejn 2 ta' Diċembru
Il-futur tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil
Il-ministri ddiskutew il-futur tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil, abbażi ta' rapport imħejji mill-Presidenza Finlandiża. Matul id-dibattitu, il-ministri laqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta patt ġdid dwar il-migrazzjoni u l-asil. Huma kkonfermaw il-ħtieġa ta' approċċ komprensiv għall-migrazzjoni, b’approċċ ta' gvern sħiħ kif ukoll approċċ li jqis ir-rotta sħiħa.
Il-Kunsill ħa l-opportunità pprovduta mill-bidu ta' ċiklu leġislattiv ġdid biex jerġa' lura għall-punti bażiċi u jiddiskuti dawk l-elementi tal-approċċ komprensiv tagħna għall-migrazzjoni li għad iridu jittejbu. Inkiseb ħafna fil-kooperazzjoni tagħna ma' pajjiżi terzi, il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tagħna u l-funzjonament tas-sistemi tal-migrazzjoni u l-asil tagħna. Madankollu, għad hemm lok biex isir aktar f'dawn l-oqsma kollha, u llum il-ministri esprimew ir-rieda ċara tagħhom li jkomplu jaħdmu flimkien fuq dan.
Maria Ohisalo, Ministru għall-Intern tal-Finlandja
Il-ministri ddiskutew il-futur tas-sigurtà interna tal-UE, bil-ħsieb li tiġi pprovduta gwida għal żviluppi futuri fil-qasam tas-sigurtà interna matul iċ-ċiklu leġislattiv li jmiss (2019-2024). Din id-diskussjoni saret waqt l-ikla ta' nofsinhar, abbażi ta' rapport imħejji mill-Presidenza Finlandiża, li jiġbor fil-qosor it-temi ewlenin u l-oqsma ta' ħidma li ġew diskussi fl-aħħar sitt xhur bħala parti minn dan il-proċess ta' riflessjoni.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.