"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Bil-permess tiegħek, ser nużaw cookies biex nipproduċu data aggregata anonima dwar in-navigazzjoni u l-imġiba tal-viżitaturi fuq is-sit web tagħna. Ser nużaw din id-data biex intejbu l-esperjenza tiegħek tan-navigazzjoni fuq is-sit web tagħna.
Kunsill Agrikoltura u Sajd, 22 u 23 ta' Marzu 2021
Riżultati ewlenin
Sajd
Il-ministri qiesu l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit dwar l-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd għall-2021 u, għall-istokkijiet tal-baħar fond, għall-2021 u l-2022. Minħabba l-possibbiltà li ż-żewġ partijiet jistgħu ma jilħqux qbil sa tmiem Marzu (meta jiskadu l-opportunitajiet tas-sajd proviżorji u limitati), il-ministri qablu dwar pjan ta' kontinġenza għall-estensjoni tal-opportunitajiet tas-sajd proviżorji bejn l-UE u r-Renju Unit sal-31 ta' Lulju 2021. Dan il-pjan jiżgura attività tas-sajd mingħajr interruzzjoni għall-flotot tal-UE sakemm l-UE u r-Renju Unit jilħqu ftehim dwar opportunitajiet tas-sajd definittivi għall-2021 u għall-istokkijiet tal-baħar fond għall-2021 u l-2022.
Il-pjan ta' kontinġenza jistabbilixxi opportunitajiet tas-sajd proviżorji u limitati, f'konformità mal-parir xjentifiku pprovdut mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) għall-2021 u l-qafas tal-ftehim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit.
Il-pjan ta' kontinġenza jiggarantixxi li l-flotot tal-UE ser ikomplu joperaw fiż-żoni tas-sajd tradizzjonali tagħhom lil hinn minn Marzu. Nittama li mhux ser ikollna bżonn dan il-pjan u li jkun jista' jintlaħaq ftehim biex jiġu stabbiliti limiti ta' qbid definiti bejn l-UE u r-Renju Unit.
Ricardo Serrão Santos, Ministru għall-Baħar tal-Portugall
Il-ministri esprimew ukoll is-sodisfazzjon tagħhom għall-konklużjoni informali tal-konsultazzjonijiet bejn l-UE u n-Norveġja u bejn l-UE, in-Norveġja u r-Renju Unit għall-istabbiliment ta' opportunitajiet tas-sajd definittivi fil-Baħar tat-Tramuntana u fiż-żoni ta' Skagerrak u Kattegat għall-2021.
Agrikoltura
Stat ta' tħejjija fir-rigward ta' miżuri fitosanitarji għall-protezzjoni kontra pesti tal-pjanti
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-istat ta' tħejjija tal-UE fir-rigward ta' miżuri fitosanitarji għall-protezzjoni kontra pesti tal-pjanti li jheddu l-agrikoltura. Il-ministri ssottolinjaw l-importanza tas-sensibilizzazzjoni dwar is-saħħa tal-pjanti u l-ħtieġa li l-pesti perikolużi jkunu jistgħu jiġu identifikati kmieni u jinqerdu bl-aktar mod effettiv possibbli.
Diversi ministri semmew li l-kapaċitajiet diġitali (eż. l-iżvilupp ta' bażijiet ta' data diġitali) u l-innovazzjoni jista' jkollhom rwol ewlieni fl-indirizzar tal-isfidi attwali u futuri relatati mas-saħħa tal-pjanti u l-pesti. Il-ministri enfasizzaw ukoll modi biex jissaħħaħ l-istat ta' tħejjija tal-Ewropa kontra l-pesti eż. billi jiġu żviluppati pjanijiet ta' kontinġenza u jiġu implimentati kontrolli stretti fuq il-fruntieri.
Użu ta' aġenti ta' kontroll bijoloġiku kontra l-pesti
Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar l-użu ta' aġenti ta' kontroll bijoloġiku - BCAs (makroorganiżmi) kontra pesti tal-pjanti. Kien hemm kunsens fost il-ministri li l-BCAs jirrappreżentaw alternattiva vijabbli għall-pestiċidi kimiċi u jistgħu jikkontribwixxu għall-kisba ta' ċerti għanijiet tal-Patt Ekoloġiku u l-istrateġija mill-għalqa sal-platt.
Kien hemm ukoll appoġġ ġenerali għall-inizjattiva tal-presidenza li tressaq proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li titlob lill-Kummissjoni twettaq studju dwar is-sitwazzjoni fl-Unjoni u l-għażliet rigward l-importazzjoni, l-evalwazzjoni, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' aġenti ta' kontroll bijoloġiku.
Il-protezzjoni tal-pjanti tfisser il-protezzjoni tal-bijodiversità, l-għelejjel, il-produzzjoni tal-ikel, u fl-aħħar mill-aħħar, il-ħajja. Flimkien, nistgħu nibnu fuq l-inizjattivi eżistenti u nagħmlu progress fl-istat ta' tħejjija tagħna.
Maria do Céu Antunes, Ministru għall-Agrikoltura tal-Portugall
Pakkett ta' riforma tal-PAK
Il-presidenza pprovdiet lill-ministri b'aġġornament dwar in-negozjati interistituzzjonali li għaddejjin rigward it-tliet regolamenti li jikkostitwixxu l-pakkett ta' riforma tal-politika agrikola komuni (PAK) (għall-perjodu 2023-2027). Il-presidenza ħadet nota tal-fehmiet differenti espressi mill-ministri dwar diversi aspetti tal-pakkett ta' riforma. Il-presidenza, bi gwida politika mġedda mill-ministri, issa ser timmira għal aktar progress fin-negozjati interistituzzjonali, b'mod partikolari f'"super trilogu" nhar il-Ġimgħa 26 ta' Marzu 2021.
