- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 12 ta' Diċembru 2016 11:10
Korea ta' Fuq: il-Kunsill jadotta konklużjonijiet dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK)
1. Il-Kunsill jikkundanna bil-qawwa l-provi nukleari u l-isparar multiplu ta' missili ballistiċi mwettaq mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK) fl-2016. Dawn jirrappreżentaw theddida serja għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali u jfixklu s-sistema globali ta' nonproliferazzjoni u diżarm li l-UE ilha tappoġġa b'mod ferm għal għexieren ta' snin. L-attivitajiet li qed twettaq ir-RDPK b'rabta mal-qasam nukleari u tal-missili ballistiċi jiksru b'mod ċar l-obbligi internazzjonali tagħha skont diversi Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluż ir-Riżoluzzjoni 2270 (2016), li timponi aktar sanzjonijiet fuq ir-RDPK wara r-4 prova nukleari tagħha fis-6 ta' Jannar 2016.
2. Il-Kunsill jissottolinja li dawn l-azzjonijiet irresponsabbli u illegali jżidu t-tensjonijiet fil-Peniżola Koreana b'effett negattiv fuq kulħadd. Il-Kunsill huwa mħasseb bl-iżvilupp min-naħa tar-RDPK ta' armi nukleari li inevitabbliment ser jaggrava serjament is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Asja u lil hinn minnha. Dawn l-azzjonijiet jissottolinjaw ukoll il-ħtieġa ta' universalizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT).
3. Il-Kunsill jerġa' jappella lir-RDPK biex terġa' tidħol fi djalogu kredibbli u sinifikattiv mal-komunità internazzjonali, b'mod partikolari fil-qafas tat-Taħditiet bejn Sitt Partijiet, u biex tieqaf mill-provokazzjonijiet tagħha.
4. Il-Kunsill jesprimi preokkupazzjoni kbira dwar id-devjazzjoni mir-RDPK tar-riżorsi lejn l-iżvilupp tal-programmi tagħha għall-armi nukleari u l-missili ballistiċi mingħajr ma tqis is-sitwazzjoni umanitarja u t-tbatija li dan joħloq għall-poplu tar-RDPK.
5. Il-Kunsill iħeġġeġ lir-RDPK biex tirrispetta l-obbligi internazzjonali kollha tagħha u tabbanduna l-armi nukleari tagħha, armi oħra ta' qerda massiva u l-programmi eżistenti għall-missili nukleari u ballistiċi, b'mod totali, verifikabbli u irreversibbli, u twaqqaf minnufih kull attività oħra relatata.
6. Fid-dawl ta' dan kollu, il-Kunsill jilqa' l-adozzjoni b'unanimità mill-KSNU tar-Riżoluzzjoni 2321 (2016) li tikkundanna l-5 prova nukleari tar-RDPK fid-9 ta' Settembru 2016 u timponi miżuri restrittivi ġodda. Il-Kunsill jinsab lest li jsaħħaħ il-koordinazzjoni mas-sħab internazzjonali dwar l-implimentazzjoni sħiħa tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-KSNU.
7. Il-Kunsill ifakkar fid-determinazzjoni tal-Unjoni li tiġġieled il-proliferazzjoni u jibqa' impenjat b'mod sħiħ għad-denuklearizzazzjoni tal-Peniżola Koreana, inkluż billi jitqiesu miżuri restrittivi ġodda.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024