Skip to content

It-tisħiħ tal-mobbiltà militari fl-UE

L-UE qed iżżid l-isforzi tagħha biex tneħħi l-ostakli regolatorji, infrastrutturali u ta' kapaċità li jxekklu l-movimenti militari transfruntieri b'reazzjoni għal theddid u sfidi serji għas-sigurtà. Dan ser jgħin ukoll biex tiżdied il-prontezza tad-difiża tal-UE.

Il-pakkett tal-2025 dwar il-mobbiltà militari

F'Novembru 2025, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ppreżentaw pakkett ġdid tal-UE dwar il-mobbiltà militari, magħmul minn proposta għal regolament li jistabbilixxi qafas ta' miżuri biex jiġi ffaċilitat it-trasport militari madwar l-UE u komunikazzjoni konġunta.

L-għan huwa li tissaħħaħ il-kapaċità tal-istati membri li jċaqilqu l-forzi armati tagħhom mingħajr xkiel, b'veloċità u fuq skala kbira madwar l-UE u lil hinn minnha.

Il-pakkett fih miżuri biex:

  • jiġu armonizzati l-proċeduri tal-permessi u jonqsu l-ostakli regolatorji permezz tad-diġitalizzazzjoni
  • tiġi stabbilita sistema ta' rispons imsaħħaħ għall-mobbiltà militari Ewropea (EMMERS) għal trasport militari fuq skala kbira u aċċellerat f'ċirkostanzi eċċezzjonali
  • isir titjib fl-infrastruttura tat-trasport b'użu doppju u tissaħħaħ il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika għat-trasport militari
  • tittejjeb id-disponibbiltà tal-mezzi tat-trasport permezz ta' riżerva ta' solidarjetà għall-mobbiltà militari
  • tissaħħaħ il-koordinazzjoni dwar il-mobbiltà militari, fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali

Fis-17 ta' Ġunju 2026, ir-rappreżentanti tal-istati membri qablu dwar il-mandat tal-Kunsill għal negozjati mal-Parlament Ewropew dwar ir-regolament dwar il-mobbiltà militari. L-enfasi tal-Kunsill hija fuq it-titjib tal-flessibbiltà għall-istati membri, is-simplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-forzi armati jkunu jistgħu jimplimentawhom b'mod effettiv, u l-inkorporazzjoni tal-għarfien espert militari.

Fil-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew fit-18 u d-19 ta' Ġunju, il-mexxejja tal-UE appellaw lill-koleġiżlaturi biex jaqblu dwar il-proposta dwar il-mobbiltà militari sa tmiem l-2026.

Il-mobbiltà militari fl-azzjoni

Mill-2021, l-UE bidlet l-ambizzjonijiet tal-mobbiltà militari tagħha f'investimenti konkreti fl-infrastruttura.

B'baġit ta' €1.74 biljun, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2021-2027 iffinanzjat proġetti biex tadatta n-networks tat-trasport eżistenti biex jaqdu kemm il-ħtiġijiet ċivili kif ukoll dawk militari. Dan jiżgura li t-toroq, il-linji ferrovjarji, il-portijiet u l-ajruporti madwar il-kontinent ikunu jistgħu jilqgħu għad-domandi tal-loġistika militari moderna.

L-aggressjoni fuq skala sħiħa tar-Russja kontra l-Ukrajna fi Frar 2022 żiedet l-urġenza ta' din il-ħidma. L-istati membri wieġbu billi aċċelleraw il-proċess ta' investiment, filwaqt li allokaw il-baġit kollu permezz ta' tliet sejħiet għal proposti bejn l-2021 u l-2023.

Sal-lum, il-programm ta' mobbiltà militari tal-UE kkofinanzja 95 proġett madwar 21 stat membru.

Il-proġetti ffinanzjati jindirizzaw konġestjonijiet kritiċi fil-modi kollha tat-trasport. L-oqsma ewlenin fil-mira għall-investiment jinkludu:

  • pontijiet li ma jifilħux vetturi militari tqal, li l-kapaċità tagħhom li jġorru aktar piż jeħtieġ li titjieb
  • inkompatibbiltà tal-wisa' tal-binarji fil-fruntieri
  • portijiet u ajruporti li ma għandhomx faċilitajiet ta' grad militari
  • segmenti tat-toroq b'għoli insuffiċjenti għal merkanzija militari ta' daqs eċċessiv

Għaliex il-mobbiltà militari hija importanti

Il-mobbiltà militari hija pedament tal-isforzi tal-Unjoni Ewropea biex issaħħaħ il-prontezza tad-difiża u s-sigurtà kollettiva. Hija l-kapaċità tal-forzi armati u t-tagħmir tagħhom li jiċċaqalqu malajr, b'mod sikur u mingħajr xkiel fit-territorju kollu tal-UE.

Il-mobbiltà militari ġiet identifikata bħala kapaċità ta' prijorità fil-White Paper tal-2025 dwar il-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030. Il-white paper tiddeskrivi l-approċċ il-ġdid tal-UE għal kwistjonijiet industrijali tad-difiża, filwaqt li tidentifika l-ħtiġijiet ta' investiment u tistabbilixxi objettivi biex tiġi żgurata l-prontezza tad-difiża fit-tul tal-Ewropa.

Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-6 ta' Marzu 2025, il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern identifikaw il-mobbiltà militari bħala qasam ta' prijorità għal azzjoni fil-livell tal-UE.

Il-mobbiltà militari effettiva tirfed il-kapaċità tal-UE li tiskoraġġixxi t-theddid, tirrispondi malajr għall-kriżijiet, iżżomm lill-Unjoni sigura u tipproteġi liċ-ċittadini tagħha. Billi tippermetti lill-forzi u lit-tagħmir jiċċaqalqu bejn il-fruntieri aktar malajr, issaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni mas-sħab u tappoġġa l-objettivi usa' tas-sigurtà u tad-difiża tal-UE.

Ara wkoll

Prontezza tad-difiża Ewropea

Prontezza tad-difiża Ewropea

Diversi pinnijiet tal-pożizzjoni mqiegħda f'mappa tal-Ewropa, b'rotot iserrpu bejn il-pinnijiet u ajruplan, ferrovija u lanċa tal-passiġġieri sovrapposti fit-truf.
Trasport konness aħjar

Trasport konness aħjar

Żewġ individwi bilqiegħda ma' skrivanija, it-tnejn imdawrin b'diversi skrins tal-kompjuter li juru diversi viżwalizzazzjonijiet tad-data.
Finanzjament tal-UE għad-difiża

Finanzjament tal-UE għad-difiża

L-aħħar reviżjoni: 1 ta' Lulju 2026