- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 30 ta' Ġunju 2015 16:30
Sistemi ta' approvazzjoni ġodda għall-interoperabbiltà u s-sikurezza ferrovjarja: Il-Coreper jagħti l-approvazzjoni tiegħu
Fit-30 ta’ Ġunju 2015, il-Kunsill ikkonferma ftehim li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew dwar proċeduri aktar mgħaġġla u ta' anqas piż għall-awtorizzazzjoni ta' vetturi u taċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza għall-ferroviji Ewropej. L-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA) ser ikollha rwol ewlieni f’dan. Flimkien, id-direttivi aġġornati dwar l-interoperabbiltà u s-sikurezza kif ukoll ir-regolament ERA jiffurmaw il-pilastru tekniku tar-raba ' pakkett ferrovjarju.
“Li nikkonkludu ftehim dwar il-pilastru tekniku kien l-ewwel prijorità tal-presidenza Latvjana fil-qasam tat-trasport - u flimkien mal-partijiet kollha involuti ksibnieha'', qal Anrijs Matīss, il-Ministru Latvjan għat-trasport. ''Ir-riforma hija rispons għal talbiet mis-settur ferrovjarju Ewropew, li għandu rwol sostanzjali fl-ekonomija tal-UE u jgħin biex it-trasport isir aktar ekoloġiku. Il-ftehim ser inaqqas l-ispejjeż u l-burokrazija, u b'hekk ser jgħin settur li bħalissa qed jaffaċċja kompetizzjoni internazzjonali li qed tikber. Sistema effettiva għandha wkoll tikkontribwixxi għall-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa.''
Rwol akbar għall-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea
Ir-riforma ser tagħti lill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea rwol akbar fiċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza tal-operaturi ferrovjarji u l-awtorizzazzjoni tal-vetturi ferrovjarji. S’issa, meta manifattur ta' vetturi ferrovjarji xtaq ipoġġi vettura ġdida fis-suq f’diversi pajjiżi tal-UE, kellu jressaq applikazzjonijiet separati mal-awtoritajiet ta’ kull wieħed minn dawn il-pajjiżi. Is-sitwazzjoni kienet l-istess għall-operaturi ferrovjarji li jixtiequ jipprovdu servizzi f’diversi stati membri, peress li jeħtieġu ċertifikat li jagħti prova li s-sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza tagħhom hija konformi u huma kapaċi joperaw b’mod sikur.
Ir-regoli l-ġodda ser jeliminaw il-ħtieġa ta' applikazzjonijiet multipli. L-ERA ser toħroġ l-awtorizzazzjonijiet kollha għal vetturi maħsuba għal operazzjonijiet transkonfinali u ċ-ċertifikati tas-sikurezza kollha lill-kumpanniji ferrovjarji li joperaw servizzi transkonfinali. L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza xorta ser jibqgħalhom rwol importanti fit-twettiq tal-valutazzjonijiet meħtieġa.
Għall-vetturi u l-operaturi involuti fit-trasport nazzjonali biss, l-applikant ser ikun jista’ jagħżel jekk l-applikazzjoni tiegħu tiġix ipproċessata u l-awtorizzazzjoni maħruġa mill-Aġenzija jew mill-awtorità nazzjonali.
L-ERA għandu jkollha wkoll rwol akbar fl-iżvilupp tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS). Hija ser tivvaluta s-soluzzjonijiet tekniċi previsti qabel ma tinħareġ kwalunkwe sejħa għall-offerti relatata għat-tagħmir maġenb il-binarji tal-ERTMS, biex jiġi żgurat li l-proġetti żviluppati huma interoperabbli.
L-ERA ser tieħu f'idejha l-kompiti ta’ ċertifikazzjoni u awtorizzazzjoni tagħha fi żmien tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. L-istati membri ser ikollhom sena addizzjonali biex ikomplu bis-sistema attwali jekk iqisu li dan ikun meħtieġ. F'dak il-każ, ikollhom jinfurmaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom u jipprovdu ġustifikazzjoni.
Proċeduri faċli u konsistenti
Biex il-proċeduri jkunu faċli u trasparenti, l-ERA ser tistabbilixxi sistema ta’ informazzjoni u komunikazzjoni li ser jaġixxu bħala punt ta’ entrata waħda għall-applikazzjonijiet kollha. F’każijiet fejn iż-żona ta' operazzjoni tkun limitata għal stat membru wieħed, l-applikant ser juża s-sistema biex jagħżel l-awtorità li huwa jixtieq li tipproċessa l-applikazzjoni.
Dan il-''punt uniku ta' servizz'' ser jippermetti kemm lill-Aġenzija kif ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza biex isegwu l-istadji differenti tal-applikazzjoni matul il-proċedura. L-ERA u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza ser jikkonkludu wkoll ftehimiet ta’ kooperazzjoni. Il-punt uniku ta’ servizz u l-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ser jiggarantixxi distribuzzjoni ċara tal-kompiti bejn l-ERA u l-awtoritajiet nazzjonali. Ser jiżguraw ukoll il-konsistenza f’każ ta’ applikazzjonijiet differenti għal awtorizzazzjonijiet jew ċertifikazzjonijiet simili. Is-sistema ta’ punt uniku ta’ servizz għandha tiġi stabbilita fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ tar-regolament.
Lejn żona ferrovjarja unika Ewropea
Din is-sistema ta' awtorizzazzjoni u ċertifikazzjoni aktar iċċentralizzata tqarreb lill-Ewropa lejn żona ferrovjarja unika Ewropea. Hija mistennija li żżid l-ekonomiji ta’ skala għall-impriżi u l-manifatturi ferrovjarji mal-UE kollha. Hija ser tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi u tħaffef il-proċeduri, waqt li jinżamm il-livell għoli attwali ta' sikurezza. Fl-istess ħin din ser tgħin biex tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni moħbija, b’mod partikolari kontra kumpaniji ġodda li jixtiequ jidħlu f’suq ferrovjarju.
Ir-regolament il-ġdid ser iwassal ukoll għal tnaqqis sinifikanti fir-regoli nazzjonali f’oqsma fejn qed tiġi introdotta regolamentazzjoni armonizzata fil-livell tal-UE.
Il-pilastru tekniku jistabbilixxi wkoll qafas ta’ koordinazzjoni għal korpi nazzjonali ta’ investigazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jinżamm il-livell għoli ta' indipendenza tagħhom. Ġew introdotti elementi ġodda ta' ''kultura ġusta'': pereżempju, il-Kummissjoni tingħata l-kompitu li tanalizza dan l-approċċ fir-rigward ta' proposti futuri.
Miżuri oħra tal-pakkett ferrovjarju li għadhom qed jiġu diskussi
Ir-raba’ pakkett ferrovjarju jinkludi wkoll pilastru tas-suq, bi proposti biex jiġu liberalizzati s-servizzi domestiċi tal-passiġġieri ferrovjarji u li tissaħħaħ il-governanza tal-maniġers tal-infrastruttura. Il-presidenza li jmiss tal-Lussemburgu għandha l-għan li tilħaq approċċ ġenerali dwar iż-żewġ proposti li fadal f’Ottubru. Approċċ ġenerali dwar il-proposta dwar in-normalizzazzjoni tal-kontijiet kien diġà ġie adottat f’Diċembru 2014.
Kuntatti għall-istampa
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024