- Kunsill Affarijiet Barranin
Kunsill Affarijiet Barranin, 17/03/2014, 17 ta' Marzu 2014
Il-Kunsill jikkundanna r-referendum illegali fil-Krimea
Imlaqqgħin fil-Kunsill Affarijiet Barranin, il-ministri tal-UE kkundannaw bis-saħħa r-referendum fil-Krimea u ma rrikonoxxewx l-eżitu tiegħu. Huma ddeċidew ukoll li jintroduċu sett addizzjonali ta' miżuri kontra 21 uffiċjal responsabbli għal azzjonijiet li jheddu l-integrità territorjali tal-Ukraina.
Il-Kunsill jikkunsidra t-twettiq tar-referendum bħala illegali, u bħala ksur ċar tal-kostituzzjoni tal-Ukraina. Il-ministri ħadu nota tal-abbozz ta' opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja li tiddikjara li r-referendum tal-Krimea seħħ bil-preżenza viżibbli ta' suldati armati. L-UE ma tirrikonoxxix u ma tistax tirrikonoxxi l-eżitu ta' referendum organizzat f'ċirkostanzi bħal dawn.
Il-ministri tal-affarijiet barranin tal-UE kkundannaw ukoll l-iżviluppi negattivi li raw fuq il-post li qed jiksru b'mod ċar is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina.
Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi, u f'konformità mad-dikjarazzjoni mill-kapijiet ta' stat jew ta' gvern tal-UE fis-6 ta' Marzu, il-Kunsill adotta miżuri restrittivi kontra 21 uffiċjal, u l-persuni u l-entitajiet assoċjati magħhom għar-rwol tagħhom fl-azzjonijiet li jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina. Illum jidħlu fis-seħħ il-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi fl-UE.
Il-Kunsill qed ifittex li jistabbilixxi preżenza internazzjonali fuq il-post u jappoġġa l-mobilizzazzjoni ta' Missjoni ta' Monitoraġġ Speċjali tal-OSKE għall-Ukraina.
Il-Kunsill jappella għal soluzzjoni paċifika u nnegozjata
Il-ministri tal-UE qalu li għad baqa' żmien biex jitreġġgħu lura l-iżviluppi negattivi attwali. L-Unjoni Ewropea tibqa' lesta li tiffaċilita d-djalogu bejn l-Ukraina u r-Russja. Huma appellaw lill-awtoritajiet Russi biex jieħdu passi sabiex titrażżan il-kriżi u wissew li għandhom jiġu implimentati sanzjonijiet ekonomiċi aktar qawwija fil-każ ta' azzjonijiet ulterjuri mir-Russja li jiddestabilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina.
Il-Kunsill approva l-modalitajiet għall-iffirmar tad-dispożizzjonijiet politiċi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fil-21 ta' Marzu fi Brussell. "Dan huwa sinjal qawwi tal-appoġġ politiku tagħna," qalet ir-Rappreżentant Għoli.
Il-Kunsill ikkonferma l-impenn tal-UE biex jimplimenta malajr il-pakkett ta' assistenza għall-Ukraina.
Suġġetti oħra fuq l-aġenda
Ir-Rappreżentant Għoli tal-UE informat ukoll lill-ministri dwar il-vjaġġ reċenti tagħha fil-Bosnja-Ħerzegovina fejn hi ddiskutiet kif l-UE tista' tappoġġa bl-aħjar mod l-isfidi politiċi, soċjali u ekonomiċi li qed jiffaċċja l-pajjiż.
Il-ministri ngħataw aġġornament dwar il-Proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani u s-sitwazzjoni attwali tal-isforzi li għaddejjin miż-żewġ partijiet u mill-Istati Uniti għal soluzzjoni dejjiema tal-konflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina. Hija kkonfermat l-appoġġ sħiħ tal-UE għall-isforzi tat-taħditiet ta' paċi u l-possibbiltà li ż-żewġ partijiet jibbenefikaw minn pakkett bla preċedent fil-każ li jista' jintlaħaq ftehim ta' paċi sostenibbli.
Il-ministri ddiskutew u adottaw konklużjonijiet dwar:
- l-istrateġija tal-UE dwar il-Golf tal-Ginea
- l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel
- il-Programm ta' Żvilupp għall-Afrika tal-Punent
- il-kriżi li għaddejja fis-Sudan t'Isfel
- ir-Repubblika Ċentru-Afrikana
Tagħrif għall-istampa
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.
Kompli segwina
- Irreġistra għall-allerti bl-email tagħna biex tirċievi aġġornamenti dwar din il-laqgħa u laqgħat simili.
- Segwi @EUCouncilPressgħall-aħħar aġġornamenti għall-istampa.
- Hashtag fuq X: #FAC
Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin
Ara laqgħat oħrajnL-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2025