"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna - konsegwenzi għas-sigurtà tal-ikel
Il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu skambju ta' fehmiet dwar l-aħħar żviluppi fir-rigward tal-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Il-ministri enfasizzaw id-determinazzjoni tagħhom li jkomplu jappoġġaw lill-Ukrajna b'mod militari, billi jitfgħu pressjoni fuq ir-Russja u billi jaħdmu mal-komunità internazzjonali.
Il-Kunsill imbagħad iffoka fuq il-konsegwenzi negattivi tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja fuq is-sigurtà tal-ikel madwar id-dinja.
Ir-Russja qed timblokka l-esportazzjonijiet Ukreni. Ir-Russja, mhux aħna. Ir-Russja qed teqred il-portijiet, il-ħażniet tal-ikel u l-infrastruttura tat-trasport, u dan wassal għall-kriżi globali tal-ikel. Meta aktar minn 20 miljun tunnellata ta' ħabba qed jiġu imblukkati f'ħażniet Ukreni, u xi ħadd qed iżomm dan l-ikel milli jasal għand il-konsumaturi, xi ħadd ieħor ser ibati mill-ġuħ. Dan huwa tentattiv intenzjonat biex l-ikel jintuża bħala arma tal-gwerra. Huwa tentattiv intenzjonat biex jinħoloq il-ġuħ fid-dinja.
Josep Borrell, Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
Il-Kunsill iffoka b'mod partikolari fuq l-effetti tal-kriżi fuq il-pajjiżi Afrikani u kif dawn il-pajjiżi jistgħu jingħataw għajnuna biex itaffu l-impatt taż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel.
L-UE qed turi solidarjetà u qed tieħu azzjoni deċiżiva. Hija wiegħdet madwar €1 biljun biex tiġi indirizzata l-insigurtà tal-ikel fis-Saħel, €600 miljun għal appoġġ urġenti biex jissaħħu s-sistemi tal-ikel u r-reżiljenza fil-Qarn tal-Afrika, u €225 miljun biex jittaffew l-impatti ta' kriżijiet emerġenti potenzjali tal-ikel fl-Afrika ta' Fuq u l-Levant. L-UE ser tistudja wkoll, f'kooperazzjoni man-NU, l-impatt tal-konformità mas-sanzjonijiet tal-UE jew l-evitar tas-suq mhux ġustifikat minn xi atturi ekonomiċi.
Il-Kunsill imbagħad iddiskuta l-Pjan ta' Azzjoni dwar il-konsegwenzi ġeopolitiċi tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq pajjiżi terzi. Il-Pjan ta' Azzjoni jiffoka fuq is-solidarjetà, it-tisħiħ tal-produzzjoni tal-ikel fuq il-post, l-istabbilizzazzjoni tal-kummerċ, u l-kooperazzjoni multilaterali.
L-Eġittu
Wara l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu tad-19 ta' Ġunju, li approva l-Prijoritajiet il-ġodda tas-Sħubija UE-Eġittu sal-2027, il-Kunsill Affarijiet Barranin kellu diskussjoni dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Eġittu. Id-diskussjoni ffukat fuq is-sigurtà tal-ikel u fuq il-Presidenza tal-Eġittu tal-COP27 li jmiss.
Id-diskussjoni kienet segwita minn skambju informali ta' fehmiet waqt l-ikla ta' nofsinhar mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Eġittu, Sameh Hassan Shoukry.
Il-ministri skambjaw fehmiet dwar il-konsegwenzi tal-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, u dwar it-tħejjijiet għall-COP27. It-tibdil fil-klima jibqa' prijorità globali u l-UE ser tappoġġa lill-Eġittu biex tgħinu jiżgura s-suċċess tal-COP 27.
Il-Qarn tal-Afrika
Il-Kunsill kellu diskussjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Qarn tal-Afrika, u dwar l-elementi ta' impenn proattiv aktar fit-tul tal-UE f'reġjun li fih il-fraġilitajiet ġew aggravati mill-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.
Il-ministri rrieżaminaw is-sitwazzjoni fis-Sudan, fejn l-UE tappoġġa l-mekkaniżmu tripartitiku tan-NU, l-Unjoni Afrikana u l-IGAD biex tinstab soluzzjoni politika aktar faċilment.
Dwar is-Somalja, il-ministri saħqu fuq l-importanza li jiġi sfruttat il-momentum il-ġdid wara l-elezzjoni ta' President ġdid, u li jkun hemm pressjoni għal riformi politiċi, ta' sigurtà u ekonomiċi.
Fl-aħħar nett, id-diskussjoni ministerjali enfasizzat il-fatt li għalkemm sar xi progress fl-Etjopja, dan mhuwiex biżżejjed biex ir-relazzjonijiet jerġgħu lura għan-normal. L-approċċ tal-UE għandu jkun "kawt, kondizzjonali u tranżazzjonali", jiġifieri jiddependi fuq aċċess umanitarju ulterjuri, ir-restawr tas-servizzi bażiċi f'Tigray u t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-fjuwil u l-fertilizzanti.
Il-Kunsill adotta dikjarazzjoni dwar is-sostenn u l-promozzjoni tar-rispett għad-dritt internazzjonali, inkluż il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.
Din ir-riżorsa bħalissa hi disponibbli biss bil-lingwa jew il-lingwi li ġejjin:
Fil-marġini tal-laqgħa tal-Kunsill, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tad-Danimarka informa formalment lir-Rappreżentant Għoli u lill-presidenza Franċiża dwar l-intenzjoni tad-Danimarka li ttemm in-nonparteċipazzjoni tagħha u li tissieħeb fil-politika u l-kooperazzjoni tad-difiża tal-UE.
Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.
L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.