"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Kompetittività

Kunsill Kompetittività (Suq intern u industrija), 25 ta' Novembru 2021

Riżultati ewlenin

Att dwar is-Swieq Diġitali

Il-Kunsill qabel unanimament dwar approċċ ġenerali rigward il-proposta għal Att dwar is-Swieq Diġitali(DMA), li għandha l-għan li toħloq kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni, bi drittijiet u obbligi ċari għal pjattaformi online kbar.

Zdravko Počivalšek, Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku u t-Teknoloġija tas-Slovenja
Bil-qbil tal-Kunsill kemm rigward l-Att dwar is-Swieq Diġitali kif ukoll rigward l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, aħna wettaqna waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-presidenza tagħna. Nemmnu li, aħna, l-Unjoni Ewropea qed immexxu bl-eżempju bir-regolamentazzjoni tas-suq diġitali, li ser twassal għal spazju diġitali aktar kompetittiv u ambjent tan-negozju aktar ġust.
Zdravko Počivalšek, Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku u t-Teknoloġija tas-Slovenja
Zdravko Počivalšek, Ministru għall-Iżvilupp Ekonomiku u t-Teknoloġija tas-Slovenja

Il-ministri enfasizzaw l-importanza tal-Att dwar is-Swieq Diġitali u ndikaw il-ħtieġa li jiġu rregolati pjattaformi online kbar u l-ħtieġa ta' proposta li tiżgura ċertezza legali u li tibqa' valida fil-futur.

Xi stati membri enfasizzaw li ma jixtiqux li din il-proposta tidgħajjef waqt in-negozjati mal-Parlament Ewropew, u l-parti l-kbira tal-ministri appoġġaw lill-Kummissjoni Ewropea bħala infurzatur uniku tar-regolamentazzjoni. L-importanza li l-SMEs jitħallew idaħħlu l-innovazzjonijiet tagħhom fis-suq u li jkun hemm kondizzjonijiet ekwivalenti għan-negozji kollha ssemmiet ukoll minn ħafna delegazzjonijiet.

Il-ministri qablu b'mod ġenerali li l-proposta tippreżenta kompromess ġust u bbilanċjat li jistabbilixxi mandat b'saħħtu għan-negozjati mal-Parlament Ewropew, li huma skedati li jibdew fl-2022.

Att tal-UE fuq sfond b'tikek sofor u blu, li jirrappreżentaw il-pjattaformi online tal-SMEs

Att dwar is-Swieq Diġitali (Infografika)

Att dwar is-Servizzi Diġitali

Il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali rigward il-proposta għal Att dwar is-Servizzi Diġitali(DSA). L-għan ewlieni tad-DSA huwa li l-utenti jinżammu sikuri minn oġġetti, kontenut u servizzi illegali, u li jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tagħhom online. Il-proposta timmodernizza wkoll parti mid-direttiva dwar il-kummerċ elettroniku mill-2000.

Mark Boris Andrijanič, Ministru għat-Trasformazzjoni Diġitali tas-Slovenja
L-Att dwar is-Servizzi Diġitali ser ibiddel l-isfera diġitali enormement, u ser joħloq spazju online aktar sikur u ġust għaċ-ċittadini tal-UE. Flimkien mad-DMA, il-proposta hija fil-qalba tal-istrateġija diġitali Ewropea u aħna konvinti li ser terġa' tikseb il-fiduċja taċ-ċittadini u żżid il-protezzjoni tal-konsumatur.
Mark Boris Andrijanič, Ministru għat-Trasformazzjoni Diġitali tas-Slovenja
Mark Boris Andrijanič, Ministru għat-Trasformazzjoni Diġitali tas-Slovenja

Matul is-sessjoni pubblika, il-ministri esprimew l-appoġġ tagħhom għall-proposta u enfasizzaw l-importanza li jkun hemm spazju diġitali aktar sikur, ibbażat fuq il-prinċipju ta' "dak li huwa illegali offline, għandu jkun ukoll illegali online".

Filwaqt li enfasizzaw l-importanza tal-innovazzjoni u l-ħtieġa ta' reazzjoni rapida filwaqt li tiġi salvagwardjata l-kwalità, il-ministri qablu b'mod ġenerali li t-test jikkostitwixxi kompromess ibbilanċjat.

Il-biċċa l-kbira tal-istati membri laqgħu l-protezzjoni msaħħa tal-minorenni, u diversi stati membri enfasizzaw l-importanza tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini.

Dan l-approċċ ġenerali ser ikun l-bażi għan-negozjati mal-Parlament Ewropew, li huma skedati li jibdew fl-2022.

Spazji individwali li juru l-istati membri differenti tal-UE u d-data tal-kummerċ elettroniku tagħhom

Att dwar is-Servizzi Diġitali (Infografika)

Pjan ta' rkupru għall-Ewropa

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-pjan ta' rkupru għall-Ewropa. Huma ddiskutew is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza mill-istati membri, kif ukoll approċċi għat-tħejjija tal-pjanijiet.

