Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 19 ta' Diċembru 2022 20:00

REPowerEU: il-Kunsill jaqbel dwar regoli aċċellerati għall-għoti ta' permessi għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli

Il-Kunsill laħaq qbil (approċċ ġenerali) dwar emendi mmirati għad-direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli, proposti skont il-pjan REPowerEU. L-istati membri ser jiddeżinjaw "żoni go-to" apposta għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli bi proċessi mqassra u simplifikati għall-għoti ta' permessi f'żoni b'riskji ambjentali aktar baxxi.

Jozef SÍKELA, Ministru għall-Industrija u l-Kummerċ taċ-Ċekja
Dan il-ftehim huwa żieda importanti għall-ħidma li għaddejja dwar id-direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli. L-għoti ta' permessi aktar malajr f'oqsma li jistgħu jagħtu l-aħjar riżultati mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent ser jippermettilna nużaw l-enerġija rinnovabbli fil-grilji tagħna aktar malajr. Dan huwa l-aħjar mod biex insiru indipendenti mill-enerġija Russa u ser jikkontribwixxi wkoll b'mod konsiderevoli għall-miri tagħna dwar il-klima.
Jozef SÍKELA, Ministru għall-Industrija u l-Kummerċ taċ-Ċekja
Jozef SÍKELA, Ministru għall-Industrija u l-Kummerċ taċ-Ċekja

Il-Kunsill ikkonferma l-mira ta' mill-inqas 40% tas-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fl-2030 fil-konsum finali gross tal-Unjoni, kif tinsab fl-approċċ ġenerali tiegħu dwar ir-reviżjonijiet tad-Direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli, adottata f'Ġunju 2022. Il-proposta tal-Kummissjoni fir-REPowerEU kienet li żżid il-mira għal mill-inqas 45% fl-2030. Il-mira attwali fid-direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli tal-2018, hija ta' 32.5% fl-2030.

Żoni "go-to"

Il-Kunsill qabel li l-Istati Membri ser jimmappjaw iż-żoni meħtieġa għall-kontributi nazzjonali lejn il-mira tal-enerġija rinnovabbli għall-2030 fi żmien 18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-direttiva.

L-istati membri ser jadottaw pjan jew pjanijiet li jagħżlu "żoni go-to" għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli fi żmien 30 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-direttiva.

Iż-żoni go-to tal-enerġija rinnovabbli jkunu jikkonċernaw l-art, il-baħar jew l-ilmijiet interni u jintgħażlu għaliex huma żoni partikolarment adatti għal teknoloġiji speċifiċi tal-enerġija rinnovabbli u jippreżentaw inqas riskji għall-ambjent. Pereżempju, iż-żoni protetti għandhom jiġu evitati.

Fil-pjanijiet tagħhom li jiddeżinjaw żoni go-to ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-Istati Membri jadottaw ukoll miżuri ta' mitigazzjoni li jiġġieldu l-konsegwenzi ambjentali negattivi potenzjali tal-attivitajiet ta' żvilupp tal-proġetti li jinsabu f'kull żona go-to. Il-pjanijiet kollha mbagħad ikunu soġġetti għal valutazzjoni simplifikata tal-impatti ambjentali, minflok ma titwettaq valutazzjoni għal kull proġett, kif normalment ikun il-każ.

Is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli ser jillimitaw ukoll ir-raġunijiet ta' oġġezzjoni legali għal installazzjonijiet ġodda bil-preżunzjoni li huma ta' interess pubbliku prevalenti.

Il-Kunsill qabel dwar skadenza iqsar ta' sitt xhur għal żoni diġà ddeżinjati bħala adatti għall-implimentazzjoni aċċellerata tal-enerġija rinnovabbli, jekk fost affarijiet oħra dawn ma jkunux fiż-żoni ta' Natura 2000 u jkunu għaddew minn valutazzjoni ambjentali.

L-istati membri qablu li huma jkunu jistgħu jeskludu l-impjanti ta' kombustjoni tal-bijomassa u l-impjanti idroelettriċi mid-deżinjazzjoni ta' żoni go-to ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, minħabba l-partikolaritajiet tagħhom.

