Skip to content

Nikkonnettjaw l-infrastruttura tal-enerġija fl-UE

L-UE biħsiebha ssaħħaħ l-infrastruttura tal-enerġija u l-interkonnessjonijiet transfruntieri tagħha biex iżżid il-kompetittività u tilħaq l-għanijiet klimatiċi tagħha.

X'qed tagħmel l-UE biex issaħħaħ l-infrastruttura tal-enerġija

Sabiex it-tranżizzjoni ekoloġika ssir realtà, tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija tal-UE u tingħata għajnuna biex jiġu żgurati prezzijiet stabbli tal-enerġija, l-enerġija għandha tgħaddi faċilment bejn il-pajjiżi tal-UE permezz ta' networks tal-enerġija konnessi sew, b'mod partikolari l-grilji tal-elettriku.

L-UE qed tieħu azzjoni permezz tan-Networks Trans-Ewropej għall-Enerġija tagħha, qafas ta' politika li jappoġġa proġetti transfruntieri tal-enerġija. Il-qafas jindirizza wkoll ħtiġijiet emerġenti tal-enerġija billi jadotta leġiżlazzjoni ġdida bħall-pakkett dwar il-grilji Ewropej, u jiżgura finanzjament għal proġetti tal-enerġija permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

Illustrazzjoni ta' pilun tal-elettriku b'linji tal-elettriku, flimkien ma' network ekoloġiku ta' tikek konnessi li jirrappreżentaw grilja tal-enerġija, b'xemx ħadra ċara fl-isfond.

TEN-E: il-kurituri tal-enerġija tal-Ewropa

Mill-2013, l-UE kellha fis-seħħ qafas ta' politika msejjaħ Networks Trans-Ewropej tal-Enerġija (TEN-E), bl-għan li tiġi konnessa aħjar l-infrastruttura tal-enerġija tal-pajjiżi tal-UE.

F'dan il-qafas l-UE tiddeċiedi dwar il-kurituri u l-oqsma tematiċi prijoritarji u tappoġġa lista ta' proġetti transfruntieri għal dawn il-kurituri u l-oqsma.

Fir-regolament TEN-E attwali hemm 11-il kuritur ġeografiku prijoritarju u tliet oqsma tematiċi prijoritarji. Pereżempju, il-lista ta' kurituri prijoritarji tinkludi interkonnessjonijiet tal-elettriku mit-Tramuntana għan-Nofsinhar fil-Punent tal-Ewropa (NSI west electricity), interkonnessjonijiet tal-idroġenu fil-Lvant Ċentrali u fix-Xlokk tal-Ewropa (HI east), u grilji lil hinn mill-kosta tal-Atlantiku fit-Tramuntana tal-Oċean Atlantiku (Atlantic offshore). It-tliet oqsma tematiċi prijoritarji huma l-grilji intelliġenti tal-elettriku, il-grilji intelliġenti tal-gass u n-networks tas-CO2.

Proġetti TEN-E

Żewġ tipi ta' proġetti TEN-E jistgħu jiġu inklużi fil-lista tal-UE:

  • proġetti ta' interess komuni (PCI): proġetti ta' infrastruttura transfruntiera fl-istati membri tal-UE
  • proġetti ta' interess reċiproku (PMI): proġetti f'kooperazzjoni ma' pajjiżi barra mill-UE

Biex ikunu eliġibbli għall-inklużjoni, il-proġetti jridu jissodisfaw ċerti kriterji. Fost affarijiet oħra, dawn iridu jaqgħu f'kuritur jew qasam tematiku prijoritarju u jkollhom impatt sinifikanti fuq is-swieq tal-enerġija u l-integrazzjoni tas-suq.

Il-proġetti tat-TEN-E jistgħu jibbenefikaw minn finanzjament tal-UE u vantaġġi oħra, bħal permessi mħaffa u viżibbiltà akbar għall-investituri.