Id-diskussjonijiet ministerjali dwar it-tliet regolamenti ttrattaw suġġetti bħal:
pjanijiet strateġiċi
mudell ta' implimentazzjoni ġdid
immirar tal-pagamenti
ġestjoni tas-suq u miżuri eċċezzjonali
Pjanijiet strateġiċi
Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar it-tħejjija tal-pjanijiet strateġiċi tal-PAK. L-istati membri bħalissa qed ifasslu l-pjanijiet strateġiċi nazzjonali tagħhom, ibbażati wkoll fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni li mhumiex legalment vinkolanti u huma speċifiċi għall-pajjiż.
Il-ministri rringrazzjaw lill-Kummissjoni talli pprovdiet ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. Ħafna ministri spjegaw li dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma indikazzjoni tajba u punt tat-tluq tajjeb fit-tfassil tal-pjanijiet strateġiċi; madankollu huma enfasizzaw li dawn il-pjanijiet ikunu prinċipalment ibbażati fuq prijoritajiet nazzjonali, speċifiċitajiet u analiżi SWOT.
Id-delegazzjonijiet esprimew fehmiet diverġenti dwar sa liema punt għandhom jiġu integrati l-objettivi tal-istrateġija tal-Patt Ekoloġiku u l-istrateġija mill-għalqa sal-platt fil-pjanijiet strateġiċi tal-PAK; xi ministri talbu għal valutazzjoni tal-impatt mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-irbit ta' dawn l-istrateġiji mal-PAK.
Mudell ta' implimentazzjoni ġdid
Il-ministri tennew bil-qawwa l-preferenza tagħhom għal mudell ta' implimentazzjoni ġdid (kif previst fir-regolament dwar il-pjanijiet strateġiċi u r-regolament orizzontali) li jipprovdi biżżejjed flessibbiltà lill-istati membri dwar kif ifasslu l-interventi ta' finanzjament tagħhom filwaqt li jiggarantixxu proċess simplifikat. Biex tiġi żgurata s-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-burokrazija, ħafna ministri kienu kontra proposta għal sistema b'żewġ saffi li tintroduċi kemm il-konformità kif ukoll l-obbligi bbażati fuq il-prestazzjoni.
Immirar tal-pagamenti
Il-presidenza ppreżentat is-suġġerimenti ta' kompromess dwar għadd ta' kwistjonijiet miftuħa prinċipalment dwar in-natura obbligatorja (jew le) tad-dispożizzjonijiet inkluż id-definizzjonijiet ta' “bidwi attiv” u “bidwi ġdid”, it-tnaqqis tal-pagamenti (iffissar ta' limitu massimu), il-pagamenti għall-bdiewa żgħar, il-pagamenti ridistributtivi. Filwaqt li l-fehmiet dwar id-dispożizzjonijiet differenti varjaw, diversi ministri enfasizzaw il-ħtieġa għal flessibbiltà rigward miżuri differenti (u għażlu l-aktar id-dispożizzjonijiet volontarji).
Ġestjoni tas-suq u miżuri eċċezzjonali
Il-presidenza spjegat li l-pożizzjonijiet tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew huma relattivament allinjati dwar kwistjonijiet relatati mal-inbid u l-indikaturi ġeografiċi iżda jibqgħu separati fir-rigward tal-ġestjoni tas-suq u l-miżuri ta' kriżi. Il-ministri appellaw lill-presidenza biex tibqa' qrib il-prinċipji maqbula u stabbiliti fl-approċċ ġenerali tal-Kunsill (adottat f’Ottubru 2020) u tirrispetta l-impenji tal-UE fil-qafas tad-WTO matul in-negozjati interistituzzjonali li għaddejjin. Urew ukoll ir-rieda li jieħdu pass lejn il-Parlament dwar ċerti kwistjonijiet.
Affarijiet oħra
Strateġija tal-UE għall-Foresti għal wara l-2020
Id-delegazzjoni Awstrijaka, bl-appoġġ ta' 11-il stat membru, esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-mod kif diversi inizjattivi fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku tal-UE jindirizzaw aspetti marbuta mal-foresti, u b'hekk potenzjalment jiddeterminaw minn qabel l-ambitu tal-istrateġija futura tal-UE għall-foresti għal wara l-2020. Il-maġġoranza tal-ministri enfasizzaw il-ħtieġa li tiġi promossa l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u r-rwol multifunzjonali tagħhom fl-istrateġija tal-UE għall-foresti. Huma appellaw ukoll lill-Kummissjoni biex tagħraf il-kontribut tal-foresti għall-bijodiversità u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-istrateġija futura tal-UE għall-foresti għal wara l-2020.
Proposti biex l-implimentazzjoni tal-PAK issir aktar sempliċi
Id-delegazzjoni Franċiża, f'isem 14-il stat membru, ippreżentat dokument informali dwar il-limitazzjoni tal-piż amministrattiv fil-PAK il-ġdida bi proposti speċifiċi dwar il-mudell ta' implimentazzjoni l-ġdid, il-kontenut tal-pjanijiet strateġiċi tal-PAK, l-atti delegati fost oħrajn.
Il-kriżi tal-COVID-19 u s-settur tal-inbid
Id-delegazzjoni Spanjola, flimkien ma' 13-il stat membru, infurmat lill-ministri bil-ħtieġa għal fondi addizzjonali b'appoġġ għas-settur tal-inbid, li ntlaqat mill-kriżi tal-COVID-19 u mit-tariffi tal-Istati Uniti.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.