"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Trasport konness aħjar

L-UE timmira li ttejjeb il-konnessjonijiet tat-trasport bejn il-pajjiżi billi tiffinanzja l-infrastruttura, tinkoraġġixxi vjaġġar aktar ekoloġiku u tiżgura li sistemi differenti jaħdmu tajjeb flimkien.

Għaliex l-interkonnettività hija importanti?

Is-settur tat-trasport jikkontribwixxi madwar 5% għall-PDG tal-UE u jimpjega aktar minn 10 miljun persuna fl-Ewropa. Konnessjonijiet bla xkiel bejn diversi modi ta' trasport ifissru ħinijiet tal-ivvjaġġar iqsar, inqas diffikultajiet għall-passiġġieri (eż. bis-saħħa ta' xiri aktar faċli ta' biljetti intermodali), kostijiet aktar baxxi kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija u emissjonijiet tas-CO2 aktar baxxi.

Network trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T)

In-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T), imniedi fl-1996, tfassal bl-għan li jiġu stabbiliti kriterji għal proġetti transfruntiera li jwasslu għall-konnettività trans-Ewropea.

Il-linji gwida attwali tat-TEN-T ġew aġġornati diversi drabi, bl-aħħar reviżjoni li tmur lura għal Ġunju 2024, meta l-Kunsill adotta reviżjoni tar-regolament dwar il-linji gwida tal-UE għall-iżvilupp tan-network TEN-T.

Il-leġiżlazzjoni l-ġdida timmira li tibni network tat-trasport affidabbli, bla xkiel u ta' kwalità għolja li jiżgura konnettività sostenibbli madwar l-Ewropa mingħajr interruzzjonijiet fiżiċi jew konġestjonijiet. In-network TEN-T bi tliet saffi ser jiġi żviluppat jew aġġornat pass pass mar-regolament il-ġdid li jistabbilixxi skadenzi ċari għat-tlestija. Dawk l-iskadenzi huma:

  • in-network ewlieni għandu jitlesta sal-2030
  • in-network ewlieni estiż il-ġdid għandu jitlesta sal-2040
  • in-network sħiħ għandu jitlesta sal-2050
Collage li fih ferroviji, toroq, vapur u ajruplan bl-Ewropa bħala sfond.

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) hija programm ta' finanzjament tal-UE mfassal biex itejjeb l-infrastruttura madwar il-kontinent. L-inizjattiva timmira li tappoġġa l-investimenti f'infrastruttura sostenibbli u bi prestazzjoni għolja fis-setturi tat-trasport, diġitali u dawk tal-enerġija, u b'hekk issaħħaħ is-suq intern tal-UE u tippromwovi t-tkabbir ekonomiku.

F'Ġunju 2021, il-Kunsill adotta t-tieni edizzjoni ta' dan il-programm, magħruf bħala FNE 2.0, li talloka aktar minn €33 biljun għall-perjodu 2021–2027.

Porzjon sinifikanti (aktar minn 75%) tal-baġit tal-FNE 2.0 huwa ddedikat għas-settur tat-trasport, b'enfasi fuq l-immodernizzar u l-konnessjoni ta' modi differenti ta' trasport, inkluż ir-rotot ferrovjarji, tat-toroq, tal-passaġġi fuq l-ilma interni u tal-baħar.

Lil hinn mit-trasport, il-FNE 2.0 tiffinanzja wkoll proġetti fis-setturi diġitali u tal-enerġija, bl-għan li tinbena Ewropa konnessa aħjar u sostenibbli billi tavvanza t-tranżizzjoni ekoloġika, issaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija u ttejjeb il-konnettività diġitali għal kulħadd.

Fil-15 ta' Diċembru 2025 il-Kunsill laħaq qbil dwar approċċ ġenerali parzjali fuq id-dispożizzjonijiet operazzjonali tar-regolament propost li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-perjodu 2028–2034 (FNE-III). Il-proposta hija parti mill-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss.

Sistemi ta' trasport intelliġenti

Il-Kunsill adotta qafas ġdid għall-introduzzjoni ta' sistemi tat-trasport intelliġenti biex titħaffef it-tranżizzjoni diġitali u l-mobbiltà aktar intelliġenti fl-UE. Ir-regoli l-ġodda huma parti mill-istrateġija tal-Kummissjoni għal mobbiltà sostenibbli u intelliġenti.

Sistemi ta' trasport intelliġenti (ITS), bħall-pjanifikaturi tal-vjaġġi, l-eCall u l-karozzi awtomatizzati, jirrevoluzzjonaw il-mod kif in-nies jiċċaqalqu minn post għall-ieħor billi jiffrankaw il-ħin, inaqqsu l-emissjonijiet u l-konġestjonijiet, u jissimplifikaw l-ippjanar tal-vjaġġi.

Id-direttiva ITS riveduta, adottata mill-Kunsill f'Ottubru 2023, għandha l-għan li tħaffef id-disponibbiltà u ttejjeb l-interoperabbiltà tad-data diġitali li talimenta s-servizzi tal-ITS, bħall-pjanifikaturi tal-vjaġġi multimodali u servizzi ta' navigazzjoni. Dan ser jippermetti lill-vetturi u lill-infrastruttura tat-toroq jikkomunikaw ma' xulxin, pereżempju biex jipprovdu twissijiet dwar avvenimenti mhux mistennija, bħal konġestjoni tat-traffiku.

Roundabout fejn il-vetturi huma mmarkati bil-kulur biex juru kif huma konnessi.

Il-politika tat-trasport skont il-mod

Tgħallem aktar dwar x'tagħmel l-UE fir-rigward tat-trasport bl-ajru, bil-ferrovija, bit-triq u dak marittimu.

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Diċembru 2025