Eżempji ta' proġetti tat-TEN-E

Bħalissa hemm aktar minn 200 proġett transfruntier fil-lista tal-UE ta' proġetti tat-TEN-E. Kważi nofshom huma proġetti tal-elettriku, ta' grilji tal-elettriku lil hinn mill-kosta u ta' grilji intelliġenti. Il-mappa ta' hawn taħt turi xi eżempji ta' dawn il-proġetti.

Verżjoni testwali

Mappa tal-Ewropa b'eżempji ta' proġetti tat-TEN-E:

  • Interkonnettur Ċeltiku: interkonnessjoni bejn l-Irlanda u Franza, bħalissa fi stadju ta' kostruzzjoni, tlestija mistennija fl-2028, kuritur/qasam prijoritarju: NSI west electricity
  • Sacoi 3: interkonnessjoni bejn l-Italja kontinentali, Korsika u Sardenja, bħalissa fi stadju ta' kostruzzjoni, tlestija mistennija fl-2029, kuritur/qasam prijoritarju: NSI west electricity
  • Estlink 3: interkonnessjoni bejn il-Finlandja u l-Estonja, ippjanat, tlestija mistennija fl-2035, kuritur/qasam prijoritarju: BEMIP electricity
  • H2Med/CelZa: pipeline tal-idroġenu bejn il-Portugall u Spanja, proċessi għall-ħruġ tal-permessi għaddejjin, tlestija mistennija fl-2030, kuritur/qasam prijoritarju: HI west
  • Kuritur Delta Rhine: pipeline għat-trasport tas-CO2 mill-Ġermanja, in-Netherlands u potenzjalment il-Belġju għall-infrastruttura tal-ħżin lil hinn mill-kosta Netherlandiża, ippjanat, tlestija mistennija fl-2030, kuritur/qasam prijoritarju: networks tas-CO2
  • Pipeline EastMed: pipeline tal-gass mir-riżervi tal-gass tal-Lvant tal-Mediterran lejn il-Greċja permezz ta' Ċipru u Kreta, proċessi għall-ħruġ tal-permessi għaddejjin, tlestija mistennija fl-2028, kuritur/qasam prijoritarju: proġett ta' interess komuni eqdem (deroga tal-Artikolu 24)
  • Carmen: titjib tal-grilja tal-elettriku fir-Rumanija u l-Bulgarija b'teknoloġiji intelliġenti, proċessi għall-ħruġ tal-permessi għaddejjin, tlestija mistennija fl-2030, kuritur/qasam prijoritarju: grilji intelliġenti tal-elettriku

Pakkett dwar il-grilji Ewropej

Konnessjonijiet transfruntieri aħjar, flimkien ma' infrastruttura tal-enerġija reżiljenti u effiċjenti, huma kruċjali biex l-UE ssir aktar awtonoma, taċċellera l-elettrifikazzjoni u tnaqqas il-prezzijiet tal-enerġija għall-Ewropej. Fl-istess ħin, l-UE qed tiffaċċa kapaċità insuffiċjenti tal-grilja biex twieġeb għad-domanda dejjem tikber għal elettriku (nadif), dewmien frekwenti fi proġetti ta' infrastruttura, u theddid ġdid għas-sigurtà.

Bi tweġiba għal dawn l-isfidi, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-pakkett dwar il-grilji Ewropej, sett ta' proposti biex tiġi aġġornata l-leġiżlazzjoni tal-UE relatata mal-grilji tal-enerġija.

