"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Vidjokonferenza informali tal-ministri għall-ġustizzja, 11 ta' Marzu 2021

Riżultati ewlenin

Żamma ta' data

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar iż-żamma ta' data ta' komunikazzjoni elettronika mill-fornituri tas-servizzi, li jistgħu jiżvelawha lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji taħt ċerti kondizzjonijiet stretti. Il-ministri qiesu, b'mod partikolari, jekk il-leġiżlazzjoni għandhiex tiġi adottata fil-livell tal-UE biex jiġi żgurat reġim legali armonizzat jew jekk il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja għandhomx jiddependu biss fuq il-liġijiet nazzjonali dwar iż-żamma ta' data.

Il-ministri tennew it-tħassib tagħhom dwar l-impatt tal-każistika reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar l-investigazzjonijiet kriminali. Enfasizzaw il-ħtieġa li jinsab approċċ komuni dwar din il-kwistjoni li jkun konformi mas-sentenzi tal-qorti u li jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali, u maġġoranza kbira tagħhom qiesu li jkun meħtieġ qafas legali Ewropew komuni biex jinkiseb rispons koerenti fil-livell tal-UE. Il-Presidenza u l-Kummissjoni Ewropea issa ser jirriflettu dwar il-passi li jmiss.

Iż-żamma ta' data hija għodda kruċjali għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tagħna meta jwettqu l-investigazzjonijiet, u huwa ċar li s-sitwazzjoni attwali ta' inċertezza żżid ir-riskji għas-sigurtà taċ-ċittadini tagħna. Illum tennejna l-impenn tagħna biex tinstab soluzzjoni komuni; soluzzjoni li tippermetti li l-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħna jwettqu xogħolhom filwaqt li tiżgura b'mod sħiħ id-drittijiet għall-privatezza taċ-ċittadini tagħna. Francisca Van Dunem, Ministru għall-Ġustizzja tal-Portugall

Drittijiet fundamentali

Il-ministri ddiskutew kif tista' tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, u laqgħu l-istrateġija tal-Kummissjoni ppreżentata f'Diċembru 2020 u l-konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill dwar dan is-suġġett. Enfasizzaw ukoll ir-rwol importanti tal-aġenzija tal-UE għad-drittijiet fundamentali (FRA).

L-Istrateġija tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet tal-Kunsill jiffukaw fuq azzjonijiet immirati u prattiċi, bħal taħriġ, sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, finanzjament xieraq u monitoraġġ tal-atti rilevanti, li permezz tagħhom l-implimentazzjoni tal-Karta tista' tissaħħaħ b'mod konkret.

Taħriġ ġudizzjarju

Il-ministri ġew infurmati dwar il-konklużjonijiet dwar it-tisħiħ tat-taħriġ tal-professjonisti tal-ġustizzja adottati fit-8 ta' Marzu 2021.

Dawn il-konklużjonijiet jilqgħu l-istrateġija ambizzjuża Ewropea għat-taħriġ ġudizzjarju għall-2021-2024, ippreżentata mill-Kummissjoni f'Diċembru 2020, u jenfasizzaw li t-taħriġ ġudizzjarju Ewropew għandu jikkontribwixxi għat-trawwim tar-rispett għall-istat tad-dritt u t-tisħiħ tal-kultura Ewropea tal-istat tad-dritt. Il-konklużjonijiet jenfasizzaw ukoll ir-rabtiet mill-qrib bejn it-taħriġ ġudizzjarju u d-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fl-UE.

Fil-konklużjonijiet, il-Kunsill jappella lill-istati membri biex jinkoraġġixxu l-użu ta' possibbiltajiet ta' taħriġ, jinvestu fid-diġitalizzazzjoni tat-taħriġ ġudizzjarju, isaħħu t-taħriġ fid-dritt tal-UE, jenfasizzaw l-approċċ multidixxiplinari tat-taħriġ ġudizzjarju u jipprovdu appoġġ lill-ġudikaturi lil hinn mill-UE, b'mod partikolari dawk fil-Balkani tal-Punent.

Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

Il-ministri għall-ġustizzja ġew infurmati mill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-regolament dwar l-UPPE. Għaddejja ħidma f'diversi oqsma sabiex l-UPPE jibda jopera malajr kemm jista' jkun.

F'dawn l-aħħar xhur sar progress fir-rigward tal-ħatra tal-Prosekuturi Delegati Ewropej, madankollu n-nomini minn għadd ta' stati membri għadhom pendenti. Għaddejja wkoll ħidma fir-rigward tar-relazzjonijiet tal-UPPE ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali. Din tinkludi n-notifika tal-UPPE bħala awtorità ġudizzjarja kompetenti skont il-konvenzjonijiet rilevanti tan-NU u fir-rigward tal-Konvenzjoni Ewropea tal-1959 dwar l-assistenza reċiproka f'materji kriminali. Tikkonċerna wkoll l-identifikazzjoni ta' pajjiżi terzi li magħhom l-UPPE jista' jikkonkludi ftehimiet operazzjonali.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Dokumenti ta' eżitu

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025