Skip to content
  • Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni, 7 u 8 ta' Ġunju 2021

Riżultati ewlenin

Ġustizzja (it-Tnejn 7 ta' Ġunju)

Il-ġlieda kontra l-kontenut illegali online

Il-ministri kellhom diskussjoni dwar kif għandu jiġi miġġieled il-kontenut illegali online fil-kuntest tal-proposta rigward l-Att dwar is-Servizzi Diġitali.

Francisca Van Dunem, ministru għall-ġustizzja tal-Portugall
Il-libertà tal-espressjoni hija dritt fundamentali li għandu jiġi protett. Fl-istess ħin huwa ċar li ma nistgħux nippermettu li l-kontenut illegali jipprolifera fuq il-pjattaformi tal-internet mingħajr kontroll. Ser ikun kruċjali għas-suċċess tal-att dwar is-servizzi diġitali li jinstab l-aħjar approċċ biex jiġu bbilanċjati dawn il-prinċipji tal-att dwar is-servizzi diġitali, u llum il-ministri għall-ġustizzja tennew ix-xewqa tagħhom li jkomplu jkunu involuti f'dawn id-diskussjonijiet.
Francisca Van Dunem, ministru għall-ġustizzja tal-Portugall
Francisca Van Dunem, ministru għall-ġustizzja tal-Portugall

Id-dibattitu ffoka prinċipalment fuq l-aspetti relatati mal-ordnijiet lill-fornituri mill-awtoritajiet nazzjonali biex jaġixxu kontra l-kontenut illegali jew biex jipprovdu informazzjoni, kif ukoll l-obbligu ta' fornituri kbar li jinnotifikaw suspetti ta' reati kriminali serji lill-awtoritajiet.

Matul id-dibattitu tagħhom, il-ministri enfasizzaw l-importanza tal-libertà tal-espressjoni u l-ħtieġa li jiġi żgurat li jinstab il-bilanċ it-tajjeb biex jiġi żgurat li kwalunkwe restrizzjoni tibqa' l-eċċezzjoni.

Dwar l-aspetti relatati mal-ordnijiet mill-awtoritajiet nazzjonali, il-ministri ġeneralment esprimew appoġġ għas-sistema proposta iżda nnotaw li t-test jeħtieġ li jiġi ċċarat aktar, b'mod partikolari biex jiġi żgurat li l-att dwar is-servizzi diġitali ma jaffettwax il-funzjonament ta' strumenti tal-ĠAI eżistenti u futuri.

Dwar l-obbligu tal-fornituri li jinnotifikaw suspetti ta' reati kriminali serji, il-ministri kkunsidraw il-ħtieġa li jiġu ċċarati l-kunċetti ta' "reat kriminali serju li jinvolvi theddida għall-ħajja jew għas-sikurezza ta' persuni" u "minnufih"

Elementi ewlenin għas-servizzi tal-prosekuzzjoni pubblika

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar elementi ewlenin għas-servizzi tal-prosekuzzjoni pubblika. Dan is-suġġett huwa parti minn djalogu dwar suġġetti speċifiċi għall-ġustizzja li jikkonċernaw l-istat tad-dritt.

Matul id-diskussjonijiet tagħhom huma ffukaw fuq tliet suġġetti: l-indipendenza tas-servizzi tal-prosekuzzjoni pubblika mill-eżekuttiv, id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja u riżorsi umani u finanzjarji adegwati.

Ċessjonijiet tal-pretensjonijiet

Illum il-Kunsill approva l-approċċ ġenerali tiegħu dwar il-proposta għal regolament dwar il-liġi applikabbli għall-effetti fuq partijiet terzi fiċ-ċessjonijiet tal-pretensjonijiet. L-abbozz ta' regolament għandu l-għan li jiżgura ċertezza legali akbar għan-negozji u għaċ-ċittadini fir-rigward ta' trasferimenti transfruntiera ta' pretensjonijiet, biex b'hekk jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi u jiġi promoss l-investiment transfruntier fl-UE.

Bl-adozzjoni ta' regoli uniformi dwar il-kunflitt tal-liġijiet fil-livell tal-UE, ir-regolament propost ser jelimina r-riskji legali u l-konsegwenzi sistemiċi potenzjali ta' tranżazzjonijiet transfruntiera fil-pretensjonijiet, filwaqt li jippermetti investiment transfruntier, aċċess għal kreditu orħos u integrazzjoni ulterjuri tas-suq. Dan ser jikkontribwixxi biex tiżdied iċ-ċertezza legali fl-UE kollha.

Sistema e-CODEX

Il-Kunsill approva approċċ ġenerali dwar ir-regolament tas-sistema e-CODEX, li l-għan tagħha huwa li ttejjeb l-effiċjenza tal-komunikazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti u tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja għaċ-ċittadini u n-negozji.

Aġenzija għad-drittijiet fundamentali

Huwa approva wkoll approċċ ġenerali dwar ir-regolament li jemenda r-regolament li jistabbilixxi l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali. Dan it-test għandu l-għan li jtejjeb il-mandat tal-aġenzija u jtejjeb il-funzjonament tagħha permezz ta' proċeduri aktar effiċjenti.

Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-traffikar ta' bnedmin

Taħt affarijiet oħra, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-istrateġija dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-istrateġija dwar il-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin, li ġew adottati f'April 2021.

Affarijiet Interni (it-Tlieta 8 ta' Ġunju)

Sigurtà interna

"It-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetajiet tagħna ġġib magħha ħafna vantaġġi, iżda wkoll ċerti sfidi fil-qasam tas-sigurtà. Il-pandemija tal-COVID-19 aċċellerat dawn il-bidliet, b'żieda fil-kriminalità online u dipendenza akbar fuq l-għodod diġitali għall-kooperazzjoni tal-pulizija. Illum iddiskutejna għadd ta' politiki li ser jippermettulna nkunu ppreparati aħjar għall-futur diġitali tas-sigurtà. Eduardo Cabrita, Ministru għall-Intern tal-Portugall

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-perspettiva tas-sigurtà interna rigward l-intelliġenza artifiċjali, wara preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-proposta reċenti tagħha għal regolament dwar l-intelliġenza artifiċjali. Huma enfasizzaw l-importanza li tiġi pprovduta ċertezza legali lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex ikunu jistgħu jkomplu jagħmlu użu mill-għodod emerġenti fil-ġlieda kontra l-kriminalità, filwaqt li jiżguraw protezzjoni sħiħa tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini.

Il-ministri kellhom ukoll dibattitu dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità. Huma pprovdew gwida politika dwar l-azzjonijiet ta' prijorità biex jissaħħu r-reżiljenza u t-tħejjija fil-qasam tas-sigurtà interna, biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19 u bil-ħsieb ta' kriżijiet simili potenzjali fil-futur.

Il-ministri ħadu kont tal-progress fid-diskussjonijiet rigward ir-regolament li jemenda r-regolament tal-Europol. Il-Presidenza tibqa' impenjata li tkompli l-ħidma fil-ġimgħat li ġejjin bil-għan li tagħlaq kemm jista' jkun elementi possibbli u tikseb mandat għal negozjati mal-Parlament Ewropew sal-aħħar ta' Ġunju.

Żona Schengen

Wara preżentazzjoni mill-Kummissjoni, il-ministri kellhom diskussjoni inizjali dwar l-istrateġija ta' Schengen, li ġiet adottata mill-Kummissjoni Ewropea fit-2 ta' Ġunju.

L-istrateġija u l-proposti ta' akkumpanjament għandhom l-għan li jirrestawraw il-funzjonament sħiħ taż-żona Schengen, iżidu l-fiduċja reċiproka fost l-istati membri u jintegraw it-tagħlimiet meħuda mill-kriżi tal-COVID-19, speċjalment fir-rigward ta' koordinazzjoni aħjar tal-miżuri fil-livell tal-UE. L-istrateġija tieħu approċċ komprensiv għall-ispazju ta' moviment liberu, li jinkludi l-protezzjoni tal-fruntieri esterni u s-sigurtà interna biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed niffaċċjaw illum.

Migrazzjoni u ażil

Il-Presidenza rrapurtat dwar is-sitwazzjoni attwali rigward il-patt il-ġdid dwar il-migrazzjoni u l-ażil.

Id-dimensjoni esterna tibqa' waħda mill-aspetti ewlenin tal-patt. Hemm appoġġ qawwi għall-iżvilupp u t-titjib ulterjuri tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu, kif ukoll l-operazzjonalizzazzjoni ta' sħubiji komprensivi, imfassla apposta u ta' benefiċċju reċiproku ma' pajjiżi sħab ewlenin. F'dan ir-rigward, il-Presidenza Portugiża fakkret l-eżitu importanti tal-Konferenza Ministerjali UE-Afrika dwar il-Ġestjoni tal-Flussi Migratorji, li saret f'Lisbona, fit-12 ta' Mejju.

Dwar id-dimensjoni interna, tkompliet il-ħidma, fil-livell tal-esperti, fuq ir-regolament dwar il-ġestjoni tal-ażil u tal-migrazzjoni, ir-regolament emendat dwar il-proċedura tal-ażil u r-regolament dwar l-iskrinjar. Matul dawn id-diskussjonijiet, l-istati membri kollha setgħu jikkonfermaw l-impenn ġenerali tagħhom li jappoġġaw lil xulxin u joffru kontributi ta' solidarjetà, f'każijiet ta' pressjoni fuq wieħed mill-istati membri.

L-istati membri u l-Kummissjoni Ewropea enfasizzaw ukoll l-impenn u r-rieda tagħhom li jaħdmu b'mod intensiv, fil-ġimgħat li ġejjin, sabiex jikkonfermaw u jaqblu dwar ir-Regolament għal Aġenzija tal-UE għall-Ażil.

Il-Kunsill issottolinja, għal darb'oħra, il-ftehim importanti li ntlaħaq rigward id-Direttiva dwar il-Karta Blu. Dan il-ftehim ikkonkretizza waħda mill-prijoritajiet tal-Presidenza Portugiża: li taħdem fuq il-ġestjoni tal-migrazzjoni legali u t-tqabbil meħtieġ bejn il-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol tal-UE u r-riżorsi kwalifikati li jiġu fl-Ewropa b'mod legali u ordnat.

EMPACT: riżultati tal-2020

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 9 ta' Jannar 2025