"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (Trasport), 9 ta' Diċembru 2021

Riżultati ewlenin

Ħarsa ġenerali lejn il-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%"

Il-Kunsill beda l-laqgħa billi ħa nota tal-progress ġenerali fil-pakkett ta' proposti leġiżlattivi "Lesti għall-mira ta' 55%" f'konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill. Il-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" għandu l-għan li jgħin lill-UE tilħaq il-mira tagħha ta' tnaqqis tal-emissjonijiet netti ta' gassijiet serra b'mill-inqas 55% sal-2030 meta mqabbla mal-1990, u ssir newtrali għall-klima sal-2050.

Il-ministri mbagħad kellhom l-ewwel diskussjoni formali tagħhom dwar kull waħda mit-tliet proposti dwar it-trasport tal-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" — ReFuelEU Aviation, FuelEU Maritime u dik dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi — sabiex jiggwidaw il-ħidma ulterjuri fuq dawn il-fajls.

Dawn il-proposti ser jaqdu rwol sinifikanti fl-isforzi tal-UE biex tnaqqas l-emissjonijiet tagħha mit-trasport b'90%, li huwa prerekwiżit biex jintlaħaq l-għan tan-newtralità klimatika tal-2050.

Trasport bl-ajru sostenibbli

Il-Kunsill ħa nota tal-progress u kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar proposta li għandha l-għan li tiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għat-trasport bl-ajru sostenibbli (ReFuelEU Aviation).

Il-proposta għandha l-għan li żżid kemm id-domanda kif ukoll il-provvista ta' fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli (SAFs), fosthom fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi, filwaqt li tiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fis-suq tat-trasport bl-ajru tal-UE.

Jernej Vrtovec, Ministru għall-Infrastruttura tas-Slovenja u president tal-laqgħa tal-Kunsill
It-trasport bl-ajru ntlaqat ħażin ħafna mill-pandemija. Madankollu, l-uniku mod biex l-industrija tirkupra huwa li taġixxi fuq l-ambizzjonijiet klimatiċi, filwaqt li tiżgura l-konnettività bl-ajru għaċ-ċittadini u suq kompetittiv.
Jernej Vrtovec, Ministru għall-Infrastruttura tas-Slovenja u president tal-laqgħa tal-Kunsill
Jernej Vrtovec, Ministru għall-Infrastruttura tas-Slovenja u president tal-laqgħa tal-Kunsill

Matul id-dibattitu tal-Kunsill, il-ministri appoġġaw b'mod ġenerali l-objettivi tal-proposta. Huma ppreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar kif dawn l-objettivi jistgħu jinkisbu bl-użu ta' tipi differenti ta' fjuwils u bl-użu ta' livelli differenti ta' użu tal-fjuwils fis-snin li ġejjin. Diversi delegazzjonijiet enfasizzaw il-ħtieġa li tiġi ppreservata l-konnettività u li jitqiesu s-sitwazzjonijiet speċifiċi ta' stati membri differenti. Il-ministri ssottolinjaw ukoll il-ħtieġa li tinżamm il-kompetittività tas-settur tal-avjazzjoni Ewropew, li qed jiffaċċja l-konsegwenzi tal-pandemija. Huma enfasizzaw l-importanza li tiġi żgurata biżżejjed kapaċità ta' produzzjoni u distribuzzjoni għall-provvista ta' fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli meħtieġa għas-settur u biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq. Xi stati membri esprimew tħassib dwar ir-regoli baġitarji f'dak li jirrigwarda l-użu tad-dħul mill-multi.

Fjuwils rinnovabbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu

Il-Kunsill ħa nota tal-progress u kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar proposta għall-promozzjoni tal-użu ta' fjuwils rinnovabbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu (FuelEU Maritime).

Il-proposta għandha l-għan li żżid id-domanda għal fjuwils rinnovabbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, u l-użu konsistenti tagħhom, fis-settur marittimu, filwaqt li tiżgura l-operat mingħajr xkiel tat-traffiku marittimu u tevita distorsjonijiet fis-suq intern.

