Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Barranin

Kunsill Affarijiet Barranin, 16 ta' Mejju 2022

Riżultati ewlenin

Balkani tal-Punent

Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu diskussjoni strateġika dwar kif l-UE tista' tgħin biex jittaffa l-impatt tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna fuq il-Balkani tal-Punent. Il-ministri esploraw azzjonijiet possibbli tal-UE biex jiffukaw aktar l-impenn politiku tal-UE fir-reġjun, u kkunsidraw kif jgħinu lis-sħab tal-Balkani tal-Punent iżidu r-reżiljenza tagħhom fil-konfront ta' atturi terzi u theddid ibridu.

Josep Borrell, Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Is-sħab kollha tagħna qed iħossu l-impatt dirett li qed tikkawża l-gwerra tar-Russja madwar id-dinja: fuqil-prezzijiet tal-enerġija, fuq in-nuqqas ta' ikel u l-inflazzjoni. Ser ikollna nadattaw l-appoġġ finanzjarju tagħna f'konformità ma dawn il-ħtiġijiet ġodda, u f'dawn l-azzjonijiet ser ninkludu lis-sħab tagħna sabiex intaffu l-effetti ta' din il-kriżi li ġejja.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Waqt ikla ta' ħidma, il-ministri għall-affarijiet barranin tal-UE u l-kontropartijiet tagħhom mis-sitt sħab tal-Balkani tal-Punent ingħaqdu u ddiskutew il-futur tar-reġjun fi triqtu lejn l-Unjoni Ewropea.

Il-Kunsill laqa' l-għażla ta' dawk is-sħab li allinjaw bis-sħiħ mal-politika barranija u s-sanzjonijiet tal-UE, u esprima l-aspettattiva ċara tiegħu li s-sħab kollha fir-reġjun, speċjalment il-pajjiżi kandidati, jimpenjaw ruħhom għall-valuri Ewropej u l-politika barranija Ewropea.

Il-ministri appellaw ukoll lis-sħab tal-Balkani tal-Punent biex jaħsbu u jaġixxu b'mod aktar strateġiku fir-rigward tal-problemi domestiċi tagħhom, ir-riformi u s-soluzzjoni ta' kwistjonijiet bilaterali miftuħa.

Il-Kunsill iddiskuta s-sitwazzjoni fil-Bożnija-Ħerzegovina, u tenna l-impenn tal-UE għall-perspettiva tagħha tal-UE bħala pajjiż uniku, magħqud u sovran. It-treġġigħ lura tar-riformi u ż-żarmar tal-istituzzjonijiet statali huma inkompatibbli ma perspettiva Ewropea u inaċċettabbli.

Dwar id-Djalogu bejn Belgrad u Pristina, il-ministri tennew l-aspettattivi tagħhom dwar ir-rispett sħiħ u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet preċedenti kollha, u n-normalizzazzjoni progressiva tar-relazzjonijiet bejn is-Serbja u l-Kosovo*.

*Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

Aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

Il-Kunsill Affarijiet Barranin iddiskuta l-aggressjoni Russa li għaddejja kontra l-Ukrajna u ffoka fuq l-aħħar żviluppi fuq il-post u fuq l-elementi tal-azzjoni tal-UE. B'mod partikolari, il-ministri ddiskutew l-appoġġ tal-UE għall-Ukrajna, il-kuntatt diplomatiku, il-miżuri ta' deterrenza, l-attivitajiet Russi ta' manipulazzjoni u interferenza tal-informazzjoni, u l-isforzi biex jiġi żgurat l-obbligu ta' rendikont.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Ukrajna Dmytro Kuleba. u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Kanada Mélanie Joly ukoll issieħbu fid-diskussjoni.

Għamilna analiżi ta' kull mod li bih nistgħu nipprovdu appoġġ finanzjarju: quddiem is-sitwazzjoni umanitarja li sejra għall-agħar, quddiem il-ħtiġijiet finanzjarji immedjati tal-Ukrajna matul il-gwerra, għar-rikostruzzjoni tal-pajjiż wara l-gwerra, u għall-awtodifiża. Josep Borrell, Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Il-ministri kkunsidraw il-proposta li jiġu pprovduti €500 miljun addizzjonali mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi għat-twassil ta' armi lill-Ukrajna.

Il-ministri kkunsidraw ukoll kif għandha tiġi appoġġata l-ekonomija tal-Ukrajna permezz ta' miżuri ta'liberalizzazzjoni tal-kummerċ u ta' faċilitazzjoni tat-trasport. Permezz tal-adozzjoni reċenti ta' pjan ta' azzjoni tal-UE għall-Korsiji ta' Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna, l-UE diġà qed tgħin lill-Ukrajna biex tkompli tipproduċi u tesporta ħbub u qamħ madwar id-dinja.

Il-Kunsill indirizza l-kwistjoni tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni mir-Russja u t-tentattiv tagħha li titfa' t-tort għall-impatt dinji dejjem jikber tal-aggressjoni tagħha mhux biss fuq l-Ukrajna, iżda wkoll fuq l-UE u l-Punent b'mod ġenerali. Il-Kunsill irrifjuta b'mod kategoriku n-narrattiva tar-Russja u ser ikompli jiġġilidha. L-iskarsezzi ta' enerġija u ta' ikel kif ukoll iż-żidiet fil-prezzijiet huma r-riżultat tal-gwerra ta' aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja.

Flimkien mal-G7, il-G20 u l-FAO, l-UE qed taħdem biex ittaffi l-effetti negattivi tal-aggressjoni tar-Russja, u tiżgura l-provvista tal-ikel lill-pajjiżi kollha.

Ġrajjiet Kurrenti

Ir-Rappreżentant Għoli informa lill-Kunsill dwar il-missjoni reċenti tiegħu fl-Amerka Latina, fejn iltaqa' mal-mexxejja fiċ-Ċilì u fil-Panama.

Huwa pprovda wkoll aġġornament dwar l-appoġġ finanzjarju tal-UE lill-Palestina, bħala segwitu għal-laqgħa tal-KAB ta' April.

Il-Kunsill ġie infurmat ukoll dwar is-sitwazzjoni fl-Etjopja, it-tensjonijiet li għaddejjin fil-Lvant tal-Mediterran, u l-istat tal-applikazzjonijiet tan-NATO ta' żewġ stati membri tal-UE.

Konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill approva konklużjonijiet dwar Approċċ Strateġiku tal-UE b'appoġġ għad-Diżarm, id-Demobilizzazzjoni u r-Reintegrazzjoni ta' dawk li kienu kumbattenti.

Ekwivalenza tal-ispezzjonijiet fuq il-post u ta' ċerti żrieragħ prodotti fil-Bolivja

Il-ministri adottaw il-proposta tal-Kummissjoni għall-għoti tal-ekwivalenza għall-produzzjoni u l-ispezzjonijiet fuq il-post tal-uċuħ tar-raba' li jipproduċu ż-żerriegħa taċ-ċereali u tal-uċuħ tar-raba' li jipproduċu ż-żerriegħa tal-pjanti taż-żejt u tal-fibra fil-Bolivja. L-approvazzjoni tal-Kunsill ser iżżid il-Bolivja mal-lista ta' pajjiżi terzi li s-sistema ta' ċertifikazzjoni taż-żerriegħa tagħhom hija rikonoxxuta bħala ekwivalenti għal dik tal-UE, li tippermetti l-importazzjonijiet ta' sorgu, qamħirrum u żerriegħa tal-ġirasol mill-Bolivja għas-suq tal-UE.

Dokumenti tal-laqgħat

Dokumenti ta' tħejjija

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Barranin

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Frar 2025