"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Proposti tekniċi

Fil-qosor

L-hekk imsejjaħ 'pilastru tekniku' tar-raba' pakkett ferrovjarju jkopri l-aġġornamenti għal tliet partijiet importanti tal-leġislazzjoni eżistenti. L-għan ta' dawn il-bidliet hu li jnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi għall-operaturi ferrovjarji u li jagħmluha aktar faċli għal operaturi ġodda biex jidħlu fis-suq ferrovjarju. Waħda mill-bidliet ewlenin tikkonċerna l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA). Bħalissa, din għandha rwol importanti fil-promozzjoni tal-interoperabbiltà u l-armonizzazzjoni tal-istandards tekniċi għas-suq kollu tal-UE. Madankollu, ir-regoli nazzjonali tekniċi u dwar is-sikurezza jimxu flimkien ma' dawk tal-UE abbozzati mill-ERA, u dan joħloq kumplessità bla bżonn għall-operaturi ferrovjarji. Ir-reviżjonijiet proposti jagħmlu lill-ERA il-korp esklużiv responsabbli għall-ħruġ ta' awtorizzazzjonijiet tal-vetturi u ċ-ċertifikati ta' sikurezza fl-UE kollha.

Flimkien mal-bidliet fir-responsabbiltajiet tal-ERA, ir-raba' pakkett ferrovjarju jinkludi wkoll aġġornamenti għal leġislazzjoni eżistenti dwar l-interoperabbiltà u s-sikurezza ferrovjarja. Dawn il-bidliet għandhom l-għan li jneħħu l-ostakli amministrattivi u tekniċi li għad fadal għall-ħolqien ta' żona ferrovjarja unika Ewropea.

Fid-dettall

1. Proposta dwar l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea - 2013/0014 (COD)

Il-proċeduri ta' awtorizzazzjoni għal vetturi ferrovjarji ġodda attwalment jistgħu jieħdu sa sentejn u jiswew sa €6 miljun. L-operaturi ferrovjarji jridu wkoll iħallsu lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza l-ispejjeż għall-proċess ta' approvazzjoni.

Minħabba hekk, ikun diffiċli għal operaturi ġodda u manifatturi ta' vetturi ġodda li jidħlu fis-suq.

Bħalissa l-ERA hi responsabbli mill-abbozzar ta' speċifikazzjonijiet tekniċi tal-UE għall-interoperabbiltà (TSIs) u biex tipproponi metodi u miri dwar sikurezza għas-sikurezza ferrovjarja. Madankollu, għalkemm hemm standards armonizzati, l-awtorizzazzjonijiet ferrovjarji u ċ-ċertifikati ta' sikurezza għadhom qed jinħarġu mill-istati membri.

Taħt il-bidliet proposti, l-ERA jkollha r-responsabbiltà esklużiva għall-ħruġ ta' awtorizzazzjonijiet għal vetturi ferrovjarji, ċertifikati ta' sikurezza għall-operaturi ferrovjarji u awtorizzazzjonijiet ta' sistemi tal-kmand tal-kontroll u s-sinjalazzjoni maġenb il-binarji. Ikollha wkoll kompiti ġoddaoħrajn, li jinkludu:

  • il-monitoraġġ tar-regoli ferrovjarji nazzjonali u l-prestazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali fl-oqsma tal-interoperabbiltà u s-sikurezza ferrovjarja
  • l-għoti ta' appoġġ tekniku indipendenti u oġġettiv, l-aktar lill-Kummissjoni Ewropea
  • rwol akbar fl-iżgurar tal-iżvilupp konsistenti u l-użu bla dewmien ta' applikazzjonijiet telematiċi
  • rwol aktar importanti fl-iżgurar tal-iżvilupp konsistenti tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS)

Il-proposta tinkludi wkoll titjib fl-istruttura ta' governanza tal-ERA u metodi operattivi interni.

2. Proposta dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-UE - 2013/0015 (COD)

Id-direttiva eżistenti (2008/57) ġiet introdotta biex tiżgura l-istandardizzazzjoni teknika tan-netweks u l-interoperabbiltà ferrovjarja - fattur ewlieni fl-iżvilupp u l-istabbiliment ta' netwerks ferrovjarji Trans-ewropej. Il-bidliet proposti jistabbilixxu approċċ komuni għar-regoli ta' interoperabbiltà, li jżidu l-ekonomiji ta' skala għall-operaturi ferrovjarji. Il-bidliet iħaffu wkoll il-proċeduri amministrattivi u b'hekk inaqqsu l-ispejjeż amministrattivi. Ir-reviżjoni wkoll tallinja d-direttiva tal-2008 ma' elementi oħrajn tar-raba' pakkett ferrovjarju, b'mod partikolari l-proposta għar-reviżjoni tar-rwol tal-ERA.

B'mod partikolari, il-proposta tinkludi dispożizzjoni ġdida fl-istandards tekniċi għall-interoperabbiltà (TSIs) biex jiġu koperti s-subsistemi eżistenti. Permezz ta' dan, l-operaturi ferrovjarji jkunu jistgħu jivverifikaw il-kompatibbiltà bejn il-vetturi u r-rotot fejn dawn il-vetturi jkunu ser jiġu operati. Bidliet oħra jinkludu:

  • kjarifika dwar l-użu tal-opinjonijiet tal-ERA filwaqt li tiġi posposta l-emenda tat-TSIs għall-wara li jiġu individwati n-nuqqasijiet
  • riduzzjoni tal-każijiet għall-possibbiltà ta' nonapplikazzjoni tat-TSIs
  • dispożizzjoni ġdida dwar l-awtorizzazzjoni ta' vetturi għat-tqegħid fis-suq
  • kjarifika tar-rwol tal-operaturi ferrovjarji u l-ġesturi tal-infrastruttura fil-verifika tal-kompatibbiltà teknika ta' vettura ma' rotta