It-trasport marittimu huwa vettur essenzjali għall-kummerċ u l-konnettività interni u esterni tal-UE. Ma nistgħux innaqqsu l-marka tal-karbonju tagħna biżżejjed mingħajr il-kontribut tas-settur marittimu, minkejja li dan għandu l-isfidi tiegħu, partikolarment minħabba n-natura globali tat-trasport marittimu. Jernej Vrtovec, Ministru għall-Infrastruttura tas-Slovenja u president tal-laqgħa tal-Kunsill

Matul id-diskussjoni tagħhom, il-ministri qablu b'mod ġenerali dwar il-biċċa l-kbira tal-objettivi tal-proposta, sa fejn din tippromwovi l-użu ta' fjuwils rinnovabbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju f'settur li għadu jiddependi kważi għalkollox fuq il-fjuwils fossili. Għadd ta' ministri enfasizzaw l-importanza tad-dimensjoni globali, kemm biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet, speċjalment fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI), iżda wkoll biex jiġi indirizzat it-tħassib b'rabta mar-rilokazzjoni jew ir-ridirezzjoni ta' emissjonijiet tal-karbonju li tista' tiġi kkawżata mill-obbligi li titnaqqas l-intensità tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-bastimenti u l-obbligi imposti fuq il-portijiet Ewropej.

Għadd ta' ministri enfasizzaw il-kumplessità tal-proposta u r-rabta qawwija tagħha ma' inizjattivi oħrajn tal-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%", b'mod partikolari d-direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli, is-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet u r-regoli li jappoġġaw l-introduzzjoni ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, filwaqt li saħqu fuq il-ħtieġa li jkun hemm stampa ċara tal-impatt ġenerali fuq is-settur. Diversi ministri esprimew tħassib dwar aspetti ta' governanza, bħall-impożizzjoni ta' pieni u l-użu tagħhom, kif ukoll ir-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi fl-infurzar tar-regolament. B'mod ġenerali tqies li hi meħtieġa aktar ħidma sabiex il-proposta tkun tista' tiġi eżaminata kif xieraq.

Infrastruttura ta' fjuwils alternattivi

Il-Kunsill ħa nota tal-progress u kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar abbozz ta' regolament dwar il-varar ta' infrastruttura ta' fjuwils alternattivi (AFIR).

L-objettiv tal-proposta huwa l-appoġġ għall-varar madwar l-UE ta' infrastruttura pubblikament aċċessibbli ta' irriċarġjar u riforniment għal fjuwils alternattivi fit-trasport bit-triq, l-avjazzjoni u s-settur tat-trasport fuq l-ilma. Għandha wkoll l-għan li tiżgura li l-infrastruttura tkun interoperabbli u faċli biex tintuża.

Bħalissa, id-dilemma dwar liem hi l-problema oriġinali għadha qed ixxekkel il-bidla għal fjuwils aktar ekoloġiċi. Minn naħa, infrastruttura limitata żżomm lil ħafna nies milli jixtru vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi; min-naħa l-oħra, ma nagħmlux progress rapidu biżżejjed fil-bini tal-infrastruttura minħabba l-biża' li nispiċċaw b'investiment mitluf. Dawn ir-regoli riveduti fuq firxa wiesgħa huma essenzjali biex tissolva din il-problema, peress li ser jiżguraw ċertezza legali, iżidu l-fiduċja tal-konsumaturi u jipprovdu sinjal ċar lill-industrija, lill-manifatturi tal-karozzi u lil partijiet ikkonċernati l-oħrajn. Jernej Vrtovec, Ministru għall-Infrastruttura tas-Slovenja u president tal-laqgħa tal-Kunsill

