"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Id-dwana tal-UE: il-Kunsill jilħaq qbil fuq pożizzjoni dwar karatteristiċi ewlenin għal qafas aktar modern, effiċjenti u sigur
Illum il-Kunsill laħaq qbil dwar mandat ta' negozjar parzjali dwar riforma fundamentali tal-qafas doganali tal-UE. It-tiġdid maġġuri ser jagħti lill-awtoritajiet doganali madwar l-UE sett ta' għodod aktar modern biex jindirizzaw xejriet bħal żidiet kbar fil-volumi tal-kummerċ, speċjalment fil-kummerċ elettroniku, għadd li qed jikber b'rata mgħaġġla ta' standards tal-UE li jridu jiġu vverifikati fil-fruntiera u bidliet fir-realtajiet u l-kriżijiet ġeopolitiċi.
Kumplessivament, din ir-riforma mistennija tagħti lill-UE l-mezzi adegwati biex twaqqaf oġġetti mhux konformi, perikolużi jew mhux sikuri milli jidħlu fl-UE, tiġbor id-dazji doganali b'mod aktar effiċjenti u tagħmel kontrolli adegwati mingħajr ma tpoġġi piż żejjed fuq l-awtoritajiet u n-negozjanti.
Il-ftehim tal-lum ser jippermetti li jibdew negozjati interistituzzjonali mal-Parlament Ewropew dwar l-aspetti ewlenin tar-riforma, bħal:
l-istabbiliment ta' aġenzija deċentralizzata ġdida għad-dwana – l-awtorità doganali tal-UE – li ser tappoġġa u tgħin fil-koordinazzjoni tal-ħidma tal-ġestjoni tar-riskju tal-awtoritajiet doganali nazzjonali, u timmaniġġa ċ-ċentru tad-data doganali tal-UE
il-ħolqien ta' ambjent online uniku għall-UE kollha – il-pjattaforma tad-data doganali tal-UE – pjattaforma ċentrali tal-IT għall-interazzjoni mad-dwana u t-tisħiħ tal-integrità tad-data, it-traċċabbiltà u l-kontrolli doganali
l-introduzzjoni ta' simplifikazzjonijiet doganali msaħħa għall-aktar negozjanti fdati, filwaqt li jiġu ffrankati l-ħin u l-flus
l-iżvilupp ta' approċċ aktar modern għall-kummerċ elettroniku, adattat għar-realtajiet ta' xenarju li qed jevolvi malajr
Fid-dawl tal-isfidi li qed jikbru u x-xejriet dinjija, id-dwana tal-UE teħtieġ b'mod urġenti għodod moderni biex tipproteġi s-Suq Uniku tagħna. Il-ftehim tal-lum huwa pass ewlieni lejn qafas li jibqa' validu fil-futur li jippermetti lill-awtoritajiet tagħna jaġixxu bħala entità waħda.
Andrzej Domański, Ministru għall-Finanzi tal-Polonja
L-awtorità doganali tal-UE
Il-qafas il-ġdid jistabbilixxi aġenzija deċentralizzata tal-UE għad-dwana – l-awtorità doganali tal-UE – li ser tikkoordina l-governanza tal-unjoni doganali tal-UE f'għadd ta' oqsma. B'mod partikolari, l-awtorità doganali tal-UE ser tippermetti ġestjoni tar-riskju fil-livell tal-UE li tappoġġa l-ħidma tal-awtoritajiet doganali nazzjonali, bl-użu tad-data dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni aġġornata b'mod kostanti fiċ-ċentru tad-data doganali l-ġdid tal-UE. L-awtorità doganali tal-UE ser tikkoordina wkoll il-ġestjoni tal-kriżijiet fil-livell tal-UE fil-qasam tad-dwana.
Il-pjattaforma tad-data doganali tal-UE
Il-pjattaforma tad-data doganali tal-UE ser tkun ambjent online uniku mfassal biex jiġbor u janalizza d-data u jittratta l-ġestjoni tar-riskju.
Sabiex jissodisfaw l-obbligi doganali tagħhom għall-kunsinni kummerċjali, in-negozji ser jissottomettu l-informazzjoni doganali tagħhom darba biss lil dan il-portal uniku, pjuttost milli lill-awtoritajiet doganali individwali. Ser ikunu jistgħu wkoll idaħħlu l-istess informazzjoni biex ikopru kunsinni multipli, u b'hekk jiffrankaw l-ħin u l-flus.