Il-pakkett dwar il-grilji jinkludi żewġ proposti leġiżlattivi:

  • reviżjoni tar-regolament TEN-E
  • direttiva biex jitħaffu l-proċessi għall-ħruġ tal-permessi

L-għanijiet tar-reviżjoni tar-regolament TEN-E huma tlieta.

ippjanar imtejjeb tal-infrastruttura transfruntiera

proċeduri iqsar għall-ħruġ ta' permessi għal proġetti ta' infrastruttura transfruntiera

infrastruttura tal-enerġija aktar reżiljenti u protetta aħjar

It-tieni parti tal-pakkett, id-direttiva biex jitħaffu l-proċessi għall-ħruġ tal-permessi, ser temenda r-regoli dwar il-ħruġ tal-permessi fi tliet direttivi eżistenti:

  • id-direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli
  • id-direttiva dwar is-suq tal-elettriku
  • id-direttiva dwar is-suq tal-gass

L-istati membri tal-UE bħalissa qed jiddiskutu ż-żewġ proposti fil-Kunsill bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwarhom malajr kemm jista' jkun. Ser ikollhom jaqblu dwar pożizzjoni komuni (approċċ ġenerali) qabel ma jkunu jistgħu jibdew in-negozjati mal-Parlament Ewropew.

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-Enerġija (FNE għall-Enerġija) hija l-programm tal-UE li jiżgura finanzjament għall-implimentazzjoni tal-qafas ta' politika tat-TEN-E. B'dan il-finanzjament, l-UE tappoġġa investimenti f'infrastruttura tal-enerġija transfruntiera ġdida u eżistenti.

Għall-perjodu 2021-2027 ġie allokat baġit ta' €5.84 biljun biex jgħin fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u biex titlesta l-unjoni tal-enerġija, u b'hekk is-sistemi tal-enerġija tal-UE jsiru aktar interkonnessi, aktar intelliġenti u aktar diġitalizzati. L-enfasi hija fuq proġetti transfruntieri tal-enerġija rinnovabbli, l-interoperabbiltà tan-networks u integrazzjoni aħjar tas-suq intern tal-enerġija.

Programm 2028-2034

Bħalissa l-UE qed tistabbilixxi l-prijoritajiet għall-programm 2028-2034. F'Diċembru 2025 il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali parzjali dwar l-aspetti operazzjonali tal-programm. Il-baġit u xi dispożizzjonijiet oħra għad iridu jiġu deċiżi, skont l-eżitu tad-diskussjonijiet dwar il-baġit fit-tul il-ġdid tal-UE, il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP).

Il-Kummissjoni pproponiet żieda ta' ħames darbiet aktar fil-baġit tal-FNE għall-Enerġija għall-perjodu 2028-2034, minn €5.8 biljun għal €29.91 biljun. Ipproponiet ukoll li l-proġetti tal-grilja domestika jsiru eliġibbli għall-finanzjament skont il-pjanijiet ta' sħubija nazzjonali u reġjonali u l-Fond Ewropew għall-Kompetittività.

Il-Kunsill biħsiebu jżomm l-istruttura attwali tal-FNE iżda jipprovdi wkoll aktar flessibbiltà biex il-prijoritajiet ta' investiment ikunu jistgħu jiġu adattati għall-kuntest ġeopolitiku l-ġdid tal-Ewropa, u għall-ħtieġa li jissaħħu n-networks kritiċi u jiġu integrati ishma dejjem akbar ta' enerġija rinnovabbli.

Ara wkoll

Illustrazzjoni ta' żewġ turbini eoliċi moderni quddiem forom astratti.
Kif l-UE qed tekoloġizza l-enerġija

Kif l-UE qed tekoloġizza l-enerġija

L-infografika tispjega minn liema sorsi l-elettriku jiġi prodott fl-UE u kif jiġi stabbilit il-prezz tiegħu.
Kif jiġi prodott u mibjugħ l-elettriku tal-UE?

Kif jiġi prodott u mibjugħ l-elettriku tal-UE?

Collage ta' graph b'linja ħadra b'ikoni tal-enerġija u prezzijiet differenti u bozza li fiha munita ta' euro, li tissimbolizza l-ispejjeż tal-elettriku li qed jinbidlu.
Riforma tas-suq tal-elettriku

Riforma tas-suq tal-elettriku

L-aħħar reviżjoni: 10 ta' April 2026