- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 9 ta' Diċembru 2016 20:42
Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE dwar is-sitwazzjoni f'Aleppo
Dan id-dokument hu disponibbli b'lingwi mhux tal-UE :
Sa mill-bidu tal-attakki mir-reġim Sirjan u l-alleati tiegħu, partikolarment ir-Russja, l-intensità u l-iskala tal-bumbardamenti mill-ajru fil-parti tal-Lvant ta' Aleppo kkawżaw ammont estensiv ta' vittmi fost persuni ċivili u qerdu żoni kbar tal-belt, li kkawża deterjorament gravi tas-sitwazzjoni hemmhekk. L-UE ttenni l-kundanna qawwija tagħha ta' tali attakki intenzjonati eċċessivi, sproporzjonati u indiskriminati kontra persuni ċivili, persunal umanitarju u tal-kura tas-saħħa, u infrastrutturi ċivili bħal skejjel u sptarijiet. Ir-reġim Sirjan għandu r-responsabbiltà primarja li jipproteġi l-popolazzjoni Sirjana. L-UE tikkundanna l-ksur u l-abbużi kontinwi, sistematiċi, mifruxin u gravi tad-drittijiet tal-bniedem u kull tip ta' ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali. Dan il-ksur jinkludi bumbardamenti indiskriminati, mir-reġim u l-alleati tiegħu, u l-attakki b'mod ġenerali għandhom jieqfu. L-UE tfakkar fl-obbligu skont id-dritt umanitarju internazzjonali li jittieħdu l-miżuri kollha fattibbli biex tkun żgurata l-protezzjoni tal-persuni u l-oġġetti ċivili li jgawdu minn protezzjoni speċjali skont id-dritt umanitarju internazzjonali.
Dawn l-attakki u l-użu tal-qtil bil-ġuħ tal-persuni ċivili permezz tal-assedju taż-żoni popolati, bħala tattika tal-gwerra, kif ukoll it-trasferimenti sfurzati tal-popolazzjoni, jikkostitwixxu wkoll ksur ċar tad-dritt umanitarju internazzjonali u għandhom jieqfu minnufih. Dawk responsabbli għal kull tali ksur, reati kontra l-umanità u reati internazzjonali serji oħra, li jistgħu jitqiesu bħala delitti tal-gwerra, għandhom jinżammu responsabbli. L-impunità għal tali reati ma tistax tiġi ttollerata. F'dan il-kuntest, l-UE ser taġixxi b'mod rapidu, skont proċeduri stabbiliti, bil-għan li timponi aktar miżuri restrittivi kontra s-Sirja mmirati lejn individwi u entitajiet Sirjani li jappoġġaw ir-reġim sakemm tkompli r-repressjoni.
Fid-dawl tat-tbatija tal-popolazzjoni ċivili ta' Aleppo, l-UE titlob li l-partijiet kollha tal-konflitt, b'mod partikolari r-reġim Sirjan, biex jagħtu minnufih aċċess mingħajr ebda xkiel jew kondizzjoni sabiex ikunu jistgħu jkomplu l-evakwazzjonijiet mediċi tal-morda u l-midruba mil-Lvant ta' Aleppo skont il-pjan tan-NU, u biex il-popolazzjoni ċivili tkun tista' ssib kenn f'post sikur. L-UE tappella lir-reġim Sirjan biex jagħmel dan b'mod urġenti biex itaffi s-sitwazzjoni prekarja f'Aleppo. Hija tappella lir-Russja biex turi, permezz ta' politiki u azzjonijiet, l-isforzi kollha biex tuża l-influwenza tagħha sabiex dan iseħħ. B’mod partikolari billi l-għajnuna tinsab biss ftit kilometri 'l bogħod. Għal dan il-għan, huwa kruċjali li jkun hemm waqfien mill-ġlied immedjat biex in-Nazzjonijiet Uniti tkun tista' twassal l-assistenza umanitarja lil dawk li għadhom maqtugħin fil-Lvant ta' Aleppo u biex tagħti għajnuna umanitarja lil dawk li ħarbu mil-Lvant ta' Aleppo. L-UE tieħu nota tal-isforzi internazzjonali kollha f'dan ir-rigward. Li jiċċaħħad b'mod arbitrarju l-aċċess umanitarju u l-appoġġ indispensabbli lil persuni ċivili għas-sopravivenza tagħhom, bħal għajnuna alimentari u provvisti mediċi li jistgħu jsalvaw il-ħajja, jikkostitwixxu ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali. Fl-istess waqt, persuni ċivili li lesti jitilqu minn Aleppo fuq bażi volontarja u kapaċi jagħmlu dan, għandhom jitħallew jgħaddu mingħajr xkiel minn kurituri umanitarji sikuri f'konformità sħiħa mad-dritt umanitarju internazzjonali u taħt il-monitoraġġ tan-NU. L-UE tinnota l-qbil tal-oppożizzjoni li tiffaċilita l-protezzjoni xierqa tal-persuni ċivili u l-evakwazzjoni tal-midruba. L-UE tappoġġa bil-qawwa l-isforzi determinati kontinwi tan-NU biex tindirizza s-sitwazzjoni umanitarja f'Aleppo u fis-Sirja kollha.
