- Kunsill Ewropew
- Stqarrija għall-istampa
- 17 ta' Diċembru 2015 23:00
Konklużjonijiet dwar il-migrazzjoni - Kunsill Ewropew (17 ta' Diċembru 2015)
I. Migrazzjoni
1. Matul ix-xhur li għaddew, il-Kunsill Ewropew żviluppa strateġija li għandha l-għan li twaqqaf il-flussi migratorji bla preċedent li qed tiffaċċa l-Ewropa. Madankollu, l-implimentazzjoni mhijiex suffiċjenti u għandha bżonn titħaffef. Biex tiġi ssalvagwardata l-integrità ta' Schengen huwa indispensabbli li jerġa' jinkiseb kontroll fuq il-fruntieri esterni. In-nuqqasijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-hotspots, ir-rilokazzjoni u r-ritorn, għandhom jiġu indirizzati malajr. Jeħtieġ li b'urġenza l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri:
a) jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-fruntieri esterni ta' Schengen, b'mod partikolari billi jiżguraw kontrolli ta' sigurtà sistematiċi mal-bażijiet ta' data rilevanti, u jipprevjenu l-frodi tad-dokumenti;
b) jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-funzjonament tal-hotspots, inkluż billi jistabbilixxu l-kapaċità ta' akkoljenza neċessarja biex jilħqu l-objettivi tagħhom; jaqblu malajr dwar kalendarju preċiż biex aktar hotspots isiru operazzjonali; jiżguraw li l-Frontex u l-EASO jkollhom l-għarfien espert u t-tagħmir neċessarji;
c) jiżguraw li l-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba' jsiru b'mod sistematiku u komplet, u jieħdu miżuri biex jindirizzaw ir-rifjut tar-reġistrazzjoni u jwaqqfu l-flussi sekondarji irregolari;
d) jimplimentaw deċiżjonijiet dwar ir-rilokazzjoni kif ukoll jikkunsidraw li jinkludu fost il-benefiċjarji tad-deċiżjonijiet eżistenti Stati Membri oħra li jkunu taħt pressjoni qawwija u li jkunu talbu dan;
e) jieħdu miżuri konkreti biex jiżguraw li l-persuni li mhumiex awtorizzati jibqgħu, jirritornaw verament u jiġu riammessi, u jipprovdu appoġġ lill-Istati Membri fir-rigward tal-operazzjonijiet ta' ritorn;
f) isaħħu l-miżuri biex jiġu miġġielda l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin;
g) jiżguraw l-implimentazzjoni u s-segwitu operazzjonali għal:
• il-Konferenza ta' Livell Għoli dwar ir-rotta tal-Mediterran tal-Lvant - Balkani tal-Punent; f'dan il-kuntest huwa importanti li l-pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE li qegħdin fuq ir-rotta tal-Balkani tal-Punent jingħataw għajnuna biex jagħmlu r-reġistrazzjoni skont l-istandards tal-UE;
• is-Summit tal-Belt Valletta, b'mod partikolari fir-rigward tar-ritorn u r-riammissjoni, u
• d-Dikjarazzjoni UE-Turkija tad-29 ta' Novembru 2015 u l-Pjan ta' Azzjoni UE-Turkija; f'dan il-kuntest il-COREPER mitlub jikkonkludi malajr il-ħidma tiegħu fuq kif jiġu mobilizzati t-EUR 3 biljun għall-Faċilità għar-Refuġjati għat-Turkija;
h) ikomplu jimplimentaw l-iskema miftiehma ta' risistemazzjoni;
i) ikomplu jsegwu mill-qrib il-flussi tul ir-rotot tal-migrazzjoni sabiex ikunu jistgħu jirreaġixxu malajr għall-iżviluppi.
2. Il-Kunsill għandu jkompli l-ħidma fuq il-mekkaniżmu ta' rilokazzjoni f'każ ta' kriżi, b'kont meħud tal-esperjenza li nkisbet, u jiddeċiedi malajr fuq il-pożizzjoni tiegħu dwar il-lista ta' pajjiżi ta' oriġini sikuri. Il-Kunsill huwa mistieden li jeżamina malajr is-sitwazzjoni li tikkonċerna l-Afganistan. Il-Kunsill għandu jeżamina malajr il-proposti tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru dwar "Gwardja Ewropea tal-Fruntieri u tal-Kosta", il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, "Skema volontarja għall-ammissjoni umanitarja", u d-dokumenti tal-ivvjaġġar għar-ritorn. Il-Kunsill għandu jadotta l-pożizzjoni tiegħu dwar il-"Gwardja Ewropea tal-Fruntieri u tal-Kosta" taħt il-Presidenza Netherlandiża. Il-Kummissjoni ser tippreżenta malajr ir-rieżami tas-sistema ta' Dublin; sadanittant, jeħtieġ li jiġu implimentati r-regoli eżistenti. Dalwaqt ser tippreżenta wkoll proposta riveduta dwar il-Fruntieri Intelliġenti.
3. Il-Presidenza, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ser jirrapportaw lura dwar il-progress qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Frar.
Kuntatti għall-istampa
-
Beatriz Navarro Deputy spokesperson for the European Council President
- +32 471 33 22 92
- +32 2 281 51 50
- @beanavarro
-
Maria Tomasik Spokesperson for the European Council President
- +32 470 88 23 83
- +32 2 281 51 50
- @maria_tomasik
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 24 ta' Jannar 2025