Skip to content
  • Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (Enerġija), 28 ta' Frar 2022

Riżultati ewlenin

Il-ministri għall-enerġija tal-UE ltaqgħu llum fi Brussell biex jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar is-sitwazzjoni tal-enerġija fl-Ukrajna u fl-Ewropa wara l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata mill-Federazzjoni Russa.

Appoġġ għall-Ukrajna u s-sitwazzjoni tal-enerġija fl-Ewropa

L-azzjoni militari Russa fl-Ukrajna qed tikkawża ħsara kbira lill-kapaċitajiet tal-enerġija tal-pajjiż. Il-ministri għall-enerġija qalu li għandhom ir-rieda u lesti li jipprovdu assistenza lill-Ukrajna f'dan ir-rigward.

Barra minn hekk, dawn l-operazzjonijiet militari qed iwasslu għal żieda fil-prezzijiet tal-gass fl-UE kif ukoll fil-prezzijiet internazzjonali taż-żejt. Dan qed iseħħ f'kuntest aktar ġenerali ta' żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija kemm fl-Ewropa kif ukoll madwar id-dinja mill-2021.

Il-Kunsill Ewropew, f'laqgħa fl-24 ta' Frar 2022, appella biex titmexxa 'l quddiem il-ħidma f'kull livell, u stieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, biex tressaq miżuri ta' kontinġenza, inkluż dwar l-enerġija.

B'konsegwenza, il-presidenza tal-Kunsill qieset li huwa essenzjali li jitmexxew 'il quddiem malajr id-diskussjonijiet dwar it-tħejjija u l-miżuri ta' kontinġenza fil-livelli kollha fis-settur tal-enerġija fl-Ewropa, kif ukoll dwar l-opzjonijiet kollha biex ikun hemm rispons għat-talbiet tal-Ukrajna għal appoġġ, bħas-sinkronizzazzjoni tan-network tal-elettriku tal-Ukrajna man-network tal-Unjoni.

Barbara Pompili, Ministru ta' Franza għat-Tranżizzjoni Ekoloġika
F'dan il-kuntest bla preċedent ta' operazzjonijiet militari fuq l-għatba tal-UE, jeħtieġ li fit-terminu qasir nieħdu azzjoni fi tliet oqsma: irridu nipprovdu appoġġ prattiku lill-Ukrajna, insaħħu r-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija Ewropea, u nimmaniġġaw ix-xejriet futuri fil-prezzijiet tal-enerġija. Madankollu, anki jekk ir-Russja kellha twaqqaf l-esportazzjonijiet tagħha - xi ħaġa li bħalissa mhijiex fuq l-aġenda - ma jkun hemm l-ebda riskju immedjat għas-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, huwa aktar importanti minn qatt qabel li titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika, sabiex nilħqu l-għanijiet tagħna tal-indipendenza enerġetika u n-newtralità klimatika tal-Ewropa.
Barbara Pompili, Ministru ta' Franza għat-Tranżizzjoni Ekoloġika
Barbara Pompili, Ministru ta' Franza għat-Tranżizzjoni Ekoloġika

Il-ministri kkondividew il-proposti tagħhom biex tingħata aktar assistenza lill-Gvern Ukren, b'mod partikolari biex tiġi konsolidata l-ħidma tan-network tal-elettriku tiegħu, biex jiġi żgurat li n-network ikun sinkronizzat ma' dak tal-Unjoni u jiġu provduti assistenza u riżorsi tal-enerġija.

F'Jannar 2022, il-Kunsill qabel li jipprovdi €1.2 biljun f'assistenza lill-Ukrajna fil-forma ta' self għall-promozzjoni tal-istabbiltà fil-pajjiż. Il-ministri ddikjaraw ukoll li kienu lesti jieħdu azzjoni fil-livell nazzjonali biex jipprovdu lill-Ukrajna b'assistenza finanzjarja jew materjali addizzjonali.

Matul id-diskussjonijiet, il-ministri għall-enerġija ppreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar is-sitwazzjoni u dwar l-istat attwali tal-provvisti, il-ħażniet u l-flussi tal-enerġija fil-pajjiżi rispettivi tagħhom. L-istati membri u l-Kummissjoni qablu li l-Unjoni Ewropea ma kinitx minnufih f'riskju f'termini ta' provvisti ta' gass jew ta' fjuwil, anki fil-każ ta' interruzzjoni fil-provvista tal-gass Russu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-istati membri qed jikkoordinaw il-kontribut tal-Unjoni Ewropea għal kwalunkwe azzjoni f'termini ta' provvista taż-żejt, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija. Barra minn hekk, l-istati membri huma lesti jimmobilizzaw ħażniet strateġiċi jekk is-sitwazzjoni rigward il-provvisti jew il-prezzijiet taż-żejt tevolvi b'tali mod li jkun hemm bżonn isir hekk.

Il-ministri esprimew il-fehmiet tagħhom dwar il-ħtieġa għal miżuri ta' kontinġenza, inkluż dwar l-iżgurar tal-provvista, il-ġestjoni ottimizzata tal-istokk u koordinazzjoni aħjar bejn l-istati membri. Dawn il-miżuri kellhom jiġu ssupplimentati b'azzjoni konġunta mmirata lejn żieda fl-importazzjonijiet tal-enerġija minn reġjuni oħra minbarra r-Russja.

L-istati membri ser ikomplu jissorveljaw is-sitwazzjoni mill-qrib, f'koordinazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, sabiex ikunu jistgħu jaġixxu malajr jekk ikun meħtieġ. Ser isaħħu wkoll il-kuntatti tagħhom mas-sħab internazzjonali, bil-ħsieb li jiġu stabbilizzati l-flussi u l-prezzijiet tal-enerġija.

Fid-dawl tal-aħħar żviluppi, il-ministri esprimew il-fehmiet tagħhom dwar opzjonijiet biex jiġi limitat l-impatt tal-prezzijiet fuq il-familji u l-industriji. Bosta stati membri diġà adottaw miżuri fil-livell nazzjonali, inkluż miżuri fiskali u tariffarji, biex jipproteġu l-aktar konsumaturi vulnerabbli. Huma jqisu li s-''sett ta' għodod'’ propost mill-Kummissjoni f'Ottubru 2021 ipprovda qafas Ewropew utli għall-koordinazzjoni tal-miżuri nazzjonali. Il-ministri jistennew il-komunikazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni, li għandha tinkludi żviluppi ġodda biex il-prezzijiet tal-enerġija jinżammu taħt kontroll f'dan il-kuntest ta' kriżi mingħajr preċedent.

Fl-aħħar nett, il-ministri ssottolinjaw l-importanza tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-pakkett leġiżlattiv "lesti għall-mira ta' 55%'' biex titnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-idrokarburi.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Jannar 2025