Il-ministri spjegaw l-isfidi li jipprevedu fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet, bħan-nuqqas attwali ta' provvista fil-qasam tas-semikondutturi u l-materja prima, kif ukoll in-nuqqas attwali tas-suq tax-xogħol. Ħafna stati membri laqgħu l-Att dwar iċ-Ċipep li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea u l-proposta għat-tieni IPCEI dwar il-mikroelettronika.

Il-politika tal-kompetizzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea aġġornat lill-ministri dwar komunikazzjoni dwar politika tal-kompetizzjoni li għandha tkun tajba għal sfidi ġodda. Din ir-reviżjoni tal-politika tal-kompetizzjoni ġiet adottata mill-Kummissjoni Ewropea fit-18 ta' Novembru. Hija tiddeskrivi l-kontribut tal-politika tal-kompetizzjoni u tar-rieżami tagħha għal tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali u għal suq uniku reżiljenti.

Suġġetti oħra fuq l-aġenda

Pakkett leġiżlattiv "lesti għall-mira ta' 55%"

Il-presidenza Slovena pprovdiet aġġornament dwar is-sitwazzjoni attwali fl-eżami tal-elementi differenti tal-pakkett "lesti għall-mira ta'55%" ta' proposti leġiżlattivi relatati mal-klima.

Il-pakkett "lesti għall-mira ta' 55%" huwa sett ta' proposti interkonnessi adottati mill-Kummissjoni fl-14 ta' Lulju bl-għan li l-emissjonijiet netti tal-gassijiet b'effett ta' serra jitnaqqsu b'mill-inqas 55% sal-2030.

Il-Kunsill Kompetittività għandu rwol ewlieni x'jaqdi biex jiżgura li l-UE twettaq il-livell miftiehem ta' ambizzjoni li l-pakkett jipproponi, u jkun jista' jipprovdi gwida billi jindirizza sfidi u opportunitajiet għan-negozji li jirriżultaw mit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika.

Direttiva fir-rigward tar-rapportar korporattiv sostenibbli

Il-presidenza Slovena ppreżentat rapport ta' progress rigward l-eżami tal-proposta fir-rigward tar-rappurtar korporattiv dwar is-sostenibbiltà, li ġie adottat mill-Kummissjoni Ewropea fil-21 ta' April 2021. Id-direttiva proposta għandha l-għan li testendi u ssaħħaħ ir-regoli eżistenti dwar ir-rappurtar mhux finanzjarju, sabiex jiġi żgurat fluss konsistenti ta' informazzjoni dwar is-sostenibbiltà permezz tas-sistema finanzjarja u b'hekk tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli. Il-proposta hija mistennija li tiġi adottata fl-2022.

Regolament dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti

Il-presidenza Slovena pprovdiet informazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali fl-eżami ta' dan il-fajl importanti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, li ġie adottat mill-Kummissjoni Ewropea fit-30 ta' Ġunju 2021. Ir-regolament dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti jaġġorna u jimmodernizza l-qafas ġenerali għas-sikurezza tal-prodotti tal-konsumatur li mhumiex għall-ikel u huwa ta' importanza kbira għat-tisħiħ tas-suq uniku.

Direttiva dwar il-kreditu għall-konsumatur

Il-presidenza Slovena ppreżentat rapport dwar il-progress li sar fir-rigward tal-proposta għal direttiva dwar il-kreditu għall-konsumatur. Il-proposta, li tressqet mill-Kummissjoni Ewropea fit-30 ta' Ġunju 2021, tfittex li żżid il-protezzjoni tal-konsumaturi finanzjarji, kif ukoll li tikkontribwixxi għal qafas legali tal-UE aktar armonizzat għall-forniment ta' servizzi finanzjarji għall-konsumatur fl-istati membri u bejniethom. Il-proposta hija mistennija li tiġi adottata fl-2022.

Il-presidenza Slovena pprovdiet ukoll informazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tar-regolament dwar il-makkinarju u l-prodotti relatati.

Affarijiet oħrajn

Il-presidenza infurmat lid-delegazzjonijiet dwar is-Summit tal-Innovaturi Next Generation EU li seħħ bejn is-26 u s-27 ta' Ottubru f'Ljubljana u dwar ir-riżultati ta' workshop dwar ir-riforma tar-restrizzjonijiet REACH, b'mod partikolari fl-oqsma tal-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni, li sar fi Brdo fid-9 ta' Novembru 2021.

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat ir-rapport Annwali 2021 tan-Network tar-Rappreżentanti tal-SMEs u aġġornat lill-ministri dwar il-ħidma tal-Forum Industrijali.

Id-delegazzjoni Griega infurmat lill-ministri dwar it-tisħiħ tar-reżiljenza tas-settur tas-saħħa tal-UE u tas-settur farmaċewtiku, u d-delegazzjoni Żvediża ppreżentat dokument informali dwar pjan ta' azzjoni għas-settur tas-servizzi. Id-delegazzjoni Franċiża ppreżentat il-programm ta' ħidma tagħha għall-presidenza li jmiss.

Il-Kunsill adotta wkoll mingħajr diskussjoni il-punti li jidhru fil-listi ta' punti A mhux leġiżlattivi.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Kompetittività

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 3 ta' Frar 2025