Proċessi aktar rapidi għall-għoti tal-permessi

Għal żoni go-to tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, il-Kunsill qabel li l-proċessi tal-għoti tal-permessi m'għandhomx jieħdu aktar minn sena għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, u sentejn għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta. F'ċirkostanzi straordinarji debitament ġustifikati l-perjodu jista' jiġi estiż sa sitt xhur.

Għar-repowering tal-impjanti u għal installazzjonijiet ġodda b'kapaċità elettrika ta' inqas minn 150 kW, għall-faċilitajiet tal-ħżin kolokalizzati tal-enerġija u għall-konnessjoni tagħhom mal-grilja, il-proċessi għandhom ikunu limitati għal sitt xhur, u għal sena waħda jekk ikunu jikkonċernaw proġetti tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta. F'ċirkostanzi straordinarji debitament ġustifikati, pereżempju raġunijiet prevalenti ta' sikurezza, il-perjodu jista' jiġi estiż sa tliet xhur.

Għal żoni barra ż-żoni go-to, il-proċessi tal-għoti tal-permessi m'għandhomx jaqbżu s-sentejn, u tliet snin għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta. F'ċirkostanzi straordinarji debitament ġustifikati l-perjodu jista' jiġi estiż sa sitt xhur.

Għar-repowering tal-impjanti u għal installazzjonijiet ġodda b'kapaċità elettrika ta' inqas minn 150 kW, għall-faċilitajiet tal-ħżin kolokalizzati tal-enerġija u għall-konnessjoni tagħhom mal-grilja, il-proċessi m'għandhomx idumu aktar minn sena, u sentejn jekk ikunu jikkonċernaw proġetti tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta. F'ċirkostanzi straordinarji debitament ġustifikati l-perjodu jista' jiġi estiż sa tliet xhur.

Il-Kunsill qabel li ż-żmien li matulu l-impjanti, il-konnessjonijiet mal-grilja tagħhom u l-infrastruttura tal-grilja neċessarja relatata qed jinbnew jew jiġu repowered ma għandux jingħadd f'dawn l-iskadenzi.

Għat-tagħmir solari, l-Istati Membri qablu li l-proċess tal-għoti tal-permessi ma jaqbiżx it-tliet xhur.

L-istati membri jistgħu jipprevedu li n-nuqqas ta' tweġiba fl-iskadenzi stabbiliti jista' jitqies bħala ftehim taċitu għall-passi intermedjarji iżda l-permessi jkunu jeħtieġu deċiżjoni finali espliċita dwar l-eżitu tal-proċess.

L-istati membri qablu wkoll li sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-grilji tad-distribuzzjoni u tat-trażmissjoni, l-iskrinjar jew il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali għat-tisħiħ tal-grilja jenħtieġ li jkunu limitati għall-impatti potenzjali li jirriżultaw mill-bidla fl-infrastruttura tal-grilja.

Informazzjoni ġenerali

Fit-18 ta' Mejju 2022, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-pjan REPowerEU tagħha b'reazzjoni għad-diffikultajiet u t-tfixkil fis-suq globali tal-enerġija kkawżat mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Il-pjan REPower EU għandu l-għan kemm li jtemm id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili Russi kif ukoll li jagħmel aktar avvanzi biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE dwar il-klima.

Bħala parti mill-pjan REPowerEU, il-Kummissjoni pproponiet sensiela ta' emendi mmirati għal-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam tal-enerġija, jiġifieri għad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (RED), id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (EPBD), u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (EED). It-tliet direttivi jinsabu kollha fil-proċess ta' rieżami bħala parti mill-pakkett "Lesti għall-Mira ta' 55%", li ġie adottat mill-Kummissjoni fl-2021. L-elementi rigward l-EED u l-EPBD diġà ġew integrati f'dan il-proċess u l-proposta attwali issa tikkonċerna biss l-enerġija rinnovabbli.

L-approċċ ġenerali jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Kunsill bil-ħsieb tan-negozjati mal-Parlament Ewropew. Iż-żewġ istituzzjonijiet issa ser ikunu jistgħu jqisu l-pożizzjonijiet tagħhom dwar il-proposta REPowerEU fin-negozjati li għaddejjin dwar id-direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli.

Ara l-paġna tal-laqgħa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024