L-awtoritajiet doganali nazzjonali ser jiksbu ħarsa ġenerali sħiħa tal-flussi kummerċjali u l-ktajjen tal-provvista. Bl-appoġġ tal-awtorità doganali tal-UE, l-istati membri għalhekk ser ikollhom aċċess għall-istess data f'ħin reali u ser ikunu jistgħu jiġbru flimkien l-informazzjoni biex jirrispondu għar-riskji aktar malajr, b'mod konsistenti u effettiv.
Operaturi Trust and Check (Fiduċja u Verifika)
Il-leġiżlazzjoni aġġornata toħloq kategorija ġdida tal-aktar negozji trasparenti – operaturi Trust and Check. Skont din l-iskema, in-negozji li jipprovdu informazzjoni massima dwar l-attivitajiet tagħhom u li jissodisfaw kriterji stretti oħra ser jibbenefikaw minn obbligi doganali simplifikati u, f'xi każijiet, ser jkunu jistgħu jirrilaxxaw il-merkanzija tagħhom fiċ-ċirkolazzjoni fl-UE mingħajr l-ebda intervent doganali attiv.
Emendi tal-Kunsill
Il-mandat ta' negozjar parzjali tal-Kunsill jagħmel għadd ta' emendi għall-proposta oriġinali tal-Kummissjoni. Pereżempju, it-test jiċċara f'aktar dettall ċerti proċessi doganali, u jagħmilhom aktar faċli biex jiġu implimentati mill-awtoritajiet doganali u l-uffiċjali tal-UE fuq il-post.
Fir-rigward tal-operaturi Trust and Check, il-mandat tal-Kunsill iżomm l-iskema eżistenti tal-operaturi ekonomiċi awtorizzati (AEO) diġà użata minn eluf ta' SMEs biex jissimplifikaw l-obbligi doganali tagħhom. Din tipprevedi miżuri mfassla apposta biex jappoġġaw il-konformità tal-SMEs mar-regoli l-ġodda.
Fl-aħħar nett, it-test jintroduċi l-kunċett ġdid ta' tariffa amministrattiva li għandha tinġabar mill-awtoritajiet doganali għal kunsinni żgħar li jidħlu fl-UE permezz ta' bejgħ mill-bogħod.
Il-passi li jmiss
Wara l-adozzjoni tal-lum tal-mandat ta' negozjar parzjali tal-Kunsill, il-presidenza ser tibda negozjati mal-Parlament Ewropew dwar il-fajl.
Id-diskussjonijiet dwar ċerti aspetti tar-riforma ġenerali, bħal fir-rigward tas-sede tal-Awtorità Doganali tal-UE, dwar sistema tariffarja simplifikata u t-tfassil eżatt tat-tariffa amministrattiva, ser isiru fi stadju aktar tard.
Informazzjoni ġenerali
Stabbilita fl-1968, l-Unjoni Doganali tal-UE kienet pedament tal-integrazzjoni ekonomika Ewropea. Hija tiffaċilita l-kummerċ, tipproteġi liċ-ċittadini, trawwem l-innovazzjoni u tgħin lill-UE żżomm it-tmexxija ekonomika dinjija tagħha.
L-Istati Membri kollha tal-UE huma parti mill-Unjoni Doganali tal-UE. Dan ifisser li:
japplikaw l-istess rati jew tariffi tal-importazzjoni għall-merkanzija li tidħol fit-territorju tagħhom mill-bqija tad-dinja. Id-dazji doganali huma bbażati fuq it-tip ta' prodott u l-pajjiż tal-oriġini
ma jimponux dazji doganali internament fuq merkanzija nnegozjata bejniethom. Ladarba l-merkanzija tgħaddi mid-dwana, din tista' tiċċirkola liberament fl-UE, mingħajr tariffi addizzjonali jew kontrolli fil-fruntieri
L-Unjoni Doganali tissalvagwardja wkoll is-Suq Uniku tal-UE, billi tikkontrolla l-fruntieri esterni biex il-merkanzija tkun tista' tiċċirkola liberament fi ħdanha. Mingħajrha, il-moviment liberu tal-merkanzija fl-UE jkun impossibbli. Fl-istess ħin, il-kontrolli doganali fil-fruntieri esterni tal-UE jipproteġu lill-konsumaturi minn merkanzija li tista' tkun perikoluża jew ta' ħsara għal saħħithom. Huma jgħinu jissalvagwardjaw l-annimali u l-ambjent billi jindirizzaw il-kummerċ illegali fi speċi fil-periklu u jipprevjenu t-tixrid ta' mard tal-pjanti u tal-annimali. L-uffiċċji doganali tal-UE jaħdmu wkoll mill-qrib mal-infurzar tal-liġi biex jiġġieldu l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, kif ukoll mal-awtoritajiet tal-migrazzjoni.
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin: