Skip to content

L-unjoni doganali tal-UE

L-unjoni doganali tal-UE toħloq żona tariffarja unika għall-merkanzija kollha importata minn barra l-UE, li tippermetti l-merkanzija tiċċaqlaq liberament bejn l-istati membri mingħajr dwana.

X'inhi l-unjoni doganali tal-UE?

Stabbilita fl-1968, l-unjoni doganali tal-UE kienet pedament tal-integrazzjoni ekonomika Ewropea. Hija tiffaċilita l-kummerċ, tipproteġi liċ-ċittadini, trawwem l-innovazzjoni u tgħin lill-UE żżomm it-tmexxija ekonomika globali tagħha.

L-istati membri kollha tal-UE huma parti mill-unjoni doganali tal-UE. Dan ifisser li:

  • japplikaw l-istess rati jew tariffi tal-importazzjoni għall-merkanzija li tidħol fit-territorju tagħhom mill-bqija tad-dinja. Id-dazji doganali huma bbażati fuq it-tip ta' prodott u l-pajjiż tal-oriġini
  • ma jimponux dazji doganali internament fuq merkanzija nnegozjata bejniethom. Ladarba l-merkanzija tgħaddi mid-dwana, din tista' tiċċirkola liberament fl-UE, mingħajr tariffi addizzjonali jew kontrolli fil-fruntieri

L-unjoni doganali tissalvagwardja wkoll is-suq uniku tal-UE, billi tikkontrolla l-fruntieri esterni tagħha biex il-merkanzija tkun tista' tiċċirkola liberament fi ħdanha. Mingħajrha, il-moviment liberu tal-merkanzija fl-UE jkun impossibbli.

L-unjoni doganali b'hekk tiffaċilita l-kummerċ bla xkiel, tappoġġa lin-negozji, u tipproteġi liċ-ċittadini u lill-ambjent.

Trakk

Il-kodiċi doganali tal-Unjoni: sett komuni ta' regoli doganali

Ġewwa l-unjoni doganali, l-istati membri jiffurmaw blokk kummerċjali. Huma jużaw sistema uniformi għall-ġestjoni tal-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu tal-merkanzija u japplikaw sett komuni ta' regoli doganali. Dawn ir-regoli huma magħrufa bħalal-kodiċi doganali tal-Unjoni (KDU), u daħlu fis-seħħ fl-2016.

L-għanijiet ewlenin tal-kodiċi jinkludu:

  • l-immodernizzar tal-proċeduri doganali permezz ta' għodod diġitali (eż. dikjarazzjonijiet elettroniċi u sistemi awtomatizzati)
  • it-tħaffif tal-proċessi kummerċjali u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi
  • l-iżgurar tat-trasparenza u l-effiċjenza fil-kummerċ transfruntier

Ir-riforma doganali tal-UE

F'Mejju 2023, il-Kummissjoni pproponiet riforma fundamentali tal-qafas doganali tal-UE.

Fis-27 ta' Lulju 2025, il-Kunsill qabel li jelimina l-livell limitu ta' eżenzjoni mid-dazju doganali, li bħalissa jippermetti li merkanzija b'valur ta' inqas minn €150 tidħol fl-UE eżentata mid-dazju doganali. Madankollu, peress li r-regoli l-ġodda mhux ser jidħlu fis-seħħ qabel ma l-hub tad-data doganali tal-UE jsir operazzjonali, il-Kunsill qabel li japplika dazju doganali fiss ta' €3 fuq oġġetti li jinsabu f'dawn il-pakketti żgħar li jidħlu fl-UE, l-aktar permezz tal-kummerċ elettroniku, mill-1 ta' Lulju 2026.

Fil-25 ta' Marzu 2026, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew għażlu lilLille bħala l-belt ospitanti għall-awtorità doganali tal-Unjoni Ewropa (EUCA) futura.

Fis-26 ta' Marzu 2026, il-Kunsill u l-Parlament qablu dwar strumenti ġodda u innovattivi biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ globali, jittejjeb il-ġbir tad-dazji doganali, u biex oġġetti mhux konformi, perikolużi jew mhux sikuri ma jitħallewx jidħlu fl-UE.

Illustrazzjoni ta' xkafef ta' maħżen mimlijin b'kaxxi tal-kartun, bi scanner tal-barcodes li jinżamm fl-idejn jipponta lejhom u linji ta' ċirkwiti diġitali stilizzati fl-isfond li jissuġġerixxu kontroll awtomatizzat u diġitali tal-istokkijiet.
Il-modernizzazzjoni tal-unjoni doganali tal-UE

Il-modernizzazzjoni tal-unjoni doganali tal-UE

Ir-rwol tal-unjoni doganali

Il-kontrolli doganali fil-fruntieri esterni tal-UE jipproteġu lill-konsumaturi minn merkanzija li tista' tkun perikoluża jew ta' ħsara għal saħħithom.

Huma jgħinu wkoll biex jissalvagwardjaw l-annimali u l-ambjent billi jindirizzaw il-kummerċ illegali fi speċi fil-periklu u jipprevjenu t-tixrid ta' mard tal-pjanti u tal-annimali.

L-uffiċċji doganali tal-UE jaħdmu mill-qrib mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-migrazzjoni biex jiġġieldu l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu.

Sikurezza tal-konsumatur

L-ispezzjoni tal-merkanzija fil-fruntieri esterni (portijiet, ajruporti u qsim fuq l-art) biex jiġi evitat id-dħul ta' merkanzija perikoluża u perikli għas-saħħa.

Protezzjoni tal-ambjent

Il-ġlieda kontra l-kummerċ illegali ta' speċi fil-periklu, injam eżotiku u skart perikoluż.

Prevenzjoni tal-kriminalità

Ħidma mal-Europol, l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), u l-Eurojust fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u t-traffikar ta' oġġetti ffalsifikati.

Operazzjonijiet speċjalizzati

L-użu ta' laboratorji doganali, teknoloġija avvanzata ta' skennjar u sistemi ta' analiżi tar-riskji biex jiġu identifikati l-frodi, il-merkanzija perikoluża u l-kummerċ illegali qabel ma l-merkanzija tidħol fl-UE.

Il-benefiċċji tal-unjoni doganali

Is-salvagwardja għaċ-ċittadini, l-annimali u l-ambjent

L-unjoni doganali għandha rwol vitali fl-impenn tal-UE għal standards għoljin ta' saħħa pubblika, sikurezza tal-prodotti, sigurtà, u protezzjoni ambjentali. Permezz tal-protezzjoni tal-fruntieri tal-UE, il-merkanzija perikoluża u l-prodotti ffalsifikati ma jistgħux jaċċessaw is-swieq tal-UE. Pereżempju, l-awtoritajiet doganali jiċċekkjaw li l-ġugarelli tat-tfal li jidħlu fl-UE jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sikurezza tal-UE.

L-unjoni tinforza wkoll standards veterinarji u fitosanitarji stretti biex tikkontrolla t-tixrid tal-mard tal-annimali u tal-pjanti u tiġġieled l-esportazzjoni illeċita ta' beni kulturali u skart perikoluż.

Mexxejja dinjija fil-kummerċ u d-dwana

Il-kooperazzjoni internazzjonali estensiva tal-Unjoni ma' ħafna pajjiżi madwar id-dinja kienet strumentali fl-armonizzazzjoni tal-proċeduri u fil-ġlieda kontra l-frodi. Dan isaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE bħala mexxejja fil-kummerċ dinji sigur u effiċjenti.

Bħala wieħed mill-akbar blokok kummerċjali fid-dinja, l-unjoni doganali tal-UE timmaniġġa kummerċ b'valur ta' aktar minn €4.3 triljun, li jammonta għal madwar 14% tal-kummerċ globali.

It-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni

L-unjoni doganali kienet strumentali biex jinħolqu l-impjiegi, tissaħħaħ il-kompetittività, u titrawwem l-innovazzjoni. Is-suq uniku ġġenera miljuni ta' impjiegi u żied il-ġid tal-UE b'mijiet ta' biljuni ta' euro.

Fl-2024, l-esportazzjonijiet ta' merkanzija mill-pajjiżi tal-UE lejn pajjiżi oħra tal-UE ammontaw għal €4 025 biljun. Il-benefiċċji ekonomiċi stmati jvarjaw minn 8% sa 9% tal-prodott domestiku gross (PDG) tal-UE.

