"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kunsill Kompetittività

Kunsill Kompetittività (Riċerka u spazju), 26 ta' Novembru 2021

Riżultati ewlenin

Riċerka

Governanza futura taż-ŻER & Patt għar-riċerka u l-innovazzjoni

Il-ministri approvaw konklużjonijiet dwar il-governanza ssimplifikata taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER), inkluż aġenda ta' politika taż-ŻER għall-2022-2024, u adottaw Patt għar-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) fl-Ewropa, li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' koordinazzjoni msaħħaħ.

Simona Kustec, Ministru għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Isport tas-Slovenja
Għandi l-pjaċir inħabbar li lestejna l-"istampa sħiħa" taż-Żona Ewropea tar-Riċerka l-ġdida. Bl-introduzzjoni ta' dan il-mudell ta' governanza f'diversi livelli, nistgħu nwettqu ż-ŻER il-ġdida. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-lum u l-Patt jipprovdu azzjonijiet konkreti li ser jgħinuna nirreaġixxu b'mod aktar effiċjenti għall-isfidi tas-soċjetà.
Simona Kustec, Ministru għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Isport tas-Slovenja
Simona Kustec, Ministru għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Isport tas-Slovenja

Skont il-Patt il-ġdid għar-riċerka u l-innovazzjoni, l-istati membri jimpenjaw ruħhom għal: i) sett ta' prinċipji u valuri komuni tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni; ii) oqsma ta' prijorità kondiviżi għall-azzjoni; iii) investimenti u riformi, u iv) proċess simplifikat ta' koordinazzjoni u monitoraġġ tal-politika.

L-azzjonijiet speċifiċi taż-ŻER li jinsabu fl-aġenda ta' politika taż-ŻER 2022-2024 ser jiġu implimentati fuq bażi volontarja mill-istati membri, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u f'kooperazzjoni mal-pajjiżi assoċjati mal-programm "Orizzont Ewropa", flimkien ma' organizzazzjonijiet tar-riċerka, akkademiċi u tan-negozju, kif ukoll ma' pajjiżi sħab oħra fejn applikabbli.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-kisba tal-objettivi transsettorjali

Il-ministri tal-UE kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni fil-kisba tal-objettivi transsettorjali. Matul l-interventi tagħhom, il-ministri ffukaw fuq kif il-pajjiżi tagħhom jorganizzaw koordinazzjoni transsettorjali għal inizjattivi Ewropej taħt il-pakkett "lesti għall-mira ta' 55%", il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida u l-HERA. Il-biċċa l-kbira tal-istati membri semmew li jinsabu fi triqithom sew fl-inklużjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni f'dawn l-inizjattivi, u spjegaw x'passi konkreti ħadu s'issa.

Ħafna ministri semmew l-importanza ta' struttura ta' governanza tajba, u enfasizzaw li l-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni għandu jintuża għall-finijiet it-tajba. Ħafna ministri semmew li huma jikkunsidraw il-kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, bħax-xjenzati u s-settur privat, ta' importanza ewlenija.

Suġġetti oħra fuq l-aġenda

Sħubijiet Ewropej Istituzzjonalizzati

Il-presidenza Slovena aġġornat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati dwar ir-regolament li jistabbilixxi l-impriżi konġunti taħt Orizzont Ewropa, li ġie adottat fid-19 ta' Novembru 2021, kif ukoll dwar is-sħubija Ewropea dwar il-metroloġija, li ġiet adottata fit-18 ta' Novembru 2021.

Ir-regolament li jistabbilixxi l-impriżi konġunti taħt Orizzont Ewropa jikkomplementa l-qafas eżistenti ta' Orizzont Ewropa billi jinvolvi sħab pubbliċi u privati fi sħubijiet Ewropej. Huma ser jindirizzaw l-isfidi u l-prijoritajiet globali li jeħtieġu massa kritika u viżjoni fit-tul. Dan ir-regolament ser jidħol fis-seħħ fit-30 ta' Novembru 2021.

Id-deċiżjoni dwar l-involviment tal-Unjoni Ewropea fis-Sħubija Ewropea dwar il-metroloġija hija waħda mill-oqsma ta' prijorità fil-pakkett ta' proposti għal sħubijiet Ewropej istituzzjonalizzati taħt Orizzont Ewropa. Il-metroloġija hija l-istudju tal-kejl, u din id-deċiżjoni ser tiżgura li l-istandards tal-kejl fl-istati membri ikunu kollha allinjati. Din id-deċiżjoni ser tidħol fis-seħħ fit-30 ta' Novembru 2021.

Dawn iż-żewġ atti, flimkien mar-regolament dwar l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew (EuroHPC) li ġie adottat fit-13 ta' Lulju 2021, jiffinalizzaw il-pakkett ta' tliet atti legali li jistabbilixxu sħubijiet Ewropej istituzzjonalizzati.

Avvenimenti u attivitajiet ewlenin matul il-presidenza Slovena

Il-presidenza aġġornat lill-ministri rigward id-dikjarazzjoni ta' Ljubljana dwar il-ġeneru fir-riċerka u l-innovazzjoni. Id-dikjarazzjoni, li ġiet ippreżentata mill-presidenza Slovena fit-8 u d-9 ta' Lulju 2021, tissottolinja l-importanza tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-riċerka u l-innovazzjoni.

