Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 12/05/2014, 12 ta' Mejju 2014

Il-Kunsill jappoġġa lil Kiev għal elezzjonijiet presidenzjali liberi u ġusti

Kriterji ta' sanzjonijiet estiżi

Fid-dawl tal-avvenimenti reċenti fil-Lvant tal-Ukraina u l-konfiska illegali ta' entitajiet fil-Krimea, il-Kunsill estenda l-ambitu tas-sanzjonijiet tal-UE biex ikunu jistgħu jimmiraw:

  • persuni u entitajiet assoċjati ma' azzjonijiet u politiki li jdgħajfu l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukraina kif ukoll mat-tfixkil tal-ħidma ta' organizzazzjonijiet internazzjonali
  • entitajiet fil-Krimea u Sevastopol li ġew ikkonfiskati jew li bbenefikaw minn tali konfiska

żdiedu 13-il persuna mal-lista, biex b'hekk in-numru totali ta' persuni soġġetti għal sanzjonijiet issa sar 61, filwaqt li żewġ entitajiet konfiskati fil-Krimea u Sevastopol ser ikunu soġġetti għal iffriżar tal-assi.

Meta ltaqgħu fil-Kunsill Affarijiet Barranin, il-ministri tal-UE kkundannaw bis-saħħa l-avvenimenti vjolenti reċenti fl-Ukraina u l-organizzazzjoni tar-referendum fir-reġjuni tal-Lvant. Huma adottaw ukoll konklużjonijiet dwar attakki terroristiċi u l-ħtif ta' aktar minn 200 tifla tal-iskola fin-Niġerja.

Il-Kunsill iqis kwalunkwe referendum dwar l-unità, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukraina bħala illeġittimu u illegali.
 
Jeħtieġ li jsir djalogu bejn l-awtoritajiet fi Kiev u l-partijiet kollha sabiex fil-25 ta' Mejju jkunu jistgħu jsiru elezzjonijiet Presidenzjali Ukraini liberi u ġusti fit-territorju kollu tal-Ukraina. Il-Kunsill ħa nota tad-dikjarazzjonijiet reċenti mill-President tal-Federazzjoni Russa u jistenna li jiġi appoġġat it-twettiq ta' dawn l-elezzjonijiet.
 
Il-ministri tal-UE kkonfermaw l-impenn tal-UE għad-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Ġinevra tas-17 ta’ April dwar passi inizjali konkreti biex titnaqqas it-tensjoni u biex terġa' tiġi stabbilita s-sigurtà għaċ-ċittadini kollha, u appellaw lill-partijiet kollha involuti biex jimplimentawha b'mod sħiħ.
 
Il-President attwali tal-OSKE, is-Sur Didier Burkhalter, attenda l-laqgħa u kellu skambju ta' fehmiet mal-ministri dwar il-ħidma tal-Missjoni Speċjali ta' Monitoraġġ tal-OSKE u ż-żjara tiegħu f'Moska. Il-ministri tal-UE laqgħu u inkoraġġixxew il-ħidma tal-missjoni tal-OSKE fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Ġinevra u l-istabbiliment ta' sessjonijiet ta' laqgħat biex jiġi żviluppat djalogu nazzjonali.
 
Jeħtieġ li l-awtoritajiet Ukraini jappellaw lir-reġjuni kollha għal proċess ta' riforma kostituzzjonali.
 
Sabiex jassisti lill-Ukraina fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili, inklużi l-pulizija u l-istat tad-dritt, il-Kunsill qabbad lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jaħdem fuq elementi għal missjoni ċivili possibbli tal-PSDK

Il-Kunsill qabel ukoll dwar sett ġdid ta' sanzjonijiet u ħa nota tal-ħidma preparatorja li saret mill-Kummissjoni u l-Istati Membri fuq miżuri mmirati possibbli, kif mitluba mill-Kunsill Ewropew f'Marzu. Meta tiddeċiedi dwar miżuri futuri possibbli, l-UE ser tagħti attenzjoni partikolari lill-attitudni u l-imġiba fir-rigward tat-twettiq ta’ elezzjonijiet Presidenzjali liberi u ġusti.

Suġġetti oħra fuq l-aġenda

Fil-konklużjonijiet tagħhom, il-ministri tal-UE wrew it-tħassib serju tagħhom dwar l-iżviluppi reċenti relatati mal-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani. L-UE appoġġat bis-sħiħ u tfaħħar l-isforzi għall-paċi mill-Istati Uniti li saru mis-Segretarju tal-Istat Kerry u t-tim tiegħu. L-isforzi estensivi mwettqa f’dawn l-aħħar xhur ma jistgħux jisfaxxaw fix-xejn. Il-Kunsill ikkonferma l-appoġġ sħiħ tal-UE sabiex jissoktaw in-negozjati.
 
Il-Kunsill jikkundanna bis-sħiħ l-attakki terroristiċi reċenti fit-Tramuntana tan-Niġerja li wasslu għall-qtil ta' mijiet ta' persuni ċivili u l-ħtif ta' aktar minn 200 tifla tal-iskola. Il-ministri offrew l-appoġġ tagħhom lin-Niġerja u wrew l-intenzjoni tagħhom li jieħdu l-miżuri adatti kontra Boko Haram f'kooperazzjoni man-NU.

Matul l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri ddiskutew il-futur tal-Politika Ewropea tal-Viċinat.

Fl-aħħar nett, il-Kunsill adotta għadd ta' punti mingħajr diskussjoni.

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2025