"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Vidjokonferenza tal-ministri għall-affarijiet interni, 14 ta' Diċembru 2020
Riżultati ewlenin
Migrazzjoni u ażil
Il-ministri għall-affarijiet interni ddiskutew l-elementi ewlenin tal-proposti tal-Kummissjoni għal patt dwar il-migrazzjoni u l-ażil. Dawn inkludew id-dimensjoni esterna, il-fażi proposta ta' qabel id-dħul, mekkaniżmu ta' solidarjetà, il-migrazzjoni interna u l-ġestjoni tal-ażil, diversi mezzi biex jittejbu r-ritorni, ir-rwol tal-aġenziji, il-perkorsi legali għad-dħul fl-Ewropa u l-integrazzjoni. Il-ħidma fuq dawn il-proposti ser tkompli fix-xhur li ġejjin.
Il-proposti tal-Kummissjoni għal patt ġdid dwar il-migrazzjoni u l-ażil tawna bidu ġdid tant meħtieġ. L-istati membri tal-UE huma impenjati li jsibu approċċ komuni u diġà jeżisti grad ġust ta' qbil dwar għadd ta' aspetti, inkluż dwar id-dimensjoni esterna, il-fruntieri u r-ritorni. Hemm ukoll rieda ġenerali li tiġi espressa solidarjetà mal-istati membri li qed isofru pressjoni migratorja għolja. Madankollu għad hemm bżonn ta' aktar diskussjonijiet biex jiġi definit kif ser jidher fil-prattika bilanċ ġust bejn is-solidarjetà u r-responsabbiltà.
Stephan Mayer, Segretarju Parlamentari tal-Istat għall-Ministru Federali għall-Intern, il-Bini u l-Komunità
Il-ministri ngħataw ukoll aġġornament mill-Kummissjoni dwar l-involviment tal-UE ma' sħab minn pajjiżi terzi għal riammissjoni effettiva u ġestjoni aktar b'saħħitha tal-migrazzjoni. Il-kooperazzjoni ma' sħab minn pajjiżi terzi titlob għal sħubiji komprensivi, bilanċjati, imfassla apposta u ta' benefiċċju reċiproku. Fix-xhur li għaddew, l-UE u l-istati membri intensifikaw il-kooperazzjoni ma' għadd ta' sħab kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak operazzjonali, inkluż fil-Balkani tal-Punent, fl-Afrika ta' Fuq, fl-Afrika tal-Punent jew fl-Asja.
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-passi li jmiss biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sigurtà interna u s-sħubija Ewropea tal-Pulizija bħala parti mill-isforzi usa' biex jiġi żgurat spazju komuni ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Il-konklużjonijiet għandhom l-għan li jtejbu aktar il-kooperazzjoni f'dan il-qasam biex inwieġbu aħjar għall-isfidi ta' sigurtà li qed jevolvu u nisfruttaw il-potenzjal tal-iżviluppi teknoloġiċi.
Huma jtennu għadd ta' prijoritajiet politiċi li għandhom jinkisbu minn issa sal-2025. Huma jiddeskrivu fid-dettall wkoll it-triq 'il quddiem f'għadd ta' oqsma bħall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, iż-żamma tar-ritmu mal-progress teknoloġiku, il-kooperazzjoni globali, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata tranżnazzjonali u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu.
Il-ministri laqgħu l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru dwar aġenda kontra t-terroriżmu għall-UE, wara d-dikjarazzjoni tal-ministri tat-13 ta' Novembru.
Il-Presidenza enfasizzat ukoll l-importanza tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar il-kriptaġġ.
Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar il-qbil proviżorju li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew rigward l-abbozz ta' regolament dwar il-prevenzjoni tad-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online. It-test tal-ftehim proviżorju ser jiġi ppreżentat lill-ambaxxaturi għall-UE fis-16 ta' Diċembru. Imbagħad jeħtieġ li jiġi adottat formalment mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.
L-għan tal-leġiżlazzjoni huwa t-tneħħija rapida tal-kontenut terroristiku online u l-istabbiliment ta' strument komuni wieħed għall-istati membri kollha għal dak il-għan. L-awtoritajiet kompetenti fl-istati membri ser ikollhom is-setgħa li joħorġu ordnijiet ta' tneħħija lill-fornituri ta' servizzi madwar l-UE, li jitolbuhom biex ineħħu kontenut terroristiku jew jiddiżattivaw l-aċċess għalih fl-istati membri kollha fi żmien siegħa. Ir-regoli proposti fihom salvagwardji b'saħħithom biex jiżguraw li jiġu rispettati l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u l-libertà ta' intrapriża.
Il-ministri evalwaw il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà u kkonfermaw li huma jaċċettaw l-iskeda ta' żmien riveduta.
L-implimentazzjoni tal-qafas il-ġdid ta' interoperabbiltà hija marbuta mill-qrib mal-ħolqien u l-aġġornament ta' għadd ta' sistemi tal-IT fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, b'mod partikolari s-sistema l-ġdida ta' dħul/ħruġ, is-sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar (ETIAS) u s-sistema Ewropea ta' informazzjoni ta' rekords kriminali fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi (ECRIS-TCN). Minħabba dewmien aggravat mill-pandemija tal-COVID-19, ġiet stabbilita skeda ta' żmien riveduta għall-operazzjonalizzazzjoni tas-sistema ta' dħul/ħruġ, bit-tliet sistemi kollha mistennija li jkunu operazzjonali sal-2022.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.