3. Proposta biex tiġi emendata d-direttiva dwar is-sikurezza ferrovjarja - 2013/0016 (COD)

Id-direttiva eżistenti (2004/49) tistabbilixxi qafas għas-sikurezza ferrovjarja iżda ma tintroduċix ċertifikat uniku ta' sikurezza. Ir-raba' pakkett ferrovjarju jipproponi li l-UE għandha timxi lejn ċertifikat uniku ta' sikurezza, maħruġ mill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA). Dan ifisser li d-direttiva tal-2004 trid tiġi aġġornata, biex tirrevedi r-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza u talloka mill-ġdid ir-responsabbiltajiet bejnhom u l-ERA. Il-bidliet proposti jqisu wkoll bidliet reċenti fis-suq ferrovjarju, u jiżguraw li jintużaw monitoraġġ tas-sikurezza u miżuri għall-kontroll tar-riskji korretti.

B'mod partikolari, id-direttiva riveduta għandha l-għan li:

  • tiffaċilita l-ħolqien u l-implimentazzjoni ta' ċertifikat uniku ta' sikurezza tal-UE, filwaqt li tagħti aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja biss lill-operaturi ferrovjarji li jkollhom ċertifikat ta' sikurezza
  • tieħu kont tal-iżviluppi fis-suq ferrovjarju, bħal żieda fl-esternalizzazzjoni ta' servizzi u tnaqqis ta' kontrolli interni
  • tadatta l-kamp ta' applikazzjoni u d-definizzjonijiet tagħha f'konformità mad-direttiva riveduta dwar l-interoperabbiltà
  • tiċċara l-kooperazzjoni bejn il-korpi investigattivi nazzjonali u l-awtoritajiet ġudizzjarji matul l-ivestigazzjonijiet wara inċident

Fil-Kunsill

Fl-10 ta' Diċembru 2015, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar l-abbozz ta' kull waħda mit-tliet direttivi. Il-Parlament Ewropew issa jeħtieġ japprovahom formalment fit-tieni qari.

Il-Kunsill adotta testi separati ta' approċċ ġenerali dwar kull waħda mill-proposti matul il-laqgħat tal-Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (TTE) f'Ġunju 2013, Ottubru 2013 u Marzu 2014. Dan kien segwit minn qbil politiku dwar l-abbozz ta' kull waħda mit-tliet proposti fil-5 ta’ Ġunju 2014. Wara sensiela ta’ diskussjonijiet tat-trilogu informali, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu qbil proviżorju dwar it-tliet proposti tekniċi fis-17 ta’ Ġunju 2015. Dan il-qbil ġie kkonfermat mill-istati membri f’laqgħa tal-Coreper fit-30 ta’ Ġunju 2015.

1. Proposta dwar l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea

Il-Kunsill adotta approċċ ġenerali fl-14 ta' Marzu 2014, li jistabbilixxi diversi bidliet għall-proposta oriġinali, inkluż:

  • il-bdil tar-rwol tal-ERA fl-eżami tar-regoli nazzjonali b'rabta mas-sikurezza u l-interoperabbiltà ferrovjarja
  • aktar kjarifika dwar meta l-Kummissjoni tkun tista' toħroġ deċiżjoni dwar regoli nazzjonali

It-test tal-Kunsill jikkunsidra wkoll il-proċess għat-trattament ta' nuqqasijiet fil-kompiti dwar sikurezza u interoperabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza, it-tariffi li titlob l-ERA għas-servizzi li tagħti, u l-istabbiliment ta' sistema ta' appelli.

Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fis-26 ta' Frar 2014 għas-sitt biċċiet ta' leġislazzjoni kollha taħt ir-raba' pakkett ferrovjarju.

2. Proposta dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-UE

Il-Kunsill adotta approċċ ġenerali fl-10 ta' Ġunju 2013, li jistabbilixxi diversi bidliet għall-proposta oriġinali. Il-Kunsill jipproponi bidliet fir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza u l-ERA fir-rigward tal-proċess għall-awtorizzazzjoni tal-vettura. It-test tal-Kunsill jipprevedi sistema doppja ta' awtorizzazzjonijiet b'separazzjoni ċara tal-kompiti u r-responsabbiltajiet bejn l-ERA u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza. L-ERA toħroġ awtorizzazzjonijiet għal vetturi li jintużaw f'operazzjonijiet transkonfinali, ibbażati fuq valutazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali.

3. Proposta dwar is-sikurezza ferrovjarja

Il-Kunsill adotta approċċ ġenerali fl-10 ta' Marzu 2013, li jistabbilixxi diversi bidliet għall-proposta oriġinali. It-test maqbul tal-Kunsill jipprevedi sistema doppja għaċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza bl-introduzzjoni ta' ċertifikat uniku ta' sikurezza. B'din is-sistema doppja l-ERA tkun punt uniku ta’ servizz għall-kumpanniji ferrovjarji li joperaw f'aktar minn stat membru wieħed. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali jibqa' jkollhom rwol ewlieni fit-twettiq tal-valutazzjonijiet meħtieġa għall-ħruġ taċ-ċertifikat tas-sikurezza. Jekk il-kumpannija ferrovjarja topera biss fi stat membru wieħed, il-Kunsill jipproponi li l-istat membru jista' jiddeċiedi li jippreżenta t-talba għal ċertifikazzjoni lill-ERA jew lill-awtorità nazzjonali rilevanti tas-sikurezza.