Matul id-dibattitu, il-ministri esprimew appoġġ wiesa' għall-objettivi u l-approċċ tal-proposta. Madankollu, ħafna ministri enfasizzaw li l-istess soluzzjoni mhix adatta għal kull kuntest u li tkun meħtieġa flessibbiltà biex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, bħad-daqs tas-superfiċje, id-densità tal-popolazzjoni u tat-traffiku u l-ġeografija. Għadd ta' ministri qiesu li għadhom qed jiġu żviluppati teknoloġiji mingħajr emissjonijiet, b'mod partikolari għal vetturi tqal tat-triq. Għaldaqstant ikun importanti li jiġi ssorveljat l-iżvilupp ta' teknoloġiji u swieq differenti biex naraw fejn is-soluzzjonijiet huma vijabbli u kosteffiċjenti. Ikunu meħtieġa miżuri u inċentivi li jakkumpanjawhom għal żvilupp inizjali mgħaġġel tas-suq, iżda dawn ma għandhomx ifixklu l-investiment privat.

Xi ministri semmew il-ħtieġa li nqisu l-interkonnessjonijiet mal-proposti l-oħrajn tal-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" u l-importanza li tiġi stabbilita ekosistema għat-trasformazzjoni lejn mobbiltà nadifa. Għadd ta' stati membri qalu li d-dispożizzjonijiet dwar ir-ritorn tal-vetturi fil-pakkett dwar il-Mobbiltà kienu kontradittorji għall-għanijiet klimatiċi u talbu lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tikkanċella din il-miżura.

Affarijiet oħra

Taħt affarijiet oħra, il-presidenza infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-proposti leġiżlattivi attwali.

Dwar regoli riveduti għall-użu ta' vetturi mikrija għat-trasport ta' merkanzija bit-triq, il-presidenza laħqet qbil proviżorju mal-Parlament Ewropew f'Ottubru. Qed tippjana li tippreżenta t-test għall-adozzjoni fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill ta' din is-sena.

Dwar ir-riforma tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru Ewropew magħrufa bħala l-Ajru Uniku Ewropew, il-presidenza kellha żewġ laqgħat ta' "trilogu" mal-Parlament Ewropew. F'dawk il-laqgħat sar xi progress, b'mod partikolari dwar kwistjonijiet tekniċi.

Barra minn hekk, il-korpi preparatorji tal-Kunsill qed jeżaminaw l-abbozz ta' deċiżjoni dwar l-implimentazzjoni tan-notifika ta' kumpens taħt l-Iskema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) għall-operaturi ta' inġenji tal-ajru bbażati fl-UE.

Id-delegazzjoni Belġjana esprimiet it-tħassib tagħha dwar xejriet ġodda fit-trasport tal-merkanzija bit-triq f'termini tal-għadd ta' attestazzjonijiet tas-sewwieqa għal sewwieqa minn pajjiżi terzi, li hija tqis bħala sfida għall-kondizzjonijiet soċjali u l-bidla modali.

Id-delegazzjoni Ċiprijotta, f'isem id-delegazzjoni Ċiprijotta, Bulgara, Estonjana, Griega, Ungeriża, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża u dik Slovakka, għarrfet lill-ministri dwar il-kwistjoni tal-konnettività bl-ajru. Appellat għal miżuri li jindirizzaw id-distakk fil-konnettività madwar l-UE li rriżulta mill-pandemija, biex jiġi ffaċilitat l-irkupru rapidu tas-settur u biex tiġi żgurata tranżizzjoni ekoloġika bla xkiel u ġusta għall-istati membri kollha.

Il-Kummissjoni aġġornat lill-ministri dwar il-kwistjonijiet tal-Formoli tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri u l-ħaddiema tat-trasport. Enfasizzat il-ħtieġa li l-istati membri jikkooperaw biex irażżnu t-tixrid tal-varjant il-ġdid tal-COVID-19. Enfasizzat ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-suq uniku, li titlob li r-rwol essenzjali tal-ħaddiema tat-trasport jiġi rikonoxxut u li jinżamm it-trattament speċjali tagħhom.

Barra minn hekk, il-presidenza Franċiża li jmiss ippreżentat il-programm ta' ħidma tagħha għall-ewwel nofs tal-2022.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 16 ta' Jannar 2025