Il-presidenza kellha l-pjaċir tħabbar li d-dikjarazzjoni ġiet approvata minn 35 parti, inkluż l-istati membri, il-Kummissjoni Ewropea, il-pajjiżi assoċjati, il-pajjiżi tal-adeżjoni u pajjiżi terzi.

Il-ministri ngħataw ukoll informazzjoni rigward il-konferenza dwar l-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie dwar "Iċ-ċirkolazzjoni tal-imħuħ u l-karrieri tar-riċerkaturi", li saret fil-15 u s-16 ta' Novembru. Il-presidenza Slovena aġġornat lill-ministri dwar il-Konferenza taż-ŻER "Lejn soċjetà responsabbli mmexxija mill-għarfien tat-tielet Millennju, li saret fis-26 u s-27 ta' Ottubru f'Brdo, is-Slovenja, u dwar l-"Inizjattiva dwar il-Pirati tal-Plastik", kampanja li għandha l-għan li twassal għal sensibilizzazzjoni dwar il-ħtieġa għal futur aktar nadif u aktar ekoloġiku. Ħabbret ukoll avveniment relatat mal-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka, li ser isir fis-7 ta' Diċembru.

Affarijiet oħrajn

Il-Kummissjoni Ewropea pprovdiet informazzjoni dwar il-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka (ESFRI), u d-delegazzjoni Franċiża ppreżentat il-programm ta' ħidma tagħha għall-presidenza Franċiża li jmiss.

Illustrazzjoni: ikoni li juru l-oqsma tar-riċerka

Żona Ewropea tar-Riċerka (Infografika)

Spazju

"Spazju għal kulħadd"

Il-Kunsill approva l-konklużjonijiet dwar "spazju għal kulħadd", filwaqt li saħqu fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernata mill-istati membri kollha fis-settur spazjali u tat-tisħiħ tar-rabtiet bejn is-settur spazjali u dak mhux spazjali.

Il-presidenza Slovena enfasizzat ir-rwol importanti li l-ispazju jista' jkollu fir-rispons għall-isfidi globali. Huma enfasizzaw li dan jista' jżid ir-reżiljenza soċjali u l-kapaċità ta' rkupru mill-kriżijiet. Il-presidenza temmen li l-konklużjonijiet huma dikjarazzjoni qawwija li tenfasizza l-importanza tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati u l-kooperazzjoni tal-istati membri biex l-ekonomija Ewropea tibqa' kompetittiva.

L-iżvilupp sostenibbli fit-tul u l-finanzjament ta' "Spazju Ġdid"

Il-ministri qasmu l-ħsibijiet tagħhom dwar il-finanzjament u dwar l-iżvilupp sostenibbli fit-tul ta' "Spazju Ġdid".

Ħafna ministri laqgħu approċċ Ewropew għall-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju. L-istati membri laqgħu b'mod ġenerali l-inizjattiva CASSINI, li hija fond Ewropew ta' €1 biljun li jagħti spinta lin-negozji ġodda u l-innovazzjoni spazjali. Il-biċċa l-kbira tal-istati membri saħqu fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġati l-SMEs u n-negozji ġodda fis-settur spazjali, kif ukoll fuq l-importanza tas-sostenibbiltà tal-ispazju extratmosferiku.

Suġġetti oħra fuq l-aġenda

Immaniġġjar tat-Traffiku fl-Ispazju

Il-presidenza Slovena ppreżentat ir-rapport tagħha dwar l-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju, li jenfasizza l-użu sostenibbli tal-ispazju ekstratmosferiku u ambjent sikur u sigur kemm għall-assi kif ukoll għan-nies.

Ir-rapport tal-presidenza dwar l-immaniġġjar tat-traffiku fl-ispazju huwa ta' importanza sinifikanti għall-presidenza Slovena, b'mod partikolari fid-dawl tal-avvenimenti reċenti li jinvolvu test distruttiv bis-satellita, li jenfasizza l-problema tal-iskart spazjali.

Ir-rapport iwitti t-triq għall-adozzjoni possibbli ta' pożizzjoni tal-UE taħt il-presidenza Franċiża.

Konnettività sigura

Fuq l-aġenda tal-ministri għall-ispazju kien hemm ukoll il-punt "il-bini ta' sistema tal-UE ta' komunikazzjoni sikura globali bbażata fl-ispazju" u taħt liema punt il-presidenza infurmat lill-ministri dwar il-konferenza tal-UE "Konnettività sigura" li saret fl-10 ta' Novembru 2021. L-inizjattiva ta' konnettività sigura tista' tkun it-tielet proġett ewlieni wara Galileo u Copernicus. L-għan tagħha huwa li tipprovdi aċċess għall-broadband għal kulħadd, u li tiżgura komunikazzjonijiet reżiljenti għall-utenti tal-gvern u setturi speċifiċi bħall-finanzi, l-enerġija u t-trasport.

Marbuta mal-punt tal-aġenda dwar il-konnettività sikura, il-Kummissjoni Ewropea pprovdiet informazzjoni dwar il-proposta futura tagħha "Il-bini ta' sistema tal-UE ta' komunikazzjoni sikura globali bbażata fl-ispazju", li hija skedata għat-tieni kwart tal-2022.

Id-delegazzjoni Franċiża ppreżentat il-programm ta' ħidma tagħha għall-Presidenza li jmiss.

Illustrazzjoni: satelliti madwar id-dinja, b'enfasi fuq il-kontinent Ewropew

Il-kisbiet tal-UE fl-ispazju (Infografika)

Dokumenti tal-laqgħat

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Kompetittività

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2025