Riformi interni tal-UE
Jeħtieġ li l-UE taħdem fuq riformi relatati mal-valuri, il-politiki, il-baġit u l-governanza biex tadatta għall-futur u biex tħejji għal unjoni mkabbra.
Għaliex l-UE teħtieġ riformi interni?
L-UE qed tiffaċċa realtà ġeopolitika ġdida, xenarju ta' sigurtà mibdul, u sfidi dejjem aktar kumplessi. Dan jinkludi t-tisħiħ tal-kompetittività tal-ekonomiji tagħna u l-iżgurar li ċ-ċittadini jibbenefikaw mit-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali.
Biex l-UE ssir aktar sovrana, kompetittiva u sigura, filwaqt li tħejji wkoll għal aktar tkabbir, jeħtieġ li l-UE taħdem fuq riformi interni. Għal dan l-għan, f'Ġunju 2024 il-Kunsill Ewropew issottolinja l-ħtieġa li tiġi stabbilita l-bażi meħtieġa u jiġu indirizzati kwistjonijiet ewlenin relatati mal-prijoritajiet, il-politiki u l-kapaċità li tittieħed azzjoni.
Il-proċess ta' riformi interni għandu jimxi b'mod parallel mal-proċess ta' tkabbir, peress li kemm l-UE kif ukoll l-istati membri futuri jridu jkunu lesti fil-mument tal-adeżjoni.
Fuq xiex jiffukaw ir-riformi interni?
Il-ħidma fuq ir-riformi interni tiffoka fuq erbat oqsma:
- valuri
- politiki
- baġit
- governanza
Fil-Kunsill, id-diskussjonijiet dwar riformi futuri f'dawn l-oqsma bdew f'Ġunju 2023, taħt il-presidenza Żvediża tal-Kunsill. Id-diskussjonijiet komplew taħt il-presidenza Spanjola, Belġjana, Ungeriża u dik Pollakka tal-Kunsill.
Valuri
L-UE hija msejsa fuq il-valuri ta': dinjità umana, libertà, demokrazija, ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.
Ir-rispett għal dawn il-valuri, b'mod partikolari l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, huwa essenzjali għall-funzjonament proprju tal-UE u għandu jiġi rrispettat kemm mill-UE kif ukoll mill-istati membri aspiranti. Dan japplika madwar l-UE u tul il-perkors kollu tat-tkabbir: qabel ma jissieħeb, fil-mument tal-adeżjoni u bħala stat membru.
Fil-Kunsill, id-diskussjonijiet inizjali dwar ir-riformi relatati mal-valuri s'issa inkludew:
- ottimizzazzjoni tas-sett ta' għodod tal-UE dwar l-istat tad-dritt
- miżuri ta' kundizzjonalità bħala l-aktar għodda effettiva, bil-possibbiltà li l-proċeduri jsiru aktar trasparenti u soġġetti għal kriterji aktar ċari
- opzjonijiet biex l-elementi ta' kundizzjonalità jiġu inkorporati fil-programmi ta' finanzjament tal-UE
- involviment tal-pajjiżi kandidati fid-djalogu annwali dwar l-istat tad-dritt
- appoġġ għas-soċjetà ċivili fiż-żamma u l-monitoraġġ tal-istat tad-dritt
Politiki
Sabiex jiġu żgurati fit-tul il-kompetittività, il-prosperità u t-tmexxija tal-UE fix-xena globali u biex tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha, il-politiki rilevanti kollha tal-UE jridu jiġu rieżaminati, inkluż dawk li x'aktarx jiġu affettwati mit-tkabbir.
Sal-lum, il-Kunsill ilu jaħdem fuq politiki identifikati bħala oqsma ta' prijorità, b'mod partikolari l-kompetittività u s-suq uniku, il-politika agrikola komuni (PAK), il-politika ta' koeżjoni, id-difiża u s-sigurtà Ewropea u l-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja.
Baġit
Il-baġit futur tal-UE ser ikollu rwol ewlieni biex jgħin biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni u sfidi emerġenti u biex jiġi żgurat li l-politiki jiġu ffinanzjati b'mod sostenibbli. F'dan il-kuntest, il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), il-baġit fit-tul tal-UE, huwa partikolarment importanti, speċjalment il-QFP 2028-2034 li jmiss.
Governanza
Jeħtieġ li l-UE żżomm u ttejjeb il-kapaċità tagħha li taġixxi u li tiżgura l-funzjonament effettiv tal-istituzzjonijiet tagħha.
Fil-Kunsill, id-diskussjonijiet inizjali dwar ir-riformi relatati mal-governanza ffukaw fuq l-esplorazzjoni tal-potenzjal u l-flessibbiltà sħaħ tat-trattati tal-UE.
Għal dan l-għan, ġew identifikati diversi kwistjonijiet li jistħoqqilhom attenzjoni speċjali, b'mod partikolari:
- il-faċilitazzjoni tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-Kunsill
- L-użu ta' flessibbiltajiet oħra skont it-trattati tal-UE bħall-mekkaniżmi li jippermettu lil xi stati membri jikkooperaw aktar mill-qrib f'każijiet speċifiċi
Kwistjonijiet oħra li ġew identifikati huma:
- il-ħtieġa li jiġu ssimplifikati ċerti regoli tal-UE biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-UE
- il-governanza tal-UE f'sens usa', li tkopri l-isforzi ta' riforma mmirati lejn it-titjib tal-metodi ta' ħidma u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-UE
Pjan direzzjonali għal ħidma futura fuq riformi interni
Il-proċess biex l-UE tkun adatta għall-futur ġie indirizzat għall-ewwel darba mill-mexxejja tal-UE fis-summit informali tal-UE fi Granada fis-6 ta' Ottubru 2023, u ġie żviluppat aktar fil-laqgħat sussegwenti tal-Kunsill Ewropew. Il-Kunsill u l-Kummissjoni ħadmu wkoll fuq din il-kwistjoni. F'dan il-kuntest, erba' dokumenti huma rilevanti:
- Id-dikjarazzjoni ta' Granada, 6 ta' Ottubru 2023
- Il-futur tal-Ewropa: rapport ta' progress mill-presidenza Spanjola tal-Kunsill, 7 ta' Diċembru 2023
- Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-riformi ta' qabel it-tkabbir u r-rieżami tal-politika, 20 ta' Marzu 2024
- Il-futur tal-Ewropa: rapport ta' progress mill-presidenza Belġjana tal-Kunsill, 10 ta' Ġunju 2024
Filwaqt li jibnu fuq dan ta' hawn fuq, f'Ġunju 2024 il-mexxejja tal-UE stabbilew pjan direzzjonali għal ħidma futura fuq riformi interni u stiednu lill-Kummissjoni tippreżenta rieżamijiet fil-fond tal-politika b'elementi operazzjonali dwar l-erba' linji ta' ħidma li ġejjin: il-valuri, il-politiki, il-baġit u l-governanza tal-UE.
Il-mexxejja appellaw ukoll lill-Kunsill biex imexxi 'l quddiem il-ħidma u jippreżenta rapport ta' segwitu li jirrifletti l-erba' linji ta' ħidma. Il-ħidma fuq ir-riformi interni bħalissa qed issir fil-Kunsill, f'konformità mal-erba' linji ta' ħidma tal-pjan direzzjonali.
L-aħħar reviżjoni: 27 ta' Ġunju 2025