Il-benefiċċji għall-konsumatur

L-unjoni doganali tal-UE hija ta' benefiċċju għall-konsumaturi billi tiżgura kummerċ aktar rapidu u aktar effiċjenti, u b'hekk tnaqqas id-dewmien burokratiku u l-kostijiet għall-merkanzija importata. Is-sett uniku ta' regoli fl-istati membri kollha jgħin biex il-prezzijiet jinżammu stabbli u kompetittivi. It-tnaqqis tal-ostakli kummerċjali jiżguraw merkanzija bi prezzijiet aktar baxxi u aktar affordabbli, aċċess għal firxa varjata ta' prodotti u kompetizzjoni akbar fis-suq.

L-unjoni doganali bin-numri

L-unjoni doganali tal-UE ilha taħdem għal aktar minn 50 sena b'mod effiċjenti lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, ġestita minn uffiċċji doganali nazzjonali li jaħdmu flimkien.

L-unjoni doganali fl-2024:

  • kważi 27 biljun miġbura bħala dazji doganali
  • 2 140 uffiċċju doganali tal-UE, jaħdmu 24 siegħa kuljum u 365 jum fis-sena
  • importazzjoni, esportazzjoni u tranżitu ta' aktar minn 1 370 miljun oġġett

Il-protezzjoni tal-UE minn merkanzija perikoluża

Kuljum, l-awtoritajiet doganali jidentifikaw ir-riskji u jwettqu kontrolli biex jiżguraw li r-regoli tal-UE jiġu rispettati. L-UE tiżgura li jiġu rispettati l-istandards tagħha dwar is-saħħa, l-ambjent, is-sikurezza u s-sigurtà tal-prodotti, prinċipalment permezz ta' projbizzjonijiet u restrizzjonijiet.

Fl-2024, kien hemm 64 000 każ ta' merkanzija identifikata mill-awtoritajiet doganali tal-UE li kienet ta' riskju għas-saħħa tal-konsumaturi.

L-awtoritajiet doganali jipproteġu liċ-ċittadini tal-UE kontra merkanzija mhux konformi jew perikoluża minn pajjiżi mhux tal-UE. Pereżempju, huma jiċċekkjaw li l-ġugarelli tat-tfal jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sikurezza tal-UE.

Fl-2024, l-uffiċjali tad-dwana ssekwestraw:

  • 463.4 tunnellata ta' drogi illeċiti
  • aktar minn 180 000 oġġett ta' splussiv fl-UE
  • 3.3 biljun unità ta' tabakk u sigaretti

Protezzjoni tal-UE kontra oġġetti ffalsifikati

L-importazzjonijiet ta' prodotti ffalsifikati u kkupjati jwasslu għal telf ta' profitt, impjiegi u dħul tan-negozji tal-UE.

Fl-2024, 112-il miljun oġġett ffalsifikat inżammu fl-UE.

Il-prodotti ffalsifikati l-aktar komuni miżmuma kienu l-logħob, il-ġugarelli, is-CDs/DVDs irreġistrati, it-tikketti/it-tabelli/l-istikers u l-materjal tal-imballaġġ.

Finanzjament tal-baġit tal-UE

It-tariffi fuq merkanzija minn barra l-UE ġeneralment jitħallsu ladarba jidħlu fl-UE. L-uffiċjali doganali jiġbru d-dazji doganali,li jgħinu biex jiġi ffinanzjat il-baġit tal-UE u l-baġit tal-istati membri.

75% tad-dazji doganali miġbura huma destinati għall-baġit tal-UE, li jirrappreżenta 13.7% tal-baġit totali għall-2024. Id-dazji doganali jissejħu wkoll "riżorsi proprji tradizzjonali" peress li dejjem eżistew bħala sors dirett ta' dħul għall-baġit tal-UE.

Fl-2024, total ta' €20.1 biljun ġie ttrasferit għall-baġit tal-UE.

Fl-istess ħin, it-tariffi doganali u miżuri kummerċjali oħra jipproteġu lill-UE kontra prattiki kummerċjali inġusti u jiżguraw kummerċ ġust ma' pajjiżi terzi.

Ara wkoll

Mappa tal-UE li turi l-moviment ta' persuni u merkanzija f'diversi pajjiżi.
Suq uniku

Suq uniku

Xi jfissru t-tariffi tal-UE

Xi jfissru t-tariffi tal-UE

Kummerċ

Kummerċ

L-aħħar reviżjoni: 26 ta' Marzu 2026