"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Vidjokonferenza informali tal-ministri għall-agrikoltura, 26 ta' April 2021
Riżultati ewlenin
Riforma tal-PAK
Il-presidenza aġġornat lill-ministri dwar il-progress fin-negozjati interistituzzjonali (trilogu) dwar il-pakkett ta' riforma tal-PAK u talbet il-gwida tagħhom dwar proposta ta' kompromess dwar l-arkitettura ekoloġika. Element ċentrali tal-proposta ta' kompromess tal-presidenza hija ż-żieda tal-ammonti delimitati għall-ekoskemi, imqabbla mal-approċċ ġenerali tal-Kunsill (żieda progressiva, li tibda bi 22% fl-2023 u tilħaq 25% fl-2025) u l-preservazzjoni tal-flessibbiltajiet finanzjarji (eż. il-perjodi inizjali ta' apprendiment għall-istati membri).
Ħafna ministri indikaw li huma lesti jikkunsidraw il-proposta għal ammonti delimitati akbar għall-ekoskemi; xi wħud esprimew it-tħassib tagħhom billi appellaw lill-presidenza biex ma tiddevjax mill-approċċ ġenerali tal-Kunsill u d-delimitazzjoni ta' 20% maqbula għall-ekoskemi.
Il-ministri kollha esprimew il-preferenza qawwija tagħhom biex tinżamm il-flessibbiltà fl-arkitettura ekoloġika billi ddefendew elementi bħall-perjodi inizjali ta' apprendiment u l-possibbiltà li jiġu ttrasferiti fondi bejn il-pilastri, sabiex jiġi evitat it-telf ta' fondi mhux minfuqa.
Il-maġġoranza l-kbira tal-ministri esprimew l-appoġġ qawwi tagħhom għall-pjan tal-presidenza biex in-negozjati jiġu konklużi matul il-presidenza Portugiża; diversi ministri enfasizzaw il-ħtieġa għal ftehim li jinkludi t-tliet regolamenti kollha li jagħmlu parti mill-pakkett ta' riforma tal-PAK.
Ilħaqna perspettiva kondiviża dwar l-arkitettura ekoloġika, indikatur eċċellenti tal-impenn tal-Kunsill biex titlesta r-riforma tal-PAK, kompromess li għamilna għall-bdiewa u ċ-ċittadini Ewropej.
Maria do Céu Antunes, Ministru għall-Agrikoltura tal-Portugall
Sitwazzjoni tas-suq
Il-Kummissjoni aġġornat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni tas-settur u s-swieq agrikoli Ewropej filwaqt li enfasizzat li, kumplessivament, is-settur agroalimentari wera reżiljenza u żgura s-sigurtà alimentari matul il-kriżi tal-COVID-19. Il-ministri enfasizzaw l-effetti negattivi tal-ġlati reċenti, b'mod partikolari għas-setturi tal-inbid u l-frott; diversi ministri ħeġġew lill-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għas-setturi milquta.
COVID-19: appoġġ tal-UE lill-agrikoltura u s-sajd (Infografika)
Kummerċ
Il-ministri kellhom diskussjoni strateġika dwar id-direzzjoni li għandhom jieħdu r-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE ma' pajjiżi terzi (kif ukoll politiki esterni oħra tal-UE) sabiex jiġu preservati s-sostenibbiltà u l-kredenzjali ambjentali tal-UE fis-settur agroalimentari. Il-ministri esprimew appoġġ għal aġenda kummerċjali miftuħa, sostenibbli u ambizzjuża li tiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u appoġġ għas-setturi l-aktar sensittivi.
Il-ministri kkummentaw ukoll dwar l-istudju aġġornat taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka dwar l-effetti ekonomiċi kumulattivi ta' negozjati li għaddejjin u li jmiss fuq is-settur agrikolu tal-UE: it-talbiet prinċipali kienu għal aġġornamenti aktar regolari u analiżi aktar dettaljata tal-impatt tal-ftehimiet kummerċjali fuq reġjuni u setturi differenti.
Affarijiet oħra
Il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar l-eżitu tal-evalwazzjoni tal-Istrateġija tal-UEgħat-Trattament Xieraq tal-Annimali għall-2012 sal-2015 u ħabbret l-intenzjoni tagħha li tippreżenta proposta leġiżlattiva rilevanti sa tmiem l-2023. Diversi ministri enfasizzaw l-importanza tat-trattament xieraq tal-annimali u żiedu l-ħtieġa li tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni dwar it-trasport tal-annimali.
Id-delegazzjoni Ġermaniża stiednet lill-Kummissjoni biex tqis l-estensjoni tat-tikkettar obbligatorju tal-metodi tal-biedja tat-tiġieġ għal ikel li fih il-bajd bħala ingredjent ta' ikel ipproċessat (eż. l-għaġin, il-mayonnaise). Din l-inizjattiva rċeviet l-appoġġ ta' diversi stati membri li enfasizzaw il-valur miżjud ta' tali informazzjoni għall-konsumaturi.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.