"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Bijodiversità

Il-bijodiversità qed tonqos b'rati allarmanti. Il-pajjiżi tal-UE huma impenjati li jirrestawraw in-natura u jippreservaw id-diversità bijoloġika tagħha.

Strateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030

L-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030, ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea f'Mejju 2020, hija element ewlieni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-istrateġija u approva l-objettivi tagħha f'Ottubru 2020. Huwa enfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi biex jiġu indirizzati l-ixpruni diretti u indiretti tat-telf tal-bijodiversità u tan-natura. Huwa tenna s-sejħa għal integrazzjoni sħiħa tal-objettivi għall-bijodiversità f'setturi oħra bħall-agrikoltura, is-sajd u l-forestrija kif ukoll għal implimentazzjoni koerenti tal-miżuri tal-UE f'dawn l-oqsma.

Il-ministri appellaw biex proporzjon sinifikanti ta' 30% tal-baġit tal-UE u n-nefqa ta' Next Generation EU allokati għall-indirizzar tal-azzjoni dwar il-klima jiġu investiti fil-bijodiversità u f'soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura li jippromwovu l-bijodiversità.

L-istrateġija "mill-għalqa sal-platt" u l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità, li ġew ippreżentati b'mod konġunt mill-Kummissjoni fl-2020, għandhom diversi għanijiet u miri komuni: pereżempju t-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi u l-fertilizzanti, ir-restawr tal-art agrikola u l-ġestjoni tal-ilma.

Liġi dwar ir-restawr tan-natura

Il-liġi tal-UE dwar ir-restawr tan-natura għandha l-għan li tirrestawra l-bijodiversità u l-ekosistemi, skont l-għanijiet tal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030. Il-liġi għandha l-għan li tistabbilixxi miżuri ta' rkupru li ser ikopru mill-inqas 20% taż-żona tal-art u 20% taż-żona tal-baħar tal-UE sal-2030, u l-ekosistemi kollha li jeħtieġu restawr sal-2050.

Ir-regoli huma l-ewwel li qatt iffukaw speċifikament fuq l-irkupru tan-natura fl-istati membri tal-UE u jistabbilixxu miri vinkolanti fil-livell tal-UE għal azzjoni ta' restawr għal:

  • ħabitats tal-art u tal-baħar degradati
  • pollinaturi
  • ekosistemi agrikoli
  • żoni urbani
  • xmajjar u pjanuri tal-għargħar
  • foresti

Il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu (approċċ ġenerali) għal-liġi dwar ir-restawr tan-natura f'Ġunju 2023. F'Novembru 2023, intlaħaq ftehim mal-Parlament Ewropew wara negozjati fit-"trilogi".

F'Ġunju 2024, il-Kunsill adotta l-liġi dwar ir-restawr tan-natura.

Illustrazzjoni ta' pajsaġġ naturali restawrat b'densità ta' siġar ħodor, għasafar itiru f'xemx qawwija, u ħut jgħum f'ilma ċar taħt xatt bil-blat

Ir-restawr tan-natura

Politiki oħra tal-UE għall-protezzjoni tal-bijodiversità

L-isforzi tal-UE biex twaqqaf it-telf tal-bijodiversità u l-ekosistemi huma bbażati fuq leġiżlazzjoni. Din tinkludi:

  • id-direttivi dwar l-għasafar u l-ħabitats
  • id-direttiva qafas dwar l-Ilma
  • id-direttiva qafas dwar l-istrateġija marina

Il-leġiżlazzjoni li tkopri setturi bħat-tniġġis, l-ispeċijiet aljeni invażivi u t-tibdil fil-klima tikkontribwixxi wkoll għall-konservazzjoni tal-bijodiversità billi tindirizza l-fatturi li jwasslu għat-telf tagħha.

Biex tiffinanzja azzjonijiet fuq il-post għall-protezzjoni u r-restawr tan-natura, l-UE waqqfet il-programm LIFE. Filwaqt li tnieda fl-1992, huwa l-uniku programm ta' finanzjament tal-UE ddedikat kompletament għal objettivi ambjentali u klimatiċi. Mindu inħoloq, aktar minn 6 500 proġett ġew kofinanzjati minn LIFE.

Żewġt idejn miftuħin għat-tond jiċċirkondaw b'ġentilezza xena msaġġra żgħira b'ċerva u għasafar itiru, li jissimbolizzaw lill-bnedmin iħarsu n-natura u l-ħajja selvaġġa.

Protezzjoni tan-natura

Għaliex is-salamandri huma importanti għalik

L-iċken kreaturi, saħansitra iċken minn salamandra, iġorru responsabbiltà kbira għas-sostenn tax-xibka affaxxinanti tal-ħajja.

Bid-direttiva dwar il-ħabitats, l-UE ilha tissalvagwardja s-salamandri, flimkien ma' mijiet ta' speċijiet oħra ta' annimali, kif ukoll pjanti u żoni naturali. Mill-Finlandja sa Malta, mir-Rumanija sal-Portugall, il-liġi tal-UE għenet biex jiġu ppreservati l-ħabitats u l-ispeċijiet ħajjin li jgħixu fihom.

Ritratt ta' salamandra

Miri globali għall-bijodiversità

L-UE taqdi rwol attiv fil-livell internazzjonali, billi tgħin biex jiġi żgurat it-twettiq tal-impenji globali tagħha dwar il-ħarsien tan-natura u l-bijodiversità skont konvenzjonijiet multilaterali, bħall-konvenzjoni dwar id-diversità bijoloġika u l-konvenzjoni dwar il-kummerċ internazzjonali fl-ispeċijiet ta' fawna u flora selvaġġi fil-periklu.

F'Ottubru 2024, il-Kunsill approva konklużjonijiet li servew bħala l-pożizzjoni ta' negozjar ġenerali tal-UE għas-16-il konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-bijodiversità (COP16) li saret f'Ottubru u Novembru 2024 fil-Kolombja. Fi Frar 2025 sar segwitu għall-konferenza fl-Italja fejn il-pajjiżi qablu dwar miżuri ta' finanzjament u monitoraġġ biex jiġu implimentati l-għanijiet u l-miri dinjin tal-bijodiversità.

Għaliex il-bijodiversità hija importanti?

Il-bijodiversità hija s-sinsla tal-ħajja. Hija essenzjali għall-bnedmin daqs kemm hija essenzjali għall-ħarsien tal-ambjent u tal-klima.

Tipprovdi lin-nies b'ikel, ilma ħelu u arja nadifa u taqdi rwol importanti fiż-żamma tal-bilanċ tan-natura. Hija tgħin biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u tipprevjeni t-tixrid ta' mard infettiv.

Skont il-Forum Ekonomiku Dinji, kważi nofs il-PDG globali (madwar €40 triljun) jiddependi fuq l-ambjent naturali u r-riżorsi tiegħu. L-akbar setturi ekonomiċi (il-kostruzzjoni, l-agrikoltura, u l-industrija tal-ikel u x-xorb) huma kollha dipendenti ħafna fuq in-natura, u flimkien jiġġeneraw kważi €7.3 triljun għall-ekonomija globali.

L-attivitajiet tal-bniedem li jikkawżaw tniġġis u bidliet lill-ħabitats, kif ukoll it-tibdil fil-klima, qed jitfgħu pressjoni fuq l-ispeċijiet u l-ekosistemi. Ix-xjenzjati jikkalkulaw li mad-dinja kollha bħalissa miljun speċi ta' pjanti, insetti, għasafar u mammiferi huma mhedda bl-estinzjoni.

Ara wkoll

Illustrazzjoni stilizzata taċ-ċirku ta' stilel tal-UE mdawra b'simboli tat-tranżizzjoni ekoloġika, fosthom turbina eolika, pannelli solari, siġar, fawna selvaġġa, għelejjel u tractor.

Patt Ekoloġiku Ewropew

Immaġni stilizzata ta' id iżżomm pajsaġġ żgħir b'siġra u bl-ilma, b'ċirku ta' stilel fl-isfond li jissimbolizza l-protezzjoni Ewropea tan-natura u l-klima.

Kif in-natura tgħin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

L-infografika tippreżenta l-istat tan-natura fl-UE abbażi tal-aħħar rapporti xjentifiċi.

F'liema stat tinsab in-natura fl-UE?

L-aħħar reviżjoni: 12 ta' Marzu 2025