L-UE tikkundanna l-atroċitajiet imwettqa mid-Da'esh u gruppi terroristiċi oħra ddeżinjati min-NU u tafferma mill-ġdid l-impenn qawwi tagħha biex tiġġieled kontrihom. Id-Da'esh u organizzazzjonijiet terroristiċi oħra ddeżinjati min-NU jikkostitwixxu theddida għall-futur tas-Sirja kif ukoll għall-interessi u l-valuri tal-UE.
L-UE ttenni l-appoġġ tagħha għas-sovranità, l-indipendenza, l-unità u l-integrità territorjali tas-Sirja u l-konvinzjoni profonda tagħha li ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-konflitt. Ma jistax ikun hemm paċi dejjiema fis-Sirja taħt ir-reġim attwali u qabel ma jiġu indirizzati l-ilmenti u l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-komponenti kollha tas-soċjetà Sirjana. L-UE titlob għal waqfien mill-ġlied immedjat u totali fis-Sirja kollha. Hija l-kontributur prinċipali tal-assistenza umanitarja maħsuba biex issalva l-ħajjiet tal-persuni ċivili li qed isofru mill-konflitt, b’rispett sħiħ tal-prinċipji umanitarji. Hija tkompli wkoll b'mod dejjem aktar urġenti tippromwovi soluzzjoni politika li tipprovdi transizzjoni politika ġenwina lejn gvern responsabbli u inklużiv għas-Sirjani kollha, kif previst fil-komunikat ta' Ġinevra tal-2012 u r-riżoluzzjoni 2254 tal-KSNU, u tappoġġa b'mod sħiħ l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU de Mistura biex jinħolqu l-kondizzjonijiet biex jerġgħu jibdew it-taħditiet fost il-partijiet Sirjani, bil-parteċipazzjoni valida tan-nisa u s-soċjetà ċivili. L-UE għalhekk ser tintensifika l-involviment tagħha ma' atturi reġjonali dwar il-futur tas-Sirja, b'koordinazzjoni kostanti mal-Mibgħut Speċjali tan-NU u bl-appoġġ mill-qrib tiegħu, bil-ħsieb li titwitta t-triq biex jitkompla l-proċess politiku inklużiv u mmexxi mis-Sirja taħt il-patroċinju tan-NU. L-UE ser tkompli tappoġġa l-isforzi tal-oppożizzjoni Sirjana u b'mod partikolari l-Kumitat Għoli tan-Negozjati (HNC) bħala d-delegazzjoni tal-oppożizzjoni fit-taħditiet fejn in-NU taġixxi ta' medjatur.
L-UE tissottolinja li jkun biss ladarba tkun fis-seħħ tali transizzjoni politika inklużiva li l-UE tkun tista' tassisti fir-rikostruzzjoni tal-pajjiż direttament u permezz ta' kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.
Kuntatti għall-istampa
-
Maja Kocijančič Kelliem tas-SEAE
- +32 2 298 65 70
- +32 498 98 44 25
-
Nabila Massrali Kelliem temporanju tas-SEAE
- +32 2 29 88093
- +32 460 79 52 44
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024