Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 11 ta' April 2022

Riżultati ewlenin

Aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna

Il-ministri ddiskutew l-aggressjoni militari Russa u kienu magħqudin fl-appoġġ tagħhom għall-Ukrajna.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
L-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna tista' tiġi kkwalifikata f'żewġ kelmiet. L-ewwel waħda hija falliment. Falliment kbir tal-armata Russa. It-tieni hija orrur. L-armata Russa ħalliet warajha persuni ċivili maqtula, bliet meqruda u bumbardamenti indiskriminati. L-offensiva li r-Russja ser twettaq fil-Lvant tagħmilna saħansitra aktar determinati li nkomplu nappoġġaw lill-Ukrajna.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Il-ministri enfasizzaw l-importanza li dawk li jwettqu ksur gravi tad-dritt internazzjonali jinżammu responsabbli. L-UE ser tappoġġa lill-prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u lill-prosekutur Ukren finanzjarjament u b'persunal fuq il-post. Il-missjoni konsultattiva tal-UE issa ser tiġi skjerata biex tikkoopera fl-investigazzjoni u l-ġbir ta' evidenza.

L-UE ser tkompli tappoġġa lill-Ukrajna politikament u finanzjarjament, kif ukoll tappoġġa l-forzi armati Ukreni. F'dan ir-rigward, ser tkompli l-ħidma fil-Kunsill dwar il-proposta għal €500 miljun addizzjonali li għandhom jiġu mmobilizzati taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi.

Il-ministri vvalutaw ukoll l-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet u kif tiġi evitata kwalunkwe lakuna. Kellhom diskussjoni ġenerali dwar x'jista' jsir aktar.

Il-Kunsill iddiskuta wkoll l-isforzi biex tissaħħaħ il-komunikazzjoni strateġika u biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni, inkluż dwar is-suġġett taż-żieda fl-insigurtà tal-ikel ikkawżata mill-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Il-ministri ddiskutew kif għandha tiġi ffaċċjata din l-isfida ta' żieda fl-insigurtà tal-ikel f'reġjuni oħra tad-dinja, speċjalment fl-Afrika, il-Balkani tal-Punent, il-Lvant Nofsani u l-Amerka Latina.

Waqt l-ikla ta' nofsinhar, il-ministri tal-UE kellhom skambju ta' fehmiet mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Norveġiża Anniken Huitfeldt, u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Iżlandiża Thórdís Kolbrún Reykfjörd Gylfadóttir dwar l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

Il-Global Gateway

Il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-Global Gateway u pprovdew gwida biex jiġi żgurat li din l-inizjattiva ssegwi approċċ ġeopolitiku u globali għall-konnettività. Huma nnotaw l-importanza strateġika tal-involviment f'rotot ta' konnettività globali, b'mod partikolari fil-kuntest attwali.

Il-ministri semmew ukoll il-governanza u l-komunikazzjoni tal-Global Gateway, kif ukoll dwar kif din l-istrateġija tista' tappoġġa u ssaħħaħ il-kooperazzjoni tal-UE ma' atturi tal-istess fehma.

Ġrajjiet kurrenti

Il-ministri ddiskutew is-sitwazzjoni fil-Mali, li wasslet lill-UE biex tissospendi temporanjament it-taħriġ provdut mill-EUTM u l-EUCAP Mali lill-forzi armati u lill-gwardja nazzjonali. In-nuqqas ta' progress fil-proċess ta' tranżizzjoni, flimkien mal-preżenza ta' forzi affiljati mar-Russja fil-pajjiż u rapporti dejjem jiżdiedu ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u qtil ta' persuni ċivili mill-forzi armati u ġellieda barranin tal-Mali, kienu jeħtieġu rivalutazzjoni tal-preżenza tal-UE.

Il-ministri ttrattaw il-Balkani tal-Punent fil-kuntest tar-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni mal-UE. L-impenn strateġiku mar-reġjun, li jikkomplementa l-proċess ta' tkabbir, huwa saħansitra aktar importanti fil-kuntest ġeopolitiku li qed jevolvi wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.

Il-Kunsill ġie infurmat ukoll dwar il-kriżi istituzzjonali fil-Libja. L-istaġnar politiku attwali jpoġġi f'riskju l-progress miksub matul is-sena li għaddiet u jdewwem iżjed il-prospett li tiġġedded il-leġittimità tal-istituzzjonijiet Libjani permezz tal-elezzjonijiet.

Il-Ministru Żvediż għall-affarijiet barranin infurmat lill-Kunsill bil-vjaġġ reċenti tagħha fil-Jemen fejn wasslet messaġġi tal-UE u dwar l-isforzi ta' paċi li għaddejjin. Ir-Rappreżentant Għoli kkondivida l-impressjonijiet mit-tielet vjaġġ tiegħu fil-Golf.